Iktar riflessjonijiet fuq il-Laqgħat ta’ Tokyo


Issa li l-laqgħat tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-Bank Dinji li saru f”Tokyo din is-sena ġew u marru, ikun siewi li wieħed jaqsam mal-qarrejja ta’ dan il-ġurnal xi riflessjonijiet dwar x’ħareġ sew minn dawn il-laqgħat.

Nibda biex ngħid li l-atmosfera f’dawn il-laqgħat kienet sobrija u mċajpra għall-aħħar, li bl-ingliż nsejħulha gloomy. Tgħiduli għaliex? Għaliex meta din ir-riċessjoni u din il-kriżi internazzjonali baqgħet tkarkar sitt snin, il-psikoloġija ta’ kulħadd tibda tinbidel għat-tielet stadju tagħha. Fejn fil-bidu konna għadna taħt xokk, lanqas konna nafu x’laqatna, paniku sħiħ, kulħadd jipprattika l-fire fighting. Wara dħalna fi stat ta’ denial jew ottimiżmu fil-vojt li din il-kriżi ser tgħaddi bħal ta’ qabilha. Id-diskussjoni kienet jekk il-grafika kienitx forma ta’ ‘V’, jiġifieri l-PGD jinżel u jerġa jitla’, jew ta’ ‘U’. Bil-‘U’ għandhekk iktar tul u dejjem inħarsu lejn sena, sentejn kollox. Fil-fatt issa qed nirrassenjaw ruħna li dan mhux il-każ u għad irridu nistennew iktar snin ta’ konvalixxenza ekonomika. Minn jgħid tlieta minn jgħid erba’ snin oħra. Għalhekk issa kulħadd qed jirreferi għal dawn is-snin kollha bħala the lost decade jiġifieri għaxar snin mitlufa minn fuq id-dinja fejn saret ħafna ħsara ekonomika, u qed ibgħatu ħafna familji.

 

Kwistjonijiet prinċipali

Irrid ngħid li l-valur ta’ dawn il-laqgħat qiegħed fil-fatt fejn ħbieb fil-mestjier ta’ tmexxija ekonomika u finanzjarja jerġgħu jaraw lil xulxin wara sena. Għandek ministri tal-finanzi, gvernaturi tal-banek ċentrali, ekonomisti, uffiċjali tar-rating agencies u esperti oħra minn madwar id-dinja jiltaqgħu u s’intendi jieħdu gost jerġgħu jaqsmu l-idejat ma’ xulxin. Pero meta jkun hemm laqgħa internazzjonali ta’ dak il-kobor fl-aħħar jintlaħaq tip ta’ consensus. Il-kitba li jkunu għamlu ċertu ekonomisti tħallatha mal-prattika u eżempji ta’ suċċessi u ta’ inqas suċċessi,  u fl-aħħar jibda jaqa’ ċertu ftehim dwar il-mod kif il-politika ekonomika u finanzjarja għandha titmexxa għal quddiem.

Żgur li kulħadd sar konxju li t-tkabbir ekonomiku globali issa waqa’. It-tkabbir ekonomiku waqa’ f’ċertu pajjiżi avvanzati iktar minn pajjiżi inqas żviluppati imma b’saħħithom bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Brażil, l-Afrika t’Isfel u r-Russja. F’dawn il-pajjiżi magħrufa bħala l-grupp BRIC it-tkabbir tagħhom waqa’ minn 8 għal 5 fil-mija mhux bħal ma ġara fl-Amerika l-livell spiċċa iktar baxx u agħar minn hekk fiż-żona ewro fejn m’hemm tkabbir ta’ xejn.

Fil-każ tal-Amerika fejn bħalissa għaddejja kampanja presidenzjali hemm biża li l-istimolu qawwi fiskali ta’ qtugħ ta’ taxxi fi żmien Bush u li mbagħad reġa iġġedded minn Obama issa ħafna huma ħosbiena li dan ma’ jerġax jiġġedded. Allura qed jitkellmu fuq fiscal cliff  jiġifieri irdum fiskali. Dan ifisser li jekk ma jibqgħux jippumpjaw l-ekonomija permezz ta’ dan il-qtugħ ta’ taxxi anzi twaqqafhom, l-ekonomija se tista’ tispiċċa  taqa’ f’irdum.

Dwar l-Ewropa l-issues diskussi kienu dawk li dejjem nitħaddtu fuqhom f’dawn il-paġni u min-naħa tagħna ma kien hemm xejn ġdid. Li huwa interessanti ħafna huwa li tara lill-Amerikani bl-aħjar ekonomisti tagħhom bħal Larry Summers u oħrajn kif iħarsu lejn il-problema tagħna fl-Ewropa. Dawn jarawha differenti . Aħna nippanikjaw, irridu naqtgħu d-dejn akkost ta’ kollox u huma b’dik il-kalma jgħidulek, ‘imma għalxiex? Biex terġa twaqqa l-ekonomija għall-agħar?’

Meta tkun distakkat mill-problema taraha iktar ċara. Huma ma jarawx dik l-għaġla kollha li għandna aħna illi jinqatgħu id-djun u d-defiċits malajr għall-prinċipju biss biex jinqatgħu. L-għan aħħari hu t- tkabbir ekonomiku u li ma jbatux in-nies. F’waħda mill-laqgħat id-Direttriċi tal-IMF Christine Lagarde qablet ma’ dan jiġifieri li nrattbu l-programmi ta’ awsterita’, iżda f’dak il-ħin qabeż l-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż Shauble u ħatafha u qalliha, ‘Le, meta tibda maratona trid tibqa tiġri u ma tistax tiġri bil-kontra u terġa lura.  Qabeż l-Amerikan Peter Orszag ex-konsulent ta’ Obama u qallu, ‘isma, nassumu li taqa’ t-temperatura u tħoss il-bard u inti se tikkolassa għandek tmur lura għall-ħwejjeġ’. Schauble pront wieġbu ’Iva imma ma tirbaħx il-maratona’. Dan qed ngħidu biex wieħed jifhem il-battibekki bejn il-mexxejja ekonomiċi u finanzjarji f’dawn il-laqgħat.

Il-futur

Naħseb li riżultat ta’ dawn il-laqgħat internazzjonali li kienu iffukati ħafna fuq iż-żona ewro kulħadd qed jirrejaliżża li l-Ġermanja għandha din il-fissazjoni esaġerata fuq li tagħmel programmi ta’ awsterita’ u ma tagħti xejn każ għar-riperkussjonijiet soċjali. Dan bħal wieħed li jħobb jiddixxiplina lilu nnifsu billi meta jqum filgħodu jħobb jieħu doċċa kiesħa, u tant hu ffissat ma’ dawn it-tip ta’ miżuri militari li jrid li kulħadd jikkuppjahom bilfors.

Wieħed irid jara x’inhu l-oġġettiv aħħari ta’ kull eżerċizzju jew politika u trid tara li tasal sew jekk b’mod dirett jew indirett, l-importanti hu li tasal għalih. Hemm bżonn nikkalmaw ftit u mhux din l-għaġġla kollha kbira li jinqataw id-dejn u d-defiċits anke jekk l-ekonomija sejra għall-agħar.

 

 

– It-Tnejn, 22 ta’ Ottubru, 2012

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *