Deċiżjonijiet infurmati dwar futur inċert


Kulħadd ikun jixtieq li kull deċiżjoni li jieħu tkun l-aħjar waħda. Kull deċiżjoni li tieħu llum, tkun xi tkun, kbira jew żgħira, ma jkollix biss l-effett fuq il-preżent imma wkoll fuq il-futur. Ikun tajjeb għalhekk li kieku tkun taf x’se jġib miegħu l-futur, li mhux il-każ. L-isfortuna hi li f’ħafna drabi dak li tiddeċiedi llum ma tkunx tista’ treġġgħu lura l-għada jekk jirriżulta li d-deċiżjoni meħuda ma tkunx dik ideali.

Kif jaf kulħadd qegħdin ngħixu f’dinja l-ħin kollu miexja u l-ħin kollu tinbidel. Ma tistax tgħid li dak li kien hemm ilbieraħ u li hemm illum se jibqa’ hemm għada. Hija attwalità li titlob l-istudju tal-andament, ta’ kif tkun qed tiżvolġi s-sitwazzjoni u fejn tista’ twasslek.

Dan qed jiġri f’kollox, inkluż fil-politika. Dak li lbieraħ kien aċċettat minn ċerti partiti politiċi llum m’għadux. In-nies qegħdin ikollhom inqas fiduċja fid-deċiżjonijiet ta’ min imexxihom. Għalhekk jiddubitaw, jikkritikaw u jintbagħtu messaġġi ċari li m’hemmx alleanzi, li jiġri x’jiġri jibqa’ jkun warajk. L-elettorat jifhmek u jappoġġjak jekk inti twassal fil-konkret, jekk le jabbandunak.

Hija attwalità li titlob l-istudju tal-andament, ta’ kif tkun qed tiżvolġi s-sitwazzjoni u fejn tista’ twasslek.

Fi sfond bħal dan nistgħu naraw x’inhu jiġri fl-Ewropa. Fit-Tieni Gwerra Dinjija għaddejna minn trawma kbira bl-alleati jiġġieldu kontra l-faxxiżmu, kontra min hu tal-lemin estrem. U llum? Illum qegħdin naraw tiżviluppa sitwazzjoni fejn in-nies, bil-mod il-mod, qegħdin jersqu lejn il-lemin, lejn l-estremiżmu billi jeleġġu partiti li nafu li huma popolisti. Li jekk nidħlu fid-dettal tagħhom nafu li mhumiex kapaċi jirrendu. Madankollu qegħdin naraw popli li qatgħu qalbhom minn min qed jiggvernahom. Qatgħu qalbhom għax mhux titwasslilhom il-ħobża ta’ kuljum fuq il-mejda. Mhux qed jinħoloq xogħol għal uliedhom. Mhux qed jiżdied id-dħul finanzjarju tal-familja. Huwa konsegwenza ta’ sitwazzjoni bħal din li qegħdin jintbagħtu sinjali ċari mill-elettorat, sinjali ċari ta’ protesta aktar milli ta’ fiduċja li bil-bidla se jkunu aħjar.

L-istess fil-qasam tal-ekonomija. Jekk wara staġnar ta’ tmienja, disa’ snin tisma’ li l-ekonomija sejra tajjeb u int qiegħed fin-negozju jista’ jkun li tieħu deċiżjoni differenti minn dik li kont tieħu kieku l-andament baqa’ staġnat. Dan ifisser li inti għandek tħares ‘il quddiem u tipprova kemm jista’ jkun tara liema stampa hija kredibbli. Liema stampa li tista’ fil-fatt tattwa ruħha, biex tieħu d-deċiżjonijiet tal-lum.

Nieħdu l-kamp tat-taxxa. S’issa pajjiżna jiddeċiedi hu fuq liema sistema ta’ taxxa għandu jimxi. U hekk għandu jkun.

Iżda nafu li hemm moviment minn ċerti pajjiżi kbar Ewropej biex jipprovaw jaraw li jkissru dan l-arranġament ħalli mbagħad jimxu bir-rieda tal-maġġoranza. Dan minkejja li hemm it-Trattat tal-Unjoni Ewropea li permezz tiegħu mhux suppost li jinterferu fis-sovranità ta’ pajjiż. Minkejja li hemm ukoll l-veto. Qegħdin jipprovaw isibu sistema estrema li biha jkissru dan it-Trattat, jeliminaw il-veto u flok b’vot unanimu d-deċiżjoni tibda tittieħed bil-maġġoranza.

Nisimgħu b’taxxi ġodda. Għaliex? Għax l-ambjent tan-negozju internazzjonali qiegħed jinbidel. Fejn konna naħsbu li kumpaniji kbar bħal Amazon, Google u Apple tant huma kbar li bil-mijiet ta’ biljuni ta’ ewro fi profitti għandhom saħħa aktar mill-Gvernijiet u jispiċċaw ma jħallsux it-taxxi li wieħed jistenna mingħandhom?

Il-punt huwa kif se tikkontrolla jew tivvintax taxxa oħra. Meta tivvinta taxxa oħra li qegħdin jipproponu xi pajjiżi Ewropej inkluża Franza, tkun qed toħloq ħafna problemi. Il-fatt li l-Unjoni Ewropea qegħda tissuġġerixxi taxxa fuq l-attività diġitali, jiġifieri fuq dawk il-kumpaniji li semmejt aktar qabel. Imma dawn huma kumpaniji Amerikani u l-messaġġ ikun li l-Unjoni Ewopea, allura aħna wkoll, irridu nattakkaw kumpaniji Amerikani. Dan fi żmien meta l-President Amerikan Donald Trump, mhux biss jemmen li l-Amerika hija l-ewwel imma jrid jaġixxi f’din id-direzzjoni, billi jrid jimponi tariffi sew fuq importazzjoni mill-Unjoni Ewropea u iżjed u iżjed importazzjoni miċ-Ċina. Filfatt fir-rigward taċ-Ċina se jimponi tariffi qawwijin, u għalhekk għaddejjin minn periklu ta’ gwerra kummerċjali, li nafu x’jista’ jkun ir-riżultat tagħha wara dak li esperjenzat id-dinja mill-gwerra kummerċjali tas-Snin Tletin: diżastru globali.

Periklu li jaf bih kulħadd, qiegħed jarah kulħadd, imma sadattant xorta mexjin lejh. Ovvjament se jkun hemm ħafna li jipprotestaw. Mexxejja ta’ pajjiżi kbar se jibqgħu jinsistu li dan għandu jieqaf għax finalment m’hu se jkun fl-interess u ta’ ġid għal ħadd. Dan huwa tibdil li ma jafux fejn se jispiċċa. Ħadd ma jista’ jgħid jekk it-tariffi hux se jimponuhom. Ħadd ma jaf x’se jkun ir-rispons.

..minkejja li hemm it-Trattat tal-Unjoni Ewropea li permezz tiegħu mhux suppost li jinterferu fis-sovranità ta’ pajjiż. Minkejja li hemm ukoll l-veto. Qegħdin jipprovaw isibu sistema estrema li biha jkissru dan it-Trattat, jeliminaw il-veto u flok b’vot unanimu d-deċiżjoni tibda tittieħed bil-maġġoranza.

Li huwa żgur hu li tinħoloq arja ta’ inċertezza għall-futur, meta nafu li l-inċertezza hija l-akbar għadu għan-negozju. L-inċertezza twassal għal nuqqas ta’ investiment għax min ikun se jinvesti jkun irid jevalwa x’sogru se jkun qed jieħu fuq l-investiment tiegħu, sogru li jista’ jkun kbir, jista’ jkun żgħir u jista’ jkun ukoll wieħed li jfallik. U allura f’sitwazzjoni inċerta l-investitur jagħmel bħall-bebbuxu, idaħħal il-qrun ġewwa u jinġabar f’qoxortu. Ma jinvestix u b’hekk jibda jinħoloq l-istaġnar.

Tibdil kontinwu li ma japplikax biss għal settur partikolari, għalhekk tajt eżempji dwar taxxi, ekonomija, politika u ambjent. Jolqot anke l-ambjent soċjali, qegħdin naraw tibdil anke fejn jirrigwarda familja, il-mod kif wieħed iħares lejn it-tfal. Qegħdin nitkelmu fuq l-IVF. Qabel, koppja kienet tirrassenja ruħha li  ma jistax ikollha tfal, mhux se jkollha tfal, u tieqaf hemm. L-aktar li kienu jaslu forsi li jadottaw. Illum qegħdin naraw li t-teknoloġija qegħda tagħti opportunitajiet ġodda u allura l-koppji jistennew li l-Gvern jissupplixxi, li jgħin, billi jagħti dawn is-servizzi li jwasslu lil dawn il-koppji biex ikollhom it-tfal.

Qed ngħid dan kollu biex nuri kif id-dinja qegħda tinbidel f’kollox u kemm huwa importanti li nadattaw ruħna għal dan it-tibdil. Min ma jbiddilx jaqa’ lura u meta taqa’ lura tbati ferm.

Għalhekk huwa importanti li inżommu lilna nfusna aġġornati b’dak li qed jiġri fil-politika, fl-ekonomija, fit-taxxi, f’kollox għax finalment anke mid-djar tagħna, anke fil-familji tagħna rridu nieħdu d-deċiżjonijiet. Anke jekk ma tieħux deċiżjoni tkun filfatt ħadt deċiżjoni u allura huwa importanti li nkunu infurmati kemm jista’ jkun biex b’hekk nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet possibbli.

Il-Ġimgħa 6 ta’ April 2018

,

2 responses to “Deċiżjonijiet infurmati dwar futur inċert”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *