Ħarsa lura lejn is-sena 2017


Is-sena 2017 waslet biex tintemm u naħseb li huwa opportun li f’dan l-aħħar artiklu tiegħi għal din is-sena nagħti ħarsa ftit lura lejn is-sena 2017. M’għandix l-ispazju, u lanqas huwa l-iskop, li nidħol f’kull dettal ta’ x’ġara din is-sena. Naħseb imma li jekk inħarsu lejn dik li hija politika u ekonomija nkunu qegħdin naraw u niġbru mhux ħażin x’kienet l-imbuttatura, x’kienu l-aktar affarijiet saljenti għas-sena li waslet biex tmur fil-kotba tal-istorja.

Nibda mix-xena internazzjonali. Fl-opinjoni tiegħi tul is-sena 2017 f’dan ir-rigward spikka l-aktar il-moviment populista. Dan huwa evidentissimu meta tħares lejn x’ġara sew fl-Amerika, sew fl-Ingilterra u sew fil-kontinent Ewropew. Kellek moviment ta’nies li xebgħu bil-politika meqjusa minnhom bħala antikwata, politika li ma rrendietx dak li l-poplu kien jixtieq u li kien jistenna. Dan wassal biex il-popli vvotaw biex ibiddlu u jagħmlu affarijiet, li llum, bil-benefiċċju tal-esperjenza diġà miksuba, jistgħu jitqiesu bla ħsieb.

“Għalhekk il-Gvern kellu jieħu deċiżjoni, deċiżjoni iebsa, li tissejjaħ elezzjoni. Imma ħadha. Ħalla f’idejn il-poplu biex jiddeċiedi hu dwar x’kien qed josserva, dwar x’kien qed jingħad u dwar x’kien qed jisma. Ħalla f’idejn il-poplu biex jiddeċiedi hu x’jemmen u x’ma jemminx.”

 

Nassumi li kulħadd jaf bir-riżultati tal-affarijiet li qegħdin jiġru fl-Amerika kawża tad-deċiżjonijiet meħudin mill-President Donald Trump. Imma huwa stat ta’ fatt li Trump ġie elett b’mod demokratiku. Min ivvota għal Trump għamel hekk għax kien xeba’mill-politika ta’ qabel u ried ibiddel. U vera biddel, għax Trump qed ibiddel sew!!! Illum, bl-esperjenza miksuba s’issa, x’aktarx li l-poplu Amerikan kien jeleġġi President ieħor, imma r-riżultat hu dak li hu.

L-istess fl-Ingilterra. Il-poplu xeba’ li l-Gvern ma setgħax isib soluzzjoni għall-problema tal-immigrazzjoni. U meta ngħid immigrazzjoni nkunx qed nirreferi minn pajjiżi Afrikani, imma mill-Polonja u minn pajjiżi oħrajn mill-Ewropa tal-Lvant. Il-poplu Ingliż xeba’ wkoll mill-politika Ewropea, politika li l-Ingliżi qatt ma kienet iddoqqilhom, bir-riżultat li għamlu l-affarijiet bla ħsieb u qalu “ejjew noħorġu mill-Unjoni Ewropea”.

Sintendi issa nafu li d-daqqa li qed taqla’ l-Ingilterra ekonomikament u anke politikament hija waħda kbira. Il-prezz li jridu jħallsu ħadd ma qalulhom u issa qegħdin naraw lill-Ingilterra f’sitwazzjoni ta’ inċertezza. Imma dan kollu kien riżultat ta’ moviment populista li jagħmel affarijiet li forsi setgħu kienu bla ħsieb u li wasal għalihom għax tant kien imxebba’ bil-politika ta’ qabel.

U l-istess fil-kontinent Ewropew. Fl-Italja naraw liċ-Cinque Stelle, lil Le Pen fi Franza u l-istess fl-Awstrija. Kien hemm biża’ kbir li se jiġu l-estremisti populisti u anke estremisti b’elementi Nażisti. Tħassib serju li għadu ma telaqx. Bqajna qisna imdendlin.

Fi Franza ma rebħitx Le Pen, rebaħ Macron, iżda fl-Awstrija tellgħu President li huwa tal-lemin estrem. Fl-Italja għad irridu naraw x’se jiġri. Fil-Ġermanja l-istess. Merkel kisbet l-akbar ammont ta’ voti imma r-realtà hija li ġabet ferm inqas minn qabel u allura issa għandha bżonn koalizzjoni li għadu mhux ċar ma’ min se tkun.

Dan huwa l-effett tal-populiżmu li fil-fatt ħalla u għadu qiegħed iħalli effett. Dan huwa riżultat ta’ politika li ma mxietx ma’ dak li xtaq il-poplu. Riżultat ta’ Gvernijiet li ma żammewx widnejhom mal-art, Gvernijiet li ma jisimgħux x’għandu xi jgħid il-poplu tagħhom.

Meta mbagħad inħarsu lejn l-ekonomija globali nsibu li għandna affarijiet ftit aktar sbieħ. Ħriġna minn dik ir-riċessjoni internazzjonali u bdejna naraw tkabbir. Bdejna naraw tkabbir sew fl-Amerika u f’pajjiżi oħrajn, imma iżjed u iżjed fl-Ewropa.

Nistgħu ngħidu li s-sena 2017 se tkun l-ewwel sena li matulha l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’mod ġenerali, setgħu jitkellmu dwar li qegħdin jaraw rebbiegħa. Qegħdin jaraw li l-kruha tal-passat, ix-xitwa ekonomika kiefra li kellna mifruxa fuq tmien snin sħaħ bdiet fl-aħħar titbiegħed. Bdejna naraw pajjiżi jieħdu r-ruħ, kemm b’mod ekonomiku, u kemm b’mod ta’ tħaddim u allura bdew jiżdiedu l-impjiegifilwaqt li jonqos il-qgħad. Rajna Gvernijiet jirreġistraw aktar dħul bir-riżultat li setgħu jnaqqsu d-deficits u finanzjarjament marru aħjar minn qabel.

S’issa kont qed nitratta minn lenti ta’ osservatur. Xieraq ukoll li nħarsu lejn pajjiżna fi tmiem sena oħra, għax aħna bħal ħaddieħor kellna l-affarijiet tagħna. Kellna Elezzjoni Ġenerali li ġiet barra minn żmienha. Nafu x’kienet ir-raġuni għal dan. Kienet inħolqot instabbilità kbira, kemm b’riżultat ta’ għidud, xniegħat u allegazzjonijiet goffi. Inħolqot sitwazzjoni li ma baqgħetx fi f’darna imma twasslet f’pajjiżi oħrajn u bdiet tħalli effett.

Jekk wieħed ikollu jgħid liema kien l-iktar perjodu tul din is-sena li Malta kellha biex tkun kburija bih nemmen li hija l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Bdiet taffettwa l-investiment mhux b’mod dirett. Imma min jifhem beda jara li jekk tali sitwazzjoni tkompli tikber tista’ twassal biex pajjiżna jitlef dak il-ġid kollu li kien qiegħed jinħoloq. Tista’ twassal biex kollox jispiċċa fix-xejn. Għalhekk il-Gvern kellu jieħu deċiżjoni, deċiżjoni iebsa, li tissejjaħ elezzjoni. Imma ħadha. Ħalla f’idejn il-poplu biex jiddeċiedi hu dwar x’kien qed josserva, dwar x’kien qed jingħad u dwar x’kien qed jisma. Ħalla f’idejn il-poplu biex jiddeċiedi hu x’jemmen u x’ma jemminx.

Fit-3 ta’ Ġunju li għadda l-poplu tkellem bl-aktar mod ċar dwar x’ried. Il-poplu wera b’maġġoranza akbar minn dik ta’ Marzu 2013 li ried lill-Gvern li kellu jkompli bir-road map tiegħu. Il-poplu għaraf li kellu Gvern li bl-għaqal tiegħu kien qiegħed iwaqqa’ d-deficit. Kien qed ikattar il-ġid. Kien qed joħloq aktar xogħol. Kien qed joħloq livell ta’ għixien aħjar.

Dan kollu huwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna għas-sena 2017 f’dak li jikkonċerna l-kamp politiku u dak ekonomiku. Imma rajna wkoll li għax ittieħdet id-deċiżjoni politika li tissejjaħ Elezzjoni Ġenerali l-biża’ li kienet qed tinbena ma ħallietx effett. Filfatt rajna lis-servizzi finanzjarji, is-servizzi tal-egaming, servizzi f’oqsma oħra bħalma huma dawk marittimi u tal-manifattura jibqgħu jikbru u jaċċelleraw.

Iżda jekk wieħed ikollu jgħid liema kien l-iktar perjodu tul din is-sena li Malta kellha biex tkun kburija bih nemmen li hija l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Għal pajjiż żgħir bħalna l-Presidenza tfisser sfida kbira ħafna. Sfida kbira ħafna kemm għan-nies taċ-Civil, kemm għal dik li hija loġistika kif ukoll biex tilqa’daqstant mistednin mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea ġimgħa wara l-oħra għal sitt xhur sħaħ, meqjus ukoll li kellna Elezzjoni Ġenerali.

Il-preparazzjonijiet li saru għal avveniment daqstant kbir taw riżultat. Preparazzjonijiet li għandu jingħad li kienu tfaħħru ferm mit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea għall-mod li bih kienu qegħdin isiru. Ksibna l-ammirazzjoni mhux biss għax ilqajnihom f’pajjiżna, imma anke meta saru l-konferenzi u l-laqgħat u tlaqqa’ l-Kunsill fi Brussell ħallew riżultati ferm sodisfaċenti. Tħares lura lejn dan l-avveniment u tħossok sodisfatt li Malta wasslet u tat aktar milli wieħed kien jistenna minn pajjiż daqstant żgħir.

Inħossni konvint li x’ħin inħarsu lura lejn is-sena 2017 u nikkunsidraw l-affarijiet sbieħ u oħrajn inqas sbieħ li seħħew matul is-sena għandna għalfejn nispiċċaw is-sena b’sodisfazzjon.

Nieħu din l-opportunità biex nawgura lill-istaff editorjali ta’ dan il-ġurnal, lill-qarrejja u lill-familji tagħkom Sena Ġdida mimlija risq, hena u saħħa u b’determinazzjoni li nkomplu naħdmu biex is-sena 2018 tkun għal pajjiżna waħda aħjar minn dik li waslet biex tintemm.

 

Il-Ġimgħa 29 ta’ Diċembru 2017

,

One response to “Ħarsa lura lejn is-sena 2017”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *