Meta l-President ta’ l-Amerka Donald Trump ħareġ bl-għajta ta’ Amerika First kulħadd beda jidħaq fis-sens li ħaduh biċ-cajt. Filfatt ma qal xejn speċjali li Malta ma qalitx fi żmien l-ghajta ghall-ħelsien tagħha, dik ta’ ‘Malta l-ewwel u qabel kollox’. Pero’ li l-Amerka tgħidha llum tistona xi ftit.
Ghal min ikun spiss fi Brussel specjalment meta jattendi laqgħat bejn il-Membri tal-Unjoni Ewropea, jara li l-interess tal-pajjiż jieħu l-ewwel zgur. L-iktar ħaġa li tinnota tkun li l-pajjiżi jagħmlu minn kollox biex jiġġieldu għall-interess tagħhom. Għal min ma hux midħla jista’ jaħseb li l-Awtoritajiet Ewropej, l-Kummisjoni jew Parlament sa jkunu dejjem gusti u fair, izda malajr jirrejalizza li l-membri tagħhom huma magħmulin minn cittadini ta’ pajjiżhom fis-sens li jiġġieldu għall-interess ta’ pajjiżhom.
Tara per eżempju fil-Parlament Ewropew, Membri Parlamentari Ewropej li ghalkemm jappartjenu ma gruppi politici differenti jingħaqdu biex jiddefendu l-interess ta’ pajjizhom meta jkun hemm xi theddida.
Narawha wkoll bħalissa meta jkun hemm postijiet vakanti u kulħadd irid jimbotta l-kandidat ta’ pajjiżu biex jilħaq f’dik il-kariga. Jibdew iċemplu fl-uffiċju tiegħek minn fil-għodu sa fil-għaxija, kulħadd jillobija u jimbotta u jagħmillek pressjoni politika biex inti taċċetta li tivvota għal dak il-kandidat.
Din hija xi ħaġa li forsi fil-bidu tixxukjak li tara din l-aggressivita’ fejn jidħol l-interess tal-pajjiż. Miegħu ssib ukoll negozjati u t-tfittxija ghal kompromess. Biex tieħu xi ħaġa trid tagħti xi haġa oħra.
Fil-politika Ewropea tkun trid tesperjenzah biex tara kemm hu importanti l-interess tal-pajjiż.
F’dan il-kuntest ma tistax ma tikkumentax dwar il-pozizzjoni ta’ Malta.
Huwa minnu li wieħed irid jaċċetta li meta jkunu saru l-żbalji wieħed ghandu jammettihom. Minn naħa l-oħra wiehed irid juri wkoll li inti qiegħed tikkoreġihom. Izda fl-istess waqt qatt ma ghandek tkażbar isem pajjiżek ma l-erbat irwiefen tad-dinja.
Il-vittma ta’ xi att barbaru ghandha kull dritt illi jitlob l-għajnuna ta’ pajjiżi oħra jew ta’ awtoritajiet Ewropej jew Internazzjonali. Minn naha l-oħra ma huwiex accettabbli li politiku jirkeb fuq kwistjoni ta’ hadd ieħor biex jipprova jieħu vantaġġ politiku ghaliħ jew ghal partit tiegħu.
F’dan il-kas il-poplu Malti u Għawdxi jkollu raġun jiddiżgusta ruħu u ma jieħux gost xejn illi wieħed iperreċ għal skopijiet politiċi (nerġa’ ngħid mhux għax inti tkun il-vittma imma għal skopijiet politiċi biss) tkasbar lil pajjiżek.
Għal kuntraru pajjiżna għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Il-Ġimgħa 21 ta’ Frar 2020