Ir-riżultat elettorali riċenti li kien hemm fl-Italja, wassal sabiex f’dan il-pajjiż qrib tagħna, ikun hemm taqlib kbir u kriżi politika.
X’wassal għal din il-kriżi? X’għandu wieħed jistenna li jkunu l-iżviluppi f’din il-kobba mħabbla? Żgur li hemm ħafna x’jitgħallem minn din il-kriżi. Fl-Italja, bħalma hemm jirrenja f’uħud mill-pajjiżi tal-iStati membri Ewropew, hemm rabja kbira u inaċċettazzjoni għal mod kif il-klassi politika kienet qed tmexxi il-pajjiż. Sezzjoni konsiderevoli tal-poplu qed iħoss li l-pajjiż ilu żmien twil sejjer lura u hemm problemi kbar li qed jolqtu fil-laħam il-ħaj l-għejxien tagħhom. It-Taljani jħobbu jgħidu li jekk hix ko-inċidenza jew le, jidher li dawn il-problemi bdew jinbtu, minn meta l-Italja daħlet l-Ewro bħala l-munita tagħha. L-ekonomisti jaħsbu mod ieħor.
Fl-Italja, bħalma hemm jirrenja f’uħud mill-pajjiżi tal-iStati membri Ewropew, hemm rabja kbira u inaċċettazzjoni għal mod kif il-klassi politika kienet qed tmexxi il-pajjiż.
Tul dawn is-snin, il-poplu Taljan sab ma’ wiċċu dejn li dejjem jiżdied; il-pagi ma baqgħux jiżdiedu; u minħabba d-dejn li dejjem jikber, il-gvernijiet Taljani, wieħed wara l-ieħor, kienu iwissu l-poplu li kien hemm bżonn li jagħmel sagrifiċċju billi ma jistenniex żidiet fil-pagi u fil-pensjonijet. Is-sagrifiċċji li kienu imposti fuqhom ma wasslu għall-ebda titjib tas-sitwazzjoni u l-kriżijiet mhux biss baqgħu ma gewx indirizzati, talli komplew jiżdiedu il-kriżijiet.
F’dan l-isfond, spuntaw partiti politiċi ġodda, partiti hekk imsejħa populisti. Dawn il-partiti jattiraw il-poplu lejhom billi jattakkaw l-hekk imsejjaħ, establishment, billi jikkritikaw dak kollu li jagħmlu il-gvernijiet, kemm dawk immexxija minn partiti li jħaddnu twemmin lemini kif ukoll minn partiti li jħaddnu twemmin xellugi. Għal dawn il-partiti popolisti, il-messaġġ tagħhom hu wieħed –li iwegħdu kollox. L-għajta ta’ dawn il-partiti hija li meta jkunu fil-gvern, kienu ser iżidu l-pagi; iżidu il-pensjonijiet; u joħolqu x-xogħol. Li ma jgħidux hu li biex jagħmlu dan ikollhom jonfqu kemm hemm bżonn, bla rażan.
Peroˋ wieħed ġustament isaqsi, imma x’wassal sabiex l-Italja tasal f’din il-kriżi tal-lum? Biex tispjega din is-sitwazzjoni, wieħed irid imur lura fl-istorja sa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Kif spiċċat il-Gwerra, l-Italja kienet maħkuma minn biża’ kbir li seta’ jitla’ fil-gvern, il-Partit Kommunista. Affaċċjati minn din il-possibilitaˋ, l-Amerika u l-Pajjiżi Allejati, bdew jappoġġjaw partiti bħal tad-Demokristjani sabiex ikunu huma fit-tmexxija tal-gvern Taljan. Fejn dawn il-partiti demokristjani ma setgħux ikollhom gvern stabbli u ta’ maġġoranza, kienu jimbuttaw il-partiti soċjalisti sabiex jiffurmaw gvern ta’ koalizzjoni.
Din is-sitwazzjoni wasslet sabiex fl-Italja, qatt ma jkun hemm gvern b’saħħtu u stabbli. Għalhekk, filwaqt li kienu jibqgħu imexxu il-pajjiż Taljan, l-istess partiti, kienu jibdlu kull ftit snin, jekk mhux xhur, il-Prim Ministru u l-Ministri. L-importanti kien li l-Partit Kommunista qatt ma jkun qed imexxi lill-Italja.
Din il-logħba politika waslet sabiex fl-Italja ikun hemm sparparjal ta’ flus, nuqqas ta’ kontabilitaˋ u korruzzjoni. Dan kollu wassal biex l-Italja għandha r-raba’ l-akbar dejn fid-dinja; dejn li qed iqarreb lejn dak li wassal għal kollas tal-Greċja.
F’xenarju bħal dan, il-partiti popolista tal-Lega u ċ-Cinque Stelle, ħarġu bl-għajta li wasal iż-żmien li l-Italja taqleb il-folja u l-poplu jafdahom bit-tmexxija tal-pajjiż. L-aħħar elezzjonijiet fl-Italja, għalkemm l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ partiti, waħdu, ma ġab il-maġġoranza, u wieħed jista’ jgħid li kważi ma jaqblu f’xejn, ix-xewqa kbira biex ikunu fil-poter, wassal sabiex iż-żewġ kapijiet ta’ dawn il-partiti popolisti, Matteo Salvini u Luigi Di Maio, rispettivatament, ingħaqdu biex jiffurmaw gvern.
Imma hawn bdew l-intoppi. It-tnejn li huma riedu li jkunu l-Prim Ministru tal-Italja. Dan in-nuqqas ta’ qbil, wassal sabiex jaslu f’kompromess u jappuntaw Prim Ministru tekniku – jiġifieri li ma kienx elett mill-poplu b’elezzjoni – u ipproponew li il-Professur Giuseppe Conti biex ikun il-Prim Ministru Taljan. Dan il-persunaġġ, akkademiku, ħadd qatt ma kien sema’ bih qabel dawn il-ġranet, u ma kellu l-ebda esperjenza politika. B’danakollu, il-President Taljan Sergio Mattarella, tah l-inkarigu sabiex jifforma gvern. Is-sitwazzjoni splodiet meta ġie biex jinħatar il-Ministru tal-Finanzi (li fl-Italja dan il-Ministru hu il-Ministru tal-Ekonomija).
Hu fatt magħruf li l-Ministru tal-Finanzi, għandu rwol kruċjali fit-tmexxija ta’ kull pajjiż. Iċ-ċavetta ta’ fejn pajjiż jaqbad it-triq, jekk mhux it-triq tas-suċċess, li twassal għal tkabbir ekonomiku li jwassal għal tqassim ta’ ġid għal poplu, jew it-triq li twassal biex pajjiż ifalli u l-poplu jkollu jiffaċċja it-tbatija li l-poplu Grieg għadu qed jgħaddi minnhom, tiddependi fuq l-għażla tal-Ministru tal-Finanzi.
U x’kienet l-għażla tal-Lega u ċ-Cinque Stelle? Dawn marru għal Paolo Savona, ekonomista ta’ wieħed u tmenin sena. Il-problema ikkomplikat ruħha għax Savona, fil-kitba tiegħu tul is-snin, kiteb u tkellem kontra l-Ewro. Dan wassal sabiex ħadd ma kellu fiduċja fih li seta’ jmexxi il-finanzi tal-Italja. U meta qed ngħid ħadd, qed nalludi għal-operaturi li jaħdmu fl-oqsma finanzjarji tas-swieq internazzjonali.
Forsi ikun hemm min jistaqsi: Imma x’għandhom x’jaqsmu is-swieq internazzjonali, aġenziji bħal Moody’s u rating agencies oħra, il-Fond Monetarju Internazzjonali u aġenziji finanzjarji internazzjonali oħrajn? Għandhom x’jaqsmu u kif. Id-djun kbar li l-Italja għandha, qed ikun iffinanzjat minn istituzzjonijiet bankarji, istituzzjonijiet finanazjarji u investituri li ġejjin minn pajjiżi mifruxa madwar id-dinja kollha. Għalhekk, dak li qed jiġri fl-Italja, ma jolqotx u jinteressa biss lil-poplu Taljan imma lil dawn l-investituri ukoll. Huwa għalhekk fl-interess ta’ kullħadd li l-Italja tkun immexxija b’mod għaqli u minn gvern li jassigura kontinwita’. Stabbilita’ u ħolqien ta’ klima fejn ikun hemm tkabbir ekonomiku. B’hekk biss, is-self li ġie mgħoddi lit-Taljani, ikun jista’ jitħallas lura lill-investituri.
Malli tibda dieħla l-biża’ fl-investituri u jkun hemm dubju fil-kapaċitaˋ tat-tmexxija tal-Italja, id-dejn, li wara kollox huma il-bonds tal-gvern, jibdew jitilfu l-valur tagħhom u jibda jogħla l-imgħax ta’ dawn il-bonds. Dan ifisser li l-Italja tibda tħallas iktar biex tissellef li jwassal biex ikompli jikber id-dejn. Kif l-interessi fuq l-imgħax jiżdied, il-pajjiż ikun iktar qed jersaq lejn xifer falliment peress li d-dejn ma jkunx sostenibbli. Kif pajjiż ifalli u hu dan il-pajjiż ikun membru tal-Unjoni Ewropeja, jiskatta mekkaniżmu, fejn il-pajjiżi Stati Membri, jidħlu biex jgħinu lil dan il-pajjiż joħroġ min din id-diffikultaˋ billi jkun hemm bailout għal dan il-pajjiż.
Dan kien li ġara fil-każ tal-Ġreċja. Għal Malta, dan l-isforz biex għinna lill-Greċja, fisser li l-poplu Malti kellu jsellef lill-Greċja, l-ekwivalenti ta’ tlieta fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) li Malta tonfqu f’sena. Peroˋ l-Italja mhix il-Greċja. L-ekonomija Taljana hija għaxar darbiet ikbar minn dik tal-Greċja. Dan ifisser li jekk l-Italja tfalli, Malta tkun trid toħroġ tletin fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku tagħna biex ngħinu lil-Italja. L-ebda pajjiż ma jista’ joħroġ dawn il-flus kollha biex ma tfallix l-Italja. Għalhekk, jekk tfalli l-Italja, tfalli l-munita Ewro u jkun hawn konsegwenzi kbar għal bosta pajjiżi u l-istess Unjoni Ewropeja.
Kien għalhekk li l-President Taljan, Mattarella, bagħat għal gvernatur tal-Bank Ċentrali Taljan, Ignazio Visco (li jien niltaqa’ miegħu meta nattendi għal-laqgħat tal-Fond Monetarju Internazzjonali peress li l-Italja tifforma parti mill-istess konstitwenza ta’ Malta) sabiex jinfurmah bil-konsegwnezi finanzjarji li daħħlet fihom l-Italja hekk kif issemma’ l-isem ta’ Paolo Savona li ġie nominat biex ikun Ministru responsabbli mill-finanzi fil-gvern propost. Ġie spejgat lill-President Taljan li l-effett immedjat kien li eluf ta’ miljuni ta’ ewro bdew ħerġin mill-istituzzjonijiet finanzjarji Taljani lejn swieq barranin.
Barra minn hekk, l-interessi bdew jogħlew, li mhux biss bdew jaffettwaw negattivament lill-Italja, iżda anki pajjiżi bħal Spanja, li raw ir-rata tal-interessi fuq is-self tagħhom jogħlew ukoll. Il-President Mattarella, sabiex jissalvagwarda l-flus li kienu ġemmgħu it-Taljani u li kienu investiti fil-banek Taljani, ħalli ma jasalx il-punt li jfallu xi banek Taljani u l-poplu Taljan (u mhux biss imma kull min investa ġewwa l-Italja) jitilfu flushom, ma kellux triq oħra ħlief dik li jmur kontra l-verdett li ħa il-poplu Taljan fl-aħħar elezzjoni u ma jaċċettax li ż-żewġ partiti popolisti, il-Lega u ċ-Cinque Stelle, jiffurmaw il-gvern Taljan li jmiss. Wieħed irid isemmi, li dan hu dmir il-President Taljan skont il-Kostituzzjoni tagħhom.
Malli l-President Mattarella, m’aċċettax in-nomina ta’ Paolo Savona, il-Professur Giuseppe Conti irrinunċja mill-inkarigu li kien ingħata sabiex jifforma gvern, u filwaqt li l-kapijiet taż-żewġ partiti ma riedux li jinnominaw kandidatura oħra għal pożizzjoni ta’ Ministru tal-Finanzi, il-President Mattarella ma kellux triq oħra ħlief dik li jappunta hu persuna teknokratika sabiex tifforma gvern ta’ tranżizzjoni sakemm isiru elezzjonijiet ġodda.
Il-persuna li ntagħżlet, l-ekonomista Carlo Cottarelli, huwa bniedem li nafuh. Huwa persuna li ġie kemm-il darba Malta fil-pożizzjoni li hu kien jokkupa bħala direttur eżekuttiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li kien jirrappreżenta l-kostitwenza tagħna li barra Malta, tinkludi ukoll lill-Italja, Portugall, Albanija u l-Greċja.
Carlo Cottarelli huwa kapaċissimu u magħruf għad-dixxiplina tiegħu, tant li diġaˋ ġie imlaqqam, Mr Scissors (is-sur imqass) għax irid li d-defiċit ma jkomplix jikber, punt kruċjali jekk l-Italja trid tibdel il-folja. Kull pajjiż għandu bżonn politika ta’ kontrol tan-nefqa pubblika, jiżdied l-investiment id-dħul tal-gvern, u tkabbir ekonomiku. F’pajjiżna, dan kollu irnexxielna nagħmluh fi żmien qasir ta’ ħames snin. L-Italja għadhom ma rnexxilhomx.
Wieħed għad irid jistenna u jara jekk Carlo Cottarelli jirnexxilux jikseb vot ta’ fiduċja għal gvern li jipproponi meta jittieħed il-vot fil-Parlament Taljan, jew isir tentattiv tal-aħħar biex Conte jifforma Kabinett b’Ministru tal-Finanzi ieħor. It-triq hija twila u wieħed irid jara kif ser jiżvolġu l-affarijiet fil-pajjiż qarib tagħna. Nistennew u naraw x’ser jiġri.
Il-Ġimgħa, 1 ta’ Ġunju 2018
One response to “Id-dilemma politika u ekonomika tal-Italja”
priligy dapoxetina 30mg nos eua The diagnosis of NGU requires the exclusion of gonorrheal infection