Din il-ġimgħa ħarsa lejn il-Ministeru tagħna, issibna għaddejjin b’ħafna attivita’ relatati mal-Baġit. Għall-kuntlarju ta’ ħaddieħor li bħalissa qiegħed jaħseb biex jipprepara għall-vaganza tiegħu; aħna qegħdin naraw pass pass kif ser naslu minn hawn sal-Baġit.
Preżentament, bħalissa għaddejjin bil-laqgħat bilaterali fejn niltaqgħu mal-Ministri u magħhom iġibu l-uffiċjali tagħhom sabiex flimkien ninnegozjaw u naraw kemm wieħed jista’ jonfoq, u fuqiex; u liema huma l-prioritajiet. Għalhekk, tkun ħidma sfieqa b’rabta mad-dokument ta’ qabel il-baġit (Pre-Budget Document).
Il-Pre-Budget Document 2020 jagħti rendikont ta’ fejn tkun waslet l-ekonomija, fejn bi ħsiebha tmur is-sena d-dieħla għaliex fuq kollox il-baġit huwa għas-sena d-dieħla u għalhekk, jiġi ddeterminat mill-andament ekonomiku.
Kemm ikun hemm tkabbir ekonomiku jirriżulta fi tkabbir tad-dħul għall-Gvern u għalhekk jipprova jinkwadra l-baġit għas-sena d-dieħla, kemm nistgħu nonfqu u fuqiex. Din hija xi ħaġa li jrid jiddeċidieha l-Gvern.
Fil-laqgħat li jkolli mal-Prim Ministru, dawn huma d-diskussjonijiet li jkollna. Dawn jittrattaw il-prioritajiet preżenti. Illum il-ġurnata dawn il-laqgħat huma ferm differenti minn dawk ta’ minn fejn tlaqna sitt snin ilu għaliex il-prioritajiet kienu differenti. Waqt il-laqgħat konna nistaqsu dwar kemm din il-miżura ser taħdem u l-effetti tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħolqien tax-xogħol, mal-parteċipazzjoni tan-nisa’ fid-dinja tax-xogħol. Konna nistaqsu wkoll “imma din ser toħroġ in-nies mid-dar? Dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali ser ikunu konvinti biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol?”; dawn kienu l-mistoqsijiet. Dak iż-żmien konna għadna qegħdin nippreparaw, wieħed jesperimenta. Iżda issa llum qegħdin bilqegħda nħarsu lura u ngħidu b’suċċess li dawn ir-riformi u tibdiliet kellhom l-effett pożittiv li llum wieħed qiegħed igawdi permezz ta’ tkabbir ekonomiku.
Ħafna qegħdin jipprovaw iċeknu dan it-tkabbir u qegħdin ipenġuh li jispiċċa fi sfreġju fuq l-ambjent. Fil-verita’ dan mhuwiex il-każ għaliex it-tkabbir ekonomiku iżid il-ġid u jiddependi minna li niddeċiedu il-ġid fejn irridu nonfquh. Jekk inti trid tinvesti biex tippurifika l-arja, biex ikollna baħar isbaħ, dan jiddependi minna u l-investiment li nagħmlu fuqu.
Nieħdu eżempju mit-tindif mit-toroq: huwa minnu li t-tkabbir iġib aktar attivita’ li minnha nfisha tipproduċi aktar skart pero l-ekonomija ittik riżorsi biżżejjed biex tnaddfu, tippjana, tgħallem għaliex fuq kollox it-tagħlim, għax ma jistax ikun li l-Gvern m’għandux jibqa jsefter wara min huwa traskurat u wara min huwa maħmuġ u li jħalli diżastru minn fejn jgħaddi. L-edukazzjoni tiġi minna u mill-familja u huwa importanti għaliex pajjiżi avvanzati tarahom nodfa minħabba li huma mgħalmin mill-familja u mill-iskejjel biex ma jħamġux.
Il-prioritajiet tagħna huma fattibbli u nistgħu ngħidu li bil-ġid li qed jinħoloq, nistgħu nippjanaw biex jkollna ħajja aħjar. Mhuwiex minnu li aħna skjavi tat-tkabbir ekonomiku u li ma nistgħu nagħmlu xejn. Le, dan jiddependi minna. Ir-regolamenti iktar iridu jkunu iebsin, irid ikun hemm inqas nies li jipprovaw jiskartaw biex jagħtu l-kontribut tagħhom, irridu naraw li dawk is-setturi li qegħdin igawdu, jikkontribwixxu għal dawk li qegħdin igawdu inqas speċjalment dawk li huma sfortunati fis-soċjeta tagħna minħabba problemi ta’ saħħa jew minħabba li qegħdin fi snin ta’ irtirar mix-xogħol. Huwa għalhekk li dan il-Gvern, l-ewwel priorita’ tiegħu hija li jħares lejn il-pensjonanti u jindrizza l-bżonnijiet tagħhom. Il-pensjonijiet jiġu mill-kontribut ta’ dawk il-ħaddiema li llum qed jaħdmu u jħalsu l-bolla. Jekk iżżid dan il-piż fuqhom, l-ekonomija ma tibqax tikber daqs kemm qed tikber illum u allura trid iżżomm il-bilanċ. Huwa dan il-bilanċ fil-baġit fejn dejjem urejna li kapaċi nżommuh. Minkejja li jkun hemm min ikun xettiku u jipprova jgħid li wasalna fit-tarf jew minħabba l-inflazzjoni, dan mhu minnu xejn għaliex ir-rating agencies, kull min jevalwana, li għandna ħażin jgħidu u dak li huwa tajjeb ukoll. Huwa għalhekk li għandna nisimgħu b’min hu b’mod oġġettiv iħares lejn l-ekonomija; is-sabiħ u l-ikrah tagħha.
L-impenn tal-Gvern huwa li nsibu bilanċ, li nfittxi l-ġid tal-pajjiż kemm jista’ jkun biex jinxterdu fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Fil-ġimgħat li ġejjin ser nispjega f’aktar fid-dettall dwar fejn tkun waslet il-preparazzjoni għall-Baġit 2020.
9 t’ Awwissu 2019
2 responses to “Bilanċ Ekonomiku biex il-Ġid jitqassam fost Kulħadd”
Thank you for your sharing. I am worried that I lack creative ideas. It is your article that makes me full of hope. Thank you. But, I have a question, can you help me?
Thanks for sharing. I read many of your blog posts, cool, your blog is very good.