Għandna storja x’nirrakkontaw


Nhar it-Tlieta indirizzajt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-governanza ekonomika u fiskali matul dawn l-aħħar tliet snin. Issa għadda żmien biżżejjed minn mindu nbidel il-Gvern biex jekk ladarba għandna storja ta’ suċċess x’nirrakkontaw, nirrakkontawha.
Kważi tliet snin wara l-elezzjoni ġenerali, nistgħu nitkellmu dwar il-pjan tagħna u dwar ir-riżultati li qed niksbu bis-saħħa tat-twettiq tiegħu. Kieku r-riżultati huma koinċidenza, wieħed malajr jinduna. Imma dan mhux il-każ, u jekk bir-raġunar nagħtu l-prova li xejn ma sar mix-xejn, allura hemmhekk għandna storja x’nirrakkontaw.
Dan il-Gvern tela’ bi pjan. Il-Prim Ministru kien ċar dwar dan meta, qabel l-elezzjoni ġenerali, kien jirreferi għalih bħala ‘road map’. Il-Gvern irraġuna li, skont dan il-pjan, trid taħdem bħallikieku għandek l-ingredjenti biex tagħmel kejk. Nafu li jekk il-kejk tridu jikber u jogħla, trid titfagħlu aktar mill-ingredjenti. Barra minn hekk, trid tuża aktar enerġija biex taħmih fil-forn.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, urejt pass pass kif il-Gvern l-ewwel ma qabad kien mas-settur tal-enerġija. Il-pajjiż qatt ma seta’ jieħu n-nifs kieku ma waqqax l-ispiża tal-produzzjoni tal-enerġija. Dan seta’ jsir permezz ta’ impjant ġdid li jaħdem bil-gass. Dan qiegħed fil-proċess li jinbena. Iżda l-Gvern ma qgħadx jistenna li l-proġett jilħaq jiġi ffinalizzat biex iqassam il-benefiċċji futur tal-impjant lill-familji minn Marzu tal-2014 u lin-negozji minn Marzu tas-sena l-oħra.
Wieħed ma jistax iħalli barra mill-kejk tal-ekonomija ingredjent tant importanti: ir-riżors uman. Trid iżżid in-nies fil-forza tax-xogħol, billi tipprova kemm jista’ jkun tinċentivahom b’mezzi differenti. Lin-nisa inċentivajniehom permezz taċ-childcare centres, kif ukoll permezz ta’ miżuri ħalli x-xogħol isir attraenti u ma jkollux iżżejjed piż tat-taxxi fuqu. It-taxxi nagħmluhom fuq il-konsum, mhux fuq ix-xogħol.

orizzont Feb

Insemmu, bħala eżempju, it-tnaqqis mhux f’salt tal-benefiċċji lil min kien qiegħed fuq il-benefiċċji tal-qgħad jew bħala ġenitur waħdu meta jinstabilhom impjieg. L-istess ħaġa għidnielhom: “Jekk toħroġ taħdem, ikollok is-salarju u tkun tista’ wkoll iżżomm għall-inqas żewġ terzi mill-benefiċċju.” Allura, dak li jkun qiegħed isib li jaqbillu li jaħdem. Waqt il-konferenza urejt bil-figuri li l-parteċipazzjoni tan-nies fid-dinja tax-xogħol żdiedet ħafna bejn l-2011 u s-sena li għaddiet: b’għaxar punti perċentwali fil-każ tan-nisa u bi fti aktar minn żewġ punti perċentwali fil-każ tal-irġiel, iżda ż-żewġ ġeneri żiedu l-intensità tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Xi ngħidu, imbagħad, dwar il-kwalità ta’ dan ir-riżors? Inutli jkollok l-ingredjenti jekk ma jkollokx il-kwalità tajba. U hemmhekk jidħlu t-taħriġ, il-ħiliet, l-edukazzjoni u l-paċenzja, anke ma’ min tilef iċ-ċans li jkompli l-iskola u li jrid il-privat b’xejn, li tagħti l-istipendju anke jekk wieħed ikun weħel u b’hekk ħadd ma jabbanduna l-importanza li jitgħallem jikteb u jaqra u jitgħallem xi sengħa wkoll. Dan kollu qed iwassal biex titjieb il-kwalità tal-forza tax-xogħol fil-pajjiż.

logo orizzont

 

Imbagħad għandek l-investiment li qed jattira dan il-Gvern. Bħala perċentwal tal-Prodott Domestiku Gross, l-investiment qiegħed jiżdied. Dan huwa sinjal, indikatur ċar Ii fl-ekonomija m’għandna l-ebda dubju dwaru: li meta jiżdied l-investiment dan eventwalment iżid it-tkabbir ekonomiku. U għalhekk it-tkabbir ekonomiku żdied minn 2%, għal 3%, għal 4% u issa wkoll għal 5%. Għandna tama kbira li din ix-xejra tkompli għax l-indikazzjoni hi li l-investiment qiegħed ikompli jiżdied.

Iżda mbagħad trid tara affarijiet oħra. Irridu naħsbu għall-quddiem biex it-tfal tagħna ma jaqgħux fil-faqar meta jaslu biex jirtiraw. Dawn ir-riformi kollha jrid ikollok il-kuraġġ li tagħmilhom. L-ikbar riforma bdiet fis-settur tal-kostruzzjoni, billi tajna b’€5,000 rifużjoni tal-boll għal min jixtri daru għall-ewwel darba. Din il-miżura ġiet tiswa lill-Gvern €20 miljun. Ma ddejjaqniex “nitilfu” dan id-dħul għax dan wassal biex ir-rota tas-settur tal-kostruzzjoni bdiet iddur. Spiċċajna daħħalna flus iżjed għax in-numru ta’ kuntratti żdied b’ħamest elef kull sena. Jiġifieri dan kollu wassal biex settur li kien mejjet issa ħa r-ruħ u qiegħed jikkontribwixxi għal ħafna impjiegi u għall-investiment fil-pajjiż.

Jekk inħarsu lejn il-manifattura, filwaqt li fl-aħħar snin ta’ qabel is-sena 2000 il-manifattura tilfet 500 ruħ, f’dawn l-aħħar tliet snin rebħet 200. M’huwiex xi numru fenomenali, veru, imma aħjar milli tara l-impjiegi jintilfu minn dan is-settur, li qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi partikulari.
L-investiment tattirah meta tbiddel il-liġijiet u l-prattiki burokratiċi li jaqtgħu qalb min irid jinvesti fis-settur privat. Għalhekk, qed inkomplu nintroduċu tibdiliet leġiżlattivi u regolamenti amministrattivi ħalli jbiddlu l-pajjiż għal wieħed modern u business-friendly, u fl-istess ħin difensur tal-konsumatur. L-Uffiċċju tal-Arbitru Finanzjarju u r-riforma fil-qrati qed isiru f’dan ir-rigward.

Meta tħares lejn dawn l-ingredjenti kollha tista’ tgħid li t-tkabbir ekonomiku u, iktar u iktar, il-waqgħa tad-defiċit u tad-dejn li dalwaqt inħabbru meta joħorġu r-riżultati għas-sena li għaddiet, saru għax dan il-Gvern mexa bil-għaqal – b’governanza ekonomika u fiskali tajba – fuq ir-road map li fassal minn qabel l-elezzjoni u li issa qed iwettaqha. Altru milli hi xi koinċidenza. Il-gvern Laburista għandu biex ikun kburi għax għandu storja sabiħa x’jirrakkonta.

 

12 ta’ Frar 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *