Id-dejn għandu jbeżża’?


FL-IMĦUĦ ta’ bosta l-kelma “Dejn” hija xi ħaġa li għandha tweġġa’ r-ras, sew jekk id-djun huma ta’ individwu, ta’ kumpanija, ta’ bank jew djun ta’ pajjiż.

Imma d-djun huma kollha xorta? Jistgħu d-djun ikunu sostenibbli? F’liema punt id-dejn isir perikoluż? Kif nistgħu nirrimedjaw għal dejn li diġà sar? Dawn huma ħafna mis­toqsijiet li żgur li n-nies isaqsu u bir-raġun.

Bidla fil-kultura

Nistgħu ngħidu li għal Maltin li kienu magħrufin li jġemmgħu u mhux jiddejnu, din il-mentalità bdiet donnha tinbidel maż-żmien u x’aktarx li anke ħarbet mill-kontroll meħtieġ. Qabel in-nies kienet iġġemma’ għax il-futur kien ħafna inċert u kien hawn tbatija kbira, ma tafx jekk intix se taħdem, ma tafx jekk xi ħadd se jaħsiblek għal meta tirtira u affarijiet oħrajn. Għall-kuntrarju, għat-tfal tagħna illum il-futur huwa aktar ċert, għandhom il-ġenituri fuq min jaqgħu u bnejna l-‘welfare state’.
Però n-natura tad-dejn ma tbiddlitx. Id-dejn mhu xejn ħlief akkumulazzjoni ta’ self, tissellef illum, terġa’ tissellef għada u pitgħada u dik is-somma ssir dejn. Jagħmlu min jagħmlu, sew jekk individwu, familja, kumpaniji, jew gvern.
Biex ma jsirx dan, kull ħaġa li inti tixtri biex tikkonsma għandha tiġi mid-dħul tiegħek ta’ kuljum. M’hemmx aktar ħaġa sempliċi iktar minn hekk.  La għandek tiekol iżjed u lanqas għandek toqgħod iżżewweġ biex toqgħod nieqes minn affarijiet meta inti għandek dħul adekwat.
L-unika raġuni li wieħed għandu jissellef  u jkollu raġun hu meta wieħed se “jiekol” xi ħaġa kbira, ngħidu aħna l-użu tad-dar tiegħu, fuq perjodu twil bħal 25 sena sħaħ. Anzi mhux konsiljabbli li jagħmel ‘strain’ kbir fuq il-finanzi tiegħu llum meta dak li jkun se jgawdi hu tul ta’ 25 sena.
Min-naħa l-oħra, kull min jissellef biex jiekol il-ħobża ta’ kuljum ikun qed ifisser li qed jitfa’ l-piż fuq id-dħul li għad irid idaħħal. Fil-każ ta’ gvern tgawdija llum u piż għall-ġenerazzjoni li ġejja. Dan huwa l-piż tad-dejn.
Huwa inġust li t-tfal tagħna barra li jridu jħallsu l-ispiża ta’ żmienhom iridu jħallsu wkoll l-ispiża tal-ġenerazzjoni ta’ qabilhom. F’dan il-kuntest ngħidu li d-dejn mhux ġustifikat.
Fil-każ tal-gvern inkunu nafu jekk il-gvern hux qed jiddejjen biss għall-investiment jew qed jagħmel hekk ukoll għall-konsum hu billi naraw jekk il-proporzjon tad-dejn bħala perċentwal tal-PGD hux qed jikber. Jekk il-Gvern jis­sellef biss għall-investiment dan il-proporzjon għandu jibqa’ stabbli. Kull żieda oħra tfisser konsum esaġerat min­għajr responsabbiltà u hija piż żejjed fuq il-ġenerazzjoni tal-futur.

 

 

Il-konsegwenzi tad-dejn

Hemm min jgħidlek li ċ-ċittadin ma jinteressahx dwar id-dejn nazzjonali daqskemm jinteressah id-dejn li jkun daħal għalih hu personali. Għax ma jħossux. Veru però fis-saħħa hemm ħafna mard li ma jinħassx u joqtol ukoll. Il-pressjoni għolja t-tobba jgħidulha ‘silent killer’ u dan għax int ma tħossx xejn u tista’ tmut biha. Id-dejn l-istess ħaġa.
It-‘taxpayer’ qed jeduka ruħu u qed jitgħallem. Ukoll jekk inħarsu madwarna x’qed jiġri f’pajjiżi tal-madwar. Qabel gvernijiet mad-dinja kollha daħku bin-nies u ċedew għal pressjoni biex jonfqu bla rażan biex jintogħġbu. In-nies fl-aħħar qed jirrejalizzaw li meta d-dejn jikber u l-imgħax fuqu huwa kbir immens t-taxxa trid togħla. U b’hekk se tbati. Għax l-infieq imur biex jitħallas l-imgħax u mhux sejrin għall-affarijiet bħal skejjel, sptarijiet jew toroq.
Id-dejn isir mostru li jibla’ lil kulħadd.
It-‘taxpayer’ qed jiftaħ għajnejh. F’ħafna pajjiżi speċjalment fl-Ewropa qegħdin jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet li d-dejn ma jriduhx jikber. Dan barra l-fatt li qed jaraw x’ġara f’ċertu pajjiżi u fil-każ tagħna fiż-Żona Ewro. Fl-Amerika beda’ moviment li ma jridx li d-dejn jikber għax jafu li dan huwa daħk fil-wiċċ u li d-dejn se jħallsuh mill-bwiet tagħhom, jekk mhux illum għada.

Implikazzjonijiet

L-implikazzjonijiet tad- dejn, kemm fis-settur privat, kif ukoll dak pubbliku huma varji iżda għandhom tista’ tgħid l-istess effett. Per eżempju, investitur li jista’ jkollu interess jinvesti f’Malta żgur li jikkunsidra xi tkun il-pożizzjoni finanzjarja tal-pajjiż.
Id-dejn qisu bħall-lebra. Meta xi ħadd jgħidlek, “isma dak imdejjen” bil-kemm ma tibdix tgħaddi min-naħa għall-oħra tat-triq. Dan għax dik il-persuna mhux se tagħtik, se titolbok u jekk titolbok taf li li mhux se terġa’ tarahom b’għaj­nejk. Dan qed nitkellem fuq individwu. Kumpaniji l-istess, jekk tarahom imdejnin, inti se tbiegħlhom? Meta inti taf li hemm dubju jekk hux se jħallsu u tispiċċa tfittxhom bil-Qorti?
Kulħadd jibża’ minn dawn il-kumpaniji li jkunu mdejnin. L-istess għal gvernijiet. Fil-każ ta’ gvernijiet l-evalwazzjoni issir mir-‘rating agengies’ jew mill-Fond Monetarju Inter­nazz­jonali u sew mill-Unjoni Ewropea.
Meta ngħidu pajjiż huwa mdejjen l-investutur jibża’ minnu.
Dan għar-raġunijiet diffe­renti. Mhux għax irid iħallas xi djun imma jara li dan il-pajjiż għandu piż kbir fuqu u ma jistax jiżviluppa u jitjieb kontra dak li jiġri f’pajjiżi tal-Lvant Mbiegħed fejn id-djun huma baxxi. Dawn huma pajjiżi żgħażagħ ekonomikament mingħajr djun u għalhekk jitilqu jiġru. Pajjiż mdej­jen, tqil għax it-taxxa hija għolja.
Sejjħilhom li trid… taxxi, liċenzji, pieni, ‘government induced costs’. U allura l-investituri joqogħdu ’l bogħod minn dawk il-pajjiżi.
Għalhekk il-‘World Economic Forum’ toħroġ lista ta’ liema pajjiż huwa l-aħjar fejn tinvesti. Inqas ma jkollok dejn tingħata punteġġ għoli. L-investitur joqgħod ’l bogħod  minn dawk il-pajjiżi mdejnin. Minbarra hekk aħna qegħdin naraw ukoll li meta mbagħad id-dejn jeċċedi ċertu ‘benchmarks’: 75, 80, 90 fil-mija, ir-riskji jiżdiedu u jiġri li min ikun irid isellef jibda jitlob rata għolja ta’ imgħax u mbagħad hemmhekk ngħidu li d-dejn sploda. U f’dan il-punt jekk ma jkunx hemm għajnuna jwassal għall-falliment bħal ma’ qegħdin naraw madwarna fiż-Żona Ewro.
Kemm kellu raġun minn kien jibża’ mid-dejn.

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 8 ta’ Ottubru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *