Bl-Ingliż inħobbu ngħidu li, a week is a long time in politics. Fi kliem ieħor ġimgħa fil-politika hija eternità, għax tant jista’ jiġri xi ħaġa mil-lum għal għada li qatt ma tista’ tbassar bejn wieħed u ieħor x’jista’ jiġri, u jiġru affarijiet li wieħed ma jkunx jistennihom.
Din tapplika mhux biss għal Malta. M’hemm l-ebda dubju li f’temp ta’ ġimgħa għandek il-qabel u l-wara ta’ elezzjoni fejn hemm dawk l-affarijiet li wieħed b’anzjetà jistenna r-riżultat imbagħad wara, meta jiġi r-riżultat, iħalli impatt qawwi sew fuq il-Gvern kif ukoll fuq l-Oppożizzjoni.
Kif diġà għidt dan japplika wkoll għall-politika Ewropea u anke barranija. Li kien qed jiġri dan l-aħħar fil-politika huwa li kien qed ikun hemm tħassib kbir dwar il-fatt illi l-elettorat, l-popolazzjoni ta’ ħafna pajjiżi ma kinetx sodisfatta bl-affarijiet li kienu qegħdin jiġru mill-Gvernijiet ta’ dak iż-żmien, l-establishment. Għaldaqstant l-elettorat kien qed jivvota mhux daqsekk bl-addoċċ imma b’mod illi min ikun qiegħed josserva jgħid: dan mhux tas-soltu.
Jagħti stampa iktar ċara ta’ dak li qed ngħid huwa r-riżultat tal-Brexit. Kienet xi ħaġa li żgur la l-midja u lanqas kull osservatur ma kien qiegħed jistenna. Kulħadd kien qiegħed jistenna li jivvotaw kontra li joħorġu mill-Unjoni Ewropea għar-raġuni li r-riżultati tant huma negattivi. Iżda ġara li ġara. L-elettorat injora dawn l-affarijiet li kienu qegħdin jintqalu u tnejn u ħamsin fil-mija, maġġoranza assoluta, qalu bil-vot tagħhom li riedu joħorġu mill-Unjoni Ewropea u llum għandna dawn ir-riperkussjonijiet.
Ġara l-istess fl-Amerika, fejn wieħed kien qiegħed jistenna li Hillary Clinton ikollha ċans għax għandha l-esperjenza u titkellem aħjar minn dak li kien qiegħed jingħad minn Donald Trump. Għall-inqas, osservaturi barra mill-Istati Uniti konna qegħdin ngħidu li dak li kien qed jgħid Trump ma kienx jagħmel sens. Li huwa estrem, kif fil fatt għadu sal-lum, u ħsibna li l-maġġoranza Amerikana żgur li ma kinetx se tivvota għalih. Rajna li fil-fatt ġara bil-kontra u Trump ġie elett u issa sar il-President tal-Amerika.
Apparti dan li semmejt, fil-kontinent Ewropew kellna wkoll ċaqlieq simili. Ċerti partiti populisti li bdew iwegħdu affarijiet li jekk inti tikkonċentra fuqhom tinnota li dawn żgur ma jistgħux jitwettqu. Jekk hux iċ-Cinque Stelle fl-Italja, hekk hux Marine Le Pen fi Franza, kien hemm ukoll fl-Awstrija. F’ħafna minn dawn il-pajjiżi, partiti żgħar estremi u populisti fejn kull ma jmur dejjem qegħdin ikabbru l-popolarità tagħhom u allura kulħadd jistaqsi: fejn se tmur il-politika? Fejn se morru? U x’se jkun ir-riżultat tagħha?
Għax issa nafu x’kien ir-riżultat Ingliz fuq il-Brexit! Rajna lil dawk kollha li kienu qegħdin jissostjenu u jimbuttaw favur il-Brexit jirreżenjaw l-għada li ħareġ ir-riżultat għax ma kienux kapaċi jmexxu u kellhom iħallu f’idejn ħaddieħor. Qed naraw fil-fatt lill-Prim Ministru Ingliża tal-lum, Theresa May, li kienet ivvutat sabiex tibqa’ fl-Unjoni Ewropea u mhux biex toħroġ, tiġi eletta u magħżula hi flok David Cameron li rriżenja, li se jwassal biex tkun hi li tkompli dan il-proċess.
Pero anke dak iċ-ċaqlieq li sa ftit ilu konna qegħdin nistaqsu fejn se jwassal, reġà qisu beda jdur. Kellek, per eżempju, l-elezzjonijiet fl-Ingilterra fejn kien hemm il-Prim Ministru mingħaliha li se tagħmel elezzjoni bikrija biex issaħħaħ idejha u l-elettorat, għal kuntrarju li ħasbet hi, naqqsilha l-popolarità tagħha, naqqsilha l-maġġoranza, tellifielha u ġiet agħar milli kienet qabel.
Jekk naraw fi Franza l-iktar riżultat li naħseb kien importanti huwa fejn ħareġ karattru li qatt ma kellu esperjenza. Qed nirreferi għal Emmanuel Macron, li ma kellux esperjenza fil-politika, la ta’ naha u lanqas ta’ oħra u ħareg b’dik is-saħħa u ġie elett President, filwaqt li partiti tradizzjonali tilfu l-voti bil-kbir.
Dan filwaqt li kulħadd kien qiegħed jaħseb li Marine Le Pen kienet se tkompli tissaħħaħ bil-kampanja tagħha kontra r-refuġjati, li toħroġ mill-Unjoni Ewropea, li toħroġ mill-Ewro fost affarijiet oħra. Rajna kif fil-fatt naqqset, jew ma rnexxilix iġġib dak li wieħed kien qiegħed jistenna. Ma ġabitx lanqas il-maġġoranza fi Franza u issa l-Franċiżi għandhom Gvern ieħor b’saħħtu u allura beda jinbidel ix-xenarju.
Ma’ dan kollu li semmejt inżid ukoll kif fil-mument għandek il-Ġermanja li qegħda tiffaċċja elezzjoni u allura hemm ħafna inċertezza u forsi m’hemmx dik is-saħħa. Pero meta nattendi laqgħat tal-Unjoni Ewropea fi Brussel, Strasburgu jew Lussemburgu, it-tlett ibliet fejn aħna jkollna l-laqgħat, hemmhekk mill-ewwel tinħass l-arja tinbidel. Li qiegħed jiġri huwa li filwaqt li fl-Unjoni Ewropea kien hemm ċertu inċertezza, dwar x’kellha tkun it-triq għal quddiem, u ħadd ma ried jieħu deċiżjoni, issa iċ-ċentru tal-Franċiżi u tal-Ġermaniżi beda bil-mod il-mod jerġa’ jingħaqad. Jerġa’ jikseb is-saħħa bħalma kien fi żmien Angela Merkel u Nicolas Sarkozy. Konna nafu li dawn kienu jiltaqgħu u kienu jaraw kif se jirranġaw bejniethom u jsibu il-kompromess u japplikawh u mbagħad il-pajjizi kollha jsegwu.
Dan mhux l-aħjar metodu, iżda l-fatt li jkollok lil xi ħadd li qiegħed imexxi, xi ħadd li għandu viżjoni, xi ħadd li jaf fejn irid jasal u se jkollu pressure fuq pajjiżi oħra biex jimxu ‘l quddiem. Nafu li sew jekk hux fuq il-munita Euro, anke fuq ħafna affarijiet oħra fl-Unjoni Ewropea ma’ tistax teħel, jew trid tmur ‘l quddiem inkella se taqa’ lura u jekk taqa’ lura tisfaxxa l-Unjoni.
Allura wieħed qiegħed jistenna, speċjalment wara l-elezzjoni Ġermaniża, fejn anke jiena personalment kellimt llil-Ministru tal-Finanzi Franċiż Bruno Le Maire u lill-Ministru tal-Finanżi Ġermaniż Wolfgang Schäuble, fejn mill-ewwel tibda tħoss it-ton tagħhom jibda jinbidel.
Ton li qed ikollu iktar saħħa. Qegħdin ikunu iktar assertivi u qegħdin iktar jibdew jagħmlu miri u oġġetivi li sa ftit ilu lanqas biss kienu jinstemgħu. Dan juri li jridu jaslu. Iridu li l-Unjoni Ewropea timxi ‘l quddiem. Wieħed irrid jistenna l-elezzjonijiet u r-riżultati tagħhom. Huwa mistenni li Merkel jerġa’ jkollha rebħa, ghalkemm wieħed ma jistax jgħid dan b’ċertezza, pero jekk ikun hekk se nsibu żewg pajjizi, Franza u l-Ġermanja, jingħaqdu u allura se naraw għat-tajjeb u l-ħażin, jimxu ‘l quddiem. Dan jagħmel ix-xena, l-ambjent, l-atmosfera li kellna l-bieraħ u ġimgħa ilu, qegħda ġimgħa wara tagħmel dak il-kambjament kbir. Huwa minnu allura dak li jgħidu l-Ingliżi, a week is a long time in politics.
L-Orizzont- Ġimgħa 23 ta’ Ġunju
2 responses to “Ċaqlieq fix-Xenarju politiku Ewropew”
priligy precio Gene ontology analysis 31, 32 indicated the involvement of NCOA1, NCOA3, EGFR, ERBB2 and SNAI1 as candidate genes, all of which are well established positive regulators of anti estrogen resistance 33, 34, 35 and or EMT 27, 36, 37 Figure 6A
cytotec pills over the counter J Clin Oncol 24 431 436