Il-Baġit


Il-baġit huwa wieħed mill-appuntamenti l-aktar importanti fil-kalendarju politiku ta’ kull pajjiż. F’Malta wkoll qegħdin nistennew dan l-appuntament għall-aħħar ġim­għa ta’ dan ix-xahar. Il-Baġit tant huwa importanti li saħansitra jista’ jkun il-kawża li jwaqqa’ l-Gvern tal-pajjiż.  Min fejn hi ġejja l-importanza tiegħu?

Strument importanti

F’kull pajjiż demokratiku, iċ-ċittadin għandu żewġ strumenti, li jifformaw parti minn speċi ta’ kuntratt soċjali, li għandhom saħħa kbira. L-ewwel wieħed huwa l-vot li bih hu qiegħed jagħti l-awtorità lil numru ta’ persuni biex jiggvernawh, biex imexxu l-paj­jiż u biex jagħmlu l-liġijiet. Meta qed ngħid il-Gvern qed ninkludi wkoll l-Oppożizzjoni jiġifieri l-elettorat qed jeleġġi l-parlamentari tiegħu biex flimkien imexxu l-pajjiż. Din hi xi ħaġa li tolqot il-libertà tal-bniedem għax bil-vot ikun qiegħed jgħaddi parti mill-libertà tiegħu lill-ħaddieħor biex imexxi f’ismu u għalhekk il-vot u l-elezzjonijiet nieħ­duhom b’serjetà kbira.
It-tieni strument importanti f’pajjiż demokratiku huwa l-Baġit. Għaliex? Għax iċ-ċittadin issa qed jagħti d-dritt lill-Gvern biex juża wkoll flusu, jiġifieri qiegħed jagħti l-poter lil min qiegħed imexxih biex jiġbor flusu sew minn dak li jaqla’, li jġemma’ u anke dak li jonfoq.
Qed jagħti l-awtorità lill-Gvern biex jin­daħal b’forza kbira, biex jieħu u jiddisponi minnhom kif jidhirlu hu permezz tal-Baġit. Allura ma nistgħux nieħdu dan it-‘transfer’ ta’ poter mingħand iċ-ċittadin għal għand il-Gvern, fejn jidħlu l-finanzi b’ċertu leġġerezza.
Il-Gvern irid għalhekk jagħ­mel pjan ta’ kif se jinġab­ru dawn il-flus u kif se jintef­qu. Dan il-pjan jissejjaħ Baġit. Iżda biex jwettaq dan il-pjan il-Gvern irid jieħu l-awtorità mill-parlament li qed jir­rappreżenta lill-poplu u jrid li din l-awtorità  joħodha b’maġ­ġoranza u xejn inqas. Jekk ma jkunx hemm il-voti meħtieġa allura l-Gvern jaqa’ għax ma jkollux l-awtorità biex juża dawn ir-riżorsi li huma tant importanti biex imexxi.

Effett tal-Baġit

Il-Baġit għandu żewġ faċċati. Għandha l-parti tad-dħul jiġifieri ġbir ta’ taxxi u dħul ieħor u min-naħa l-oħra l-infieq. Minn dan wieħed jista’ jislet ukoll d-differenza ta’ bejn­iethom. Il-Gvern jiddeċiedi per eżempju li l-infieq għandu jkun iżjed mid-dħul (defiċit) u jista’ jagħmel il-kuntrarju u jiddeċiedi li d-dħul ikun ferm iżjed mill-infieq (surplus).
B’hekk il-Gvern jista’ jaffetwa l-ekonomija mill-inqas fuq tliet binarji.
L-ewwelnett jista’ jagħżel li jqajjem l-ekonomija billi jagħ­mel baġit espansjonarju u jipp­jana li jonfoq iżjed milli qed jieħu. Min-naħa l-oħra jekk irid imewwet l-inflazzjoni jew xi boom jagħmel ‘surplus’ u b’hekk ikun qiegħed jixxotta.
Dwar it-taxxi l-Gvern irid jara li jkunu ġusti u jweġġgħu mill-inqas billi jimxi fuq ċertu kriterji stabbiliti u aċċettati mill-ekonomisti. Dwar l-in­fieq irid jistaqsi jekk u kif in-nefqa se tgħin jew ittellef it-tkabbir ekonomiku u tgħin jew itellef it-tqassim ekwu tal-ġid tal-pajjiż.
Dawn huma ftit mill-kriterji ta’ kif inqisu jekk il-Baġit ikunx laħaq jew le dawn l-għanijiet. Dan irid jiġġudikah il-poplu.  Għalhekk huwa importanti li kull sena nagħmlu rendikont ta’ kif intefqu dawn il-flus mhux biss għax seta’ kien hemm il-ħela, imma wkoll biex naraw kif affettwaw l-ekonomija. Hawn hu xogħol l-ekonomisti li jiflu l-Baġit sew u bir-reqqa.

Sħubija fl-UE u l-Baġit

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea maż-żmien ħalliet effett fuq kif jiġi mfassal il-Baġit ta’ pajjiżna. Meta dħalna fl-Unjoni Ewropea dħalna f’familja dak iż-żmien ta’ 25 pajjiż inkluż Malta u issa żdiedu għal 27 pajjiż. Allura kien hemm fejn wieħed iqabbel lil pajjiżna ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn u naraw jekk pajjiżna waqax lura jew marx ’il quddiem. Dan isir għax nafu li dan jaffetwa kif l-investituri jħarsu lejn pajjiżna. Wieħed jista’ jgħid li b’hekk seta’ daħlet dixxiplina akbar. Għal xi wħud iktar żdiedet il-kosmetika milli s-sustanza.
Nafu wkoll li meta dħalna fiż-Żona Ewro kibret il-ħarsa tad-dinja fuqna speċjalment mir-Rating Agencies u s-swieq finanzjarji internazzjonali għall-fatt li aħna qegħdin nikkondividwu munita waħda li hija l-ewro ma’ pajjiżi li jinkludu l-Ġermanja. Nafu li allura rridu noqogħdu attenti ħafna.
Wara l-kriżi nafu biżżejjed x’ġara. Il-fatt li l-Greċja daħket biex ngħidu hekk bil-Kummissjoni u fallit f’dak li huma djun u defiċits kbar li wasslu għal kważi falliment tal-pajjiż. Minn dakinhar ’il hawn is-swieq mhux qed jafdaw lil gvernijiet u miż-Żona qed jitolbu iktar kordinament bejn il-Baġits għaliex iż-Żona Ewro hija meqjusa bħala Żona waħda u l-pajjiżi jew jgħerqu jew isalvaw flimkien.

Nhar l-Erbgħa li għaddew fil-Parlament Ewropew ġiet il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Minn dak li qalet jidher ċar li se żżid il-presjoni biex  ikun hemm  kordinazzjonji ikbar bejn il-Baġits ta’ dawk il-pajjiżi li qegħdin fiż-Żona Ewro. Bħalissa l-Baġit ta’ Malta llum irid jara l-iskrutinju sew qabel u sew wara li jgħaddi. Dan il-proċess li nsejħulu s-Simestru Ekonomiku għadu fi stadju bikri u għadu mhux qed jaħdem sew. Tant li fil-Kumitat tagħna l-ECON għadna kemm approvajna rapport biex intejbuh.
Lanqas m’għandkom taħ­sbu li l-Bagit li se naraw fl-aħħar tax-xahar ifisser li l-Kummissjoni Ewropea tkun approvatu u tagħtu xi bolla ta’ kwalità f’dan is-sens. Ir-res­ponsabbiltà hi dejjem tal-Gvern. L-Kummissjoni m’għandiex għaġla. Tistenna, tifli u meta jidhrilha tfaqqa r-rakkomandazzjonijiet jew s-sanzjonijiet. Dan għax nafu li l-Kummissjoni issa għandha snien biżżejjed biex tindaħal u tara li aħna nkunu fuq it-triq li dak li wegħdna f’dak li huma miri finanzjarji rridu nżommuhom.
Bħalma jgħid il-kantant simpatiku Malti Freddie Portelli, “…u l-kbir għadu ġej.”

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 12 ta’ Novembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *