Waqt il-laqgħa tal-ECOFIN tal-Kunsill tal-Ministri għal-Finanzi tal-iStati Membri tal-Unjoni Ewropeja, li saret fi Brussel fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, ġie diskuss l-introduzzjoni ta’ taxxa ġdida. Qed nirreferi għat-taxxa ġdida fuq servizzi diġitali. Biex inserraħ moħħ kulħadd, din m’hix taxxa indirizzata lejn il-konsumatur, iżda taxxa immirata lejn il-kumpanniji li joffru dan is-servizz.
Li qed jiġi propost huwa li kumpanniji globali, bħal ma’ huma l-Amazon, il-Google u l-Apple fost l-oħrajn, jiġi assigurat li jkunu qed iħallsu it-taxxi dovuti. Il-proposta, li oriġinarjament kienet imressqa minn Franza, qed tiġi imbuttata mill-Kummissjoni Ewropeja.
Wieħed irid isemmi li dawn il-kumpanniji tant huma kbar li l-bejgħ tagħhom ta’ sena jkun kbir daqs l-ekonomija ta’ bosta pajjiżi Ewropej miġbura flimkien. Hemm biża’ li dawn il-kumpanniji mhux qegħdin iħallsu it-taxxa kollha dovuta fuq il-profitti li jgħamlu. Kien għalhekk li Franza ħarġet bi proposta, fejn kumpanniji bħal dawn, li jibbażaw is-servizz tagħhom fuq it-teknoloġija diġitali, barra t-taxxa fuq il-profitti, jibdew jiġu ntaxxati taxxa ġdida oħra fuq il-beigħ u mhux iktar fuq il-profitti.
Ir-raġuni li ngħatat għal din it-taxxa supplimentari hi li, il-prodott offrut minn dawn il-kumpanniji jinkludi element ta’ reklamar li jsir fil-pajjiż li jinbigħ il-prodott. Għalhekk, qed jitressaq l-argument li fil-pajjiż li jkunu qed jinbiegħu il-prodotti ta’ dawn il-kumpanniji, il-gvern tal-pajjiż għandu dritt li jintaxxa il-dawn il-kumpanniji għar-reklamar indirett li jsir fuq il-bejgħ lijsir fl-istess pajjiż. L-argument innovativ hu li filwaqt li fil-kaz ta’ fabbrika l-valur addizzjonali jsir fil-pajjiz li hi residenti l-kumpanija, u ghalhekk is-dhul mit-taxxa jibqa f’dak Il-pajjiz, fil-kaz ta’ servizzi digitali tista tghid li l-valur mizjud jsir mal-pajjizi kollha fejn jintuza l-programm digitali u mhux nghidu ahna l-Amerika biss. B’hekk per ezempju Franza tista’ targumenta li ghandha dritt taqsam mal-Amerika d-dhul mit-taxxa fuq dik Il-kumpanija.
Hawn irrid insemmi li meta ġiet introdotta s-sistema tat-taxxi, ma kienux jeżistu kompjuters u lanqas internet, u għalhekk it-taxxi li kienu maħsuba kienu jikkonsistu f’taxxi fuq Il-profits u dhul iehor, dawk li nirreferu għalihom bħala taxxi diretti, u taxxi fuq il-konsum, bħal ma’ huma l-VAT u s-sisa, u li nirreferu għalihom bħala taxxi ndiretti.
It-taxxa li qed tissemma ma taqa’ taħt l-ebda taxxa li għadni kif semmejt. Dan għaliex din hi taxxa fuq id-dħul tal-kumpannija, fuq servizz li l-klijenti qed jakkwistaw permezz tal-kompjuter li qiegħed ġewwa darhom. Dan hu kunċett innovattiv ta’ tassazzjoni.
Huwa għalhekk li l-pożizzjoni ta’ Malta hu wieħed ta’ kawtela.
Il-kumpanniji li ser jiġu affettwati minn din it-taxxa, qed joperaw minn diversi pajjiżi mxerrda mad-dinja kollha u m’humiex ikkonċentrati fi ftit pajjiżi. Għalhekk, din m’hix problema tal-pajjiżi Membri Ewropej.
Dan ifisser, li għandha tkun organiżżazzjoni internazzjonali li tkun fdata li tmexxi d-diskussjonijiet li għandhom iwasslu biex ikun hemm ftehim aċċettat mill-kumpanniji u l-pajjiżi kollha. Jekk dan ma jsirx, hemm possibilita’ kbira li kumpanniji jiġu ntaxxati għal istess servizz, f’aktar minn pajjiż wieħed u b’hekk tkun qed tiġi ntaxxata doppju. Biex dan ma jiġrix, irid ikun hemm dak li huwa mgħaruf bħala “double taxation agreements” bejn il-pajjiżi.
L-Organiżżazzjoni internazzjonali Ekonomika u tal-iŻvilupp, mgħarufa aħjar bħala l-OECD, hija l-organiżżazzjoni idoneja biex twassal għal ftehim aħħari bejn il-pajjiżi.
L-intriċċi ta’ taxxa bħal din toħroġ mill-fatt li anki jekk nieħdu l-każ ta’ Malta, fejn għandna l-fuq minn erbgħin trattat ta’ tassazzjoni doppja (Double taxation agreements), xi kriterji ser jintużaw biex jiġi stabbilit fejn kumpannija li toffri servizzi diġitali, sejra tħallas it-taxxa tagħha?
Minħabba l-kumplessita’ tal-każ, huwa ferm importanti li wieħed ma jgħaġġielx sabiex jasal għal konklużjoni u soluzzjoni. Hemm bżonn li jkun hemm analiżi profonda tal-problemi kollha li taxxa bħal din tista’ ġġib magħha. Hemm bżonn ta’ ċarezza u li jkun hemm diskussjonijiet bejn kull min hu nvolut biex is-soluzzjoni li tinstab, tkun aċċettata minn kullħadd. Ma jistax ikun li xi naħa tiddetta fuq in-naħa l-oħra. Biex tinstab soluzzjoni dejjiema, ma jrid ikunu hemm l-ebda aġenda politika li b’xi mod tkun qed taħbi xi skop ta’ tpattija kummerċjali bejn pajjiż kbir u ieħor.
Wieħed ukoll irid iżomm f’moħħu, li kif qed tiżviluppa it-teknoloġija, jista’ jkun li fil-futur mhux il-bogħod, prodotti li nużaw ta’ kuljum, bħal per eżemplu fridges u l-vetturi, jkollhom parti elettronika mwaħħla magħhom, li titrazmetti informazzjoni dwar dak Il-prodott u b’hekk wieħed jibda jikkunsidrah bħala prodott li jinkludi servizz diġitali u allura jkunu soġġetti għal din it-taxxa ġdida li qed tiġi proposta.
Jien nemmen li din it-tip ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali fiż-żmien mhux il-bogħod, trid tiġi ntrodotta fuq skala internazzjonali. Imma għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex jiġi stabbilit kif u meta għandha tidħol fis-seħħ.
Il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru 2018
2 responses to “Hemm bzonn ta’ taxxa ġdida fuq servizzi diġitali?”
Your article helped me a lot, is there any more related content? Thanks!
Can you be more specific about the content of your article? After reading it, I still have some doubts. Hope you can help me.