Ħidmet il-Membri Parlamentari Ewropej


Huwa tajjeb li fi tmiem ta’ leġiżlatura, li parlamentarju iħares lura u jara kemm ikun ħadem matul is-sessjoni li tkun għadha kif għaddiet. Hawn Malta l-parlamentari tagħna ma tantx jintalbu jagħmlu dan l-eżerċizzju. Parlamentarju iktar ikejjluh mill-fama li jkun kiseb tul is-snin, li tinkludi ħafna affarijiet fosthom kemm ikun kapaċi, minn tagħna u kemm jaqdi nies speċjalment fid-distrett tiegħu. Mhux ċar kemm jingħata krettu lis-siegħat li hu jkun qatta fil-kumitati. Meta gazzetta lokali fettillha tirraporta l-attendenza tal-membri tal-kamra inqalgħu ftit kummenti fuq xi wħud iżda mbagħad ftit wara reġa’ raqad kollox.

“Jiena nagħti prijorita l-kwalita’ iktar mill-kwantita u dan nagħmlu fil-ħidma tiegħi kollha fil-Parlament Ewropew”

Fil-Parlament Ewropew l-iskrutinju fuq l-ewroparlamentarji huwa ikbar. L-ewwel nett ir-riżorsi biex bih iżommu kont ta’ membru dwar x’qal u kif ivvota fuq kull rapport jew amenda huma kbar. Tista ssegwi kwalunkwe pass ta’ kull membru b’ċertu faċilita’. Kollox huwa rrekordjat fuq il-video u bil-kitba fi tnejn u għoxrin lingwa, u dan qiegħed fuq siti tal-internet.

Hawn ċertu aġenziji indipendenti li jaslu biex jipprovdu servizz li anke jxebbħu membru ma ieħor, pajjiż ma’ pajjiż, grupp politiku ma’ ieħor. Xejn ta’ barra minn hawn. Kulħadd jislet il-ġudizzju tiegħu fuq dik u fuq l-oħra.

Pero’ s’issa għadni qatt ma rajt stqarrijiet minn xi grupp politiku, jew stat membru, jew membru parlamentari li juża dawn il-figuri biex bl-iktar mod infantili jikkonkludi li hu jew l-grupp tiegħu jiswa darbtejn daqs ħaddieħor.  Għajr f’Malta!! L-aħbarijiet rajtuhom, u iva għajnejkom raw sew. Żewġ onorevoli ewroparlamentari Maltin jiftaħru li jiswew daqs erba’ membri tal-kamp politiku oppost. Veru każ ta’ Only in Malta dot com.

Mhux biss il-ġest huwa xejn inqas minn diżonorabbli, imma mill-iktar skorrett.

Il-kapaċita’ ta’ membru parlamentari ma tibbażahiex biss fuq kemm jattendi s-sessjoni plenarja meta jittieħdu l-voti, li taħbat biss tlett darbiet fix-xahar, u tispara perċentwal, imma l-ġranet l-oħrajn kollha li ma jitniżżlux fl-istatistika msemmija fejn membru kien attendi fedelment biex jieħu sehem fil-kumitati tiegħu, inklużi dawk fi ħdan il-grupp politiku tiegħu u laqgħat oħra li lanqas tgħoddhom. Fuq kollox x’kapaċi jikseb minn dawn il-laqgħat.

Ejja nieħdu l-istatistika dwar il-mistoqsijiet parlamentarji (PQs) li membru jpoġġi għall-attenzjoni tal-Kummissjoni. Jekk membru jrid ikun frivolu u jistaqsi mistoqsijiet fil-vojt ħadd m’hu ser iżommu. L-istess jekk jaqsam mistoqsijiet f’erba biċċiet biex jidher li għamel ħafna xogħol. Fil-każ tiegħi jien indum ġimgħat nfittex liema mistoqsija ser tagħti informazzjoni siewja lill-poplu Malti u Għawdxi. Dan l-aħħar staqsejt lil Olli Rhen fuq il-qtugħ tal-40 miljun Ewro u tani informazzjoni li kkonfermat dak li konna qed nissuspettaw. Jiġifieri li kienet l-Kummissjoni li poġġiet pressjoni kbira fuq il-Gvern f’Jannar li għadda biex jikkoreġi dak li imissu kellu jagħmel permezz tal-Budget. L-istess ġara meta staqsejt dwar il-famuża figura tal-20,000 impjieg ġdid. Falza qaluli. Finta. Għalija din ir-risposta napprezzaha daqs mittqlu deheb. Mistoqsija oħra kienet dwar l-Air Malta li biha l-Kummissarju stqarr pubblikament li kien il-Gvern Malti li ma kienx taha l-informazzjoni mitluba. Fil-passat irċevejt risposta dwar ittra li tiddikjara lil Għawdex gżira reġjun li skoprejna li kienet iffirmata mill-gvern biss u ma kelliex il-firma tal-Kummissjoni. U oħrajn.

Membru Parlamentari jkun effettiv skont kemm ikun stmat u rrispettat minn sħabu parlamentarji sew fil-grupp politku tiegħu u sew minn gruppi oħra. Dan jiġri wara r-riżultati li jkun kiseb għal mod ta’ kif mexxa d-diskussjonijiet fil-kumitati, rapporti li jkun għamel, it-tip ta’ emendi li jkun ressaq, u fuq kollox fuq il-kompromessi li jkun nnegożja u laħaq ftehim fuqhom f’isem il-grupp politiku tiegħu. In-negozjati l-ewwel isiru bejn il-gruppi politiċi fil-Parlament, izda wara jsiru ukoll mal-Kunsill u l-Kummissjoni f’laqgħat trijalogi (trialogues).

Meta jingħata ċertu rapporti diffiċli u delikati, ewroparlamentarju jrid ikun kapaċi jinnegozja mal-grupp l-ieħor għaliex l-ebda grupp politiku waħdu ma jgawdi maġġoranza fil-Parlament Ewropew u allura għandu bżonn l-appoġġ tal-gruppi l-oħra biex iġib voti biżżejjed biex jgħaddi dak ir-rapport jew riżoluzzjoni.

Dawn l-aħħar tnax il-xahar ġejt fdat f’kariga ta’ Rapporteur b’erba’ Rapporti. Tnejn minnhom huma leġiżlattivi, wieħed huwa l-baġit tal-Eurostat għal ħames snin li ġejjin u l-ieħor huwa dwar it-tisħieħ tal-kwalita’ tal-istatistika ewropeja. Tul dawn l-aħħar tlett snin nista’ ngħid li ġew fdati f’idejja tmien rapporti fuq suġġetti importanti fosthom il-bdil tat-Trattat biex jiġi rikonoxxut il-Fond Ewropew ta’ Stabbilita’ (ESM).

 

Rapporti ta’ Kwalita

Jiena nagħti prijorita l-kwalita’ iktar mill-kwantita u dan nagħmlu fil-ħidma tiegħi kollha fil-Parlament Ewropew.

Irid jingħad li rapporti leġizlattivi għandhom valur ferm akbar minn rapporti jew opinjoni oħra. Meta għandek rapport leġiżlattiv trid tinnegozjaħ mal-Kunsill tal-Ministri u mal-Kummissjoni taħt il-presidenza tal-pajjiż partikulari bħal ma llum huwa Ċipru. Trid tinnegozjaħ paragrafu, b’paragrafu, kelma b’kelma biex inti tiġi taqbel mal-Kunsill u dan qabel ma ssir liġi. Dan huwa xogħol li jieħu siegħat twal u jirrikjedi teknika u għarfien tas-suġġett.

Xogħol ieħor li ma jitkejjilx f’dawn it-tabelli huma dak ta’ Shadow Rapporteur. Dan meta l-grupp politiku tiegħi (fil-każ tiegħi l-Allejanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi) jappuntawni biex naħdem mar-Rapporteur ta’ xi grupp ieħor fuq Rapport. Hekk per eżempju bħal issa qed naħdmu fuq il-famuż Rapport dwar il-Eurobonds. Jiena kuntent ħafna li dawn l-aħħar tlett snin irnexxieli nressaq ’l fuq minn 300 emenda li kważi kollha ġew approvati. Dawn saru fuq medda ta’ 31 Rapport. Fuq nofs dawn ir-Rapporti kont shadow Rapporteur u kont qed nirrapreżenta l-grupp tiegħi, l-grupp Soċjalista fuq in-negożjati.

Riflessjoni u sodisfazzjon

Meta nħares lura u nirrifletti fuq x’sar matul din is-sessjoni naħseb li l-iktar importanti kien il-pakkett fejn fl-aħħar beda jissemma t-tkabbir ekonomiku. Ilna naħdmu sentejn fuqha din. Il-Konservattivi qatt ma riedu jaċċettaw illi trid tiddaħħal il-kelma investiment, jew inkella tkabbir ekonomiku jew tkattir tax-xogħol. Ma titwemminx ma’ min qiegħed jaqra dan l-artiklu pero hekk kien. Issa fl-aħħar wara pressjoni kbira l-istorja qed titbiddel u l-Konservattivi jidher li aċċettawha.

Personalment jiena għalija kien ta’ sodisfazzjon kbir u unur meta ġejt appuntat mill-Kummissarju Lady Ashton bħala Kap tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni fl-elezzjonijiet fl-Uganda s-sena li għaddiet u li miegħi kelli tim ta’ 124 osservatur. Din id-darba kelli l-unur li wara li ġejt innominat mill-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kunsill tal-Presidenti approvawni bħala r-rapreżentant tal-Parlament Ewropew fuq il-Bord ta’ Advisors tal-Eurostat (ESAC). Dan huwa post prestiġjuz illi jiena inservi fuqu ħames snin anki jekk ma nkunx Membru Parlamentari Ewropew.

Sa kemm nibqa’ nservi fil-Parlament Ewropew ser inkompli din il-ħidma mhux biex inżid man-numri fuq xi tabella iżda biex naqdi l-bżonnijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

 

 

 

– l-orizzont: It-Tnejn, 30 ta’ Lulju, 2012

, , ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *