Bżonn ta’ accountability


Id-demokrazija hi prinċipju politiku li baqa b’saħħtu matul iż-żminijiet għaliex din is-sistema ta’ tmexxija biss tiżgura li fil-pajjiż tirrenja l-paċi u l-istabbilita’ politika li permezz tagħhom il-pajjiż jagħmel progress ekonomiku u soċjali. Din id-demokrazija titlob lil poplu ta’ pajjiż jgħaddi żewg poteri ewlenin lil grupp ta’ nies li jissejjaħ Gvern.

L-ewwel poter jgħaddi fuq bażi tar-riżultat ta’ elezzjoni. Permezz ta’ dan il-poter il-Gvern jingħata l-fakulta’ li jmexxi l-pajjiż.  It-tieni poter jgħaddi lil dak il-Gvern li jkun elett u għalhekk igawdi l-fiduċja tal-poplu fi żmien il-Baġit. Permezz tal-Baġit approvat il-Gvern jingħata l-poter li jiġbor it-taxxi u jonfoqhom bil-mod li jkun ippjana.

Is-sekwenza hija ċara u loġika. Min jipprova jbiddel is-sekwenza mhuwiex demokratiku. Ħadd ma għandu jersaq biex jitlob biex jintaxxa l-poplu u jonfoqlu flusu qabel ma jkun żgur li jgawdi mill-ewwel poter li jkun għaddielu l-poplu qabel li hu dak li jagħtih fiduċja permezz ta’ maġġoranza fil-Gvern.

Li Gvern elett mill-poplu b’maġġoranza ċara u inekwivoka jersaq lejn Baġit bi pjan serju jgħin biex il-pajjiż ikollu stabbilita’ li tgħin biex jitmexxa aħjar. Dan hu li trid kull familja u kull negozju f’pajjiżna mill-politiċi tagħna.

Min għal skopijiet ulterjuri jipprova jħawwad l-imħuħ u jipprova jilgħab b’dawn iż-żewġ prinċipji demokratiċi billi jdawwar is-sekwenza tagħhom ma jkunx irid il-ġid f’pajjiżu imma l-ġid personali tiegħu u ta’ sħabu.

 

Kont ta’ għemilu

Meta Bagit ta’ pajjiż jgħaddi mill-Parlament id-demokrazija titlob li l-mod kif jinġabru t-taxxi u jsir l-infieq isir b’mod trasparenti. Il-poplu għandu dritt li jkun jaf ewro ewro kif qed jinġabru u jintefqu flusu.

Il-poplu jaf li flus li jintefqu minn nies li ma jkunux ħadmu u bgħatew biex jaqalawhom mhux ser jonfquhom bl-istess għaqal li kieku nefquhom huma stess. Din hi l-problema fundamentali dwar d-dħul u l-infieq tal-Gvern. Kull pajjiż għandu sistemi tiegħu biex jara li jkun hemm kontroll dwar dan. Fin-nofs hemm eluf ta’ miljuni ta’ ewro. Pero fl-aħħar mill-aħħar hu l-Gvern innifsu li għandu jgħoss il-prinċipju ta’ accountability, jiġifieri li jagħti kont ta’ għemilu. Dan isir billi jagħti informazzjoni ċara regolari sew fil-Parlament u permezz ta’ mezzi oħra. B’hekk jippreveni li ssir il-ħela u abbużi tal-poter dwar x’jiġri mill-flus ta’ min iħallas it-taxxi.

Dan iġibni għal mod xejn trasparenti li l-Gvern qed jamministra l-Fondi tal-Unjoni Ewropea. Mur fittex fil-website tal-Uffiċju tal-Prim Ministru u tara ssibx informazzjoni dwar dan. Xejn. Kulma ssibu hu dwar fejn iddeċieda li jalloka parti kbira mis-somma ta’ 855 miljun ewro li ingħataw lil pajjiżna tul il-perjodu 2007 – 2013. Bħal li kieku l-informazzjoni dwar l-ewwel stadju tal-proċess, jiġifieri li tiddeċiedi fejn trid tonfoqhom hi l-informazzjoni kollha li l-poplu Malti jrid ikun jaf. Li jimpurtah il-poplu Malti u Għawdxi hu kemm flus qed jersqu lejn pajjiżna u mhux jibqgħu biss fuq il-karta.

Kull meta minn naħa tal-oppożizzjoni, kif inhu dmirha staqsiet dwar dan, ir-risposta dejjem kienet litanija ta’ ftaħir dwar rekords ta’ Malta f’dan ir-rigward, pero’ dejjem tintuża l-istess statistika tedjanti tal-kemm flus ġew allokati fuq il-karta.

Bil-pożizzjoni tiegħi fil-Parlament Ewropew ili ħafna nipprova nimbotta l-Kummissjoni Ewropea tinforma hi stess lil poplu Malti dwar dan. Fl-aħħar irnexxili.

L-aħbar għalija hi xokkanti. Bħalissa ninsabu fl-aħħar tas-sitt sena taċ-ciklu baġitarju 2007-13 tal-Unjoni Ewropea tant li n-negozjati diffiċli bejn il-gvernijiet ewropej issa huma ffukati fuq iċ-ċiklu finanzjarju li jmiss tal-perjodu 2014 – 2020. Baqa sena waħda biss biex jintefqu t-855 miljun ewro allokata lil Malta, għalkemm l-Unjoni Ewropea tagħtina ċans ta’ sentejn oħra biex ngħalqu l-kontijiet, jiġifieri dik ta’ Diċembru 2015. Wara din id-data jintilef kull ewro li ma jkunx intefaq.

U x’qaltilna l-Kummissjoni Ewropea? Li sal-lum Malta għada nefqet biss fuq proġetti magħluqa 198 miljun ewro. Magħhom għaddiet depożitu ta’ 80 miljun oħra fuq proġetti mibdija. Dak kollox. Jekk tgħodd kollox issib li Malta għada biss assorbiet 33% tal-fondi mgħoddija lilha mill-Unjoni Ewropea. F’sitt snin ma irnexxiliet tassorbi iżjed.

Kieku ma għadditilniex din l-informazzjoni l-Kummissjoni kieku sal-lum għadna żaqqna mimlija bil-kliem fieraħ tal-Prim Ministru li Malta qegħda fuq ta’ quddiem fl-Unjoni Ewropea kollha f’dak li hu infieq minn dan il-baġit. Dik trasparenza! Dik accountability!

Quddiemna pajjiżna għandu l-isfida li jonfoq 200 miljun ewro fis-sena għal dawn it-tlett snin li ġejjin meta jaf li din is-somma Gvern li sejjaħ lilu nnifsu GonziPN ħa sitt snin biex jonfoqha.

Il-Partit Laburista li qed jaspira biex imexxi l-pajjiż għal dawn il-ħames snin li ġejjin, jekk jingħatalu l-mandat biex jigverna mill-poplu, għandu raġun jgħid li pajjiżna għandu potenzjal kbir quddiemu. Li għandu bżonn il-pajjiż, iżda, hu Gvern għaqli li jmexxih. Gvern li jkun accountable u trasparenti f’għemilu. Din hi t-tama li qed tingħata lil poplu Malti u Għawdxi.

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 10 ta’ Dicembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *