Il-ħsieb wara l-aħħar erba’ baġits


Naħseb li l-ebda baġit li niftakar jiena ma qajjem diskussjoni sana dwar it-tqassim tal-ġid u dwar l-irwol tal-paga minima, daqs il-baġit li qrajt nhar it-Tnejn 17 ta’ Ottubru. Kien hemm min qal illi dan kien baġit ta’ qabel l-elezzjoni, iżda dan il-kliem intqal ukoll wara l-ewwel, it-tieni u t-tielet baġit, allura ma tantx sa jimpressjona bħala kumment.
Kien hemm oħrajn li lmentaw dwar il-fatt li l-paga minima ma ċċaqalqitx ‘il fuq mill-COLA tal €1.75, u minflok daħħalna dawk il-benefiċji l-oħrajn kollha. Intqal ukoll li l-Gvern l-ewwel qagħad jistenna sakemm ikabbar l-ekonomija u issa qed iqassam il-frott tat-tkabbir ekonomiku.

Għalkemm hemm ħafna verità f’dan kollu, u anke jiena użajt dan l-aħħar eżempju biex infiehem il-pjan ta’ dan il-gvern. Però biex inkunu eżatti irridu nikkunsidraw dan il-baġit fl-isfond tal-pjan ta’ dan il-gvern, u ser nhaddi biex nispjega.
Sfortunatament hawn min għadu sallum ma jistax jifhem li dan il-gvern sa mill-ewwel baġit tiegħu ried li jolqot is-saff ta’ nies li għandhom dħul baxx, jiġifieri dawk li l-iktar kienu qed jistennew bil-ħniena biex issir żvolta wara ħamsa u għoxrin sena sħaħ. Dan beda jagħmlu billi ħa miżuri li jaġevolaw lill-middle class, il-klassi ta’ nies li issibhom fil-klassi maniġerjali, dawk li kienu jħallsu t-taxxi, dawk li kienu qed jieħdu pożizjonijiet importanti u lienu qed iħossuhom li qed imorru x-xogħol għalxejn, fosthom billi qata’ t-taxxa tad-dħul minn 35% għal 25%.

BUDGET 2017 – MONDAY 17 OCTOBER 2016 Media Gallery to/from the Chamber

Ir-raġuni ewlenija ta’ din il-miżura kienet li l-gvern ried jibda jdawwar ir-rota tal-ekonomija li kienet kienet qed iżżaqżaq u li r-rota ddur aktar biex twassaln biex nikkrejaw ix-xogħol.
Ħa nkunu ċari. L-aktar nies li għandhom bżonn ix-xogħol huma n-nies qegħda, dawk b’paga miżera, dawk in-nisa, inkluż is-single parents li jsibu tant ostakli biex isibu x-xogħol, kif ukoll dawk li jkunu jgħixu bil-benefiċċji soċjali.
Allura, meta l-gvern beda joħloq il-postijiet tax-xogħol, l-aktar li kienu qed jiġu affettwati kienu n-nies li l-aktar għandhom bżonn ix-xogħol, bir-riżultat ikun li 3,500 ruħ li kienu fuq il-benefiċċji soċjali, nklużi dawk tal-qgħad, sabu x-xogħol grazzi dawn l-iskemi, biex b’hekk qegħdin jaqalgħu lilhom infushom u lill-familji tagħhom mill-faqar. B’hekk qed naraw kif il-mira tal-gvern li jibda jgħolli d-dħul ta’ dawk li l-aktar kellhom dħul baxx daħlet fis-seħħ sa mil-bidunett tal-leġiżlatura.
B’hekk qed naraw kif il-gvern beda jiġġieled id-dħul baxx fil-familji billi ħa miżuri biex iwieżen il-middle class, li hija klassi tista’ ddawwar ir-rota li ssarraf fil-ħolqien tax-xogħol.

logo orizzont

Iżda għaliex sar dan? Kif nafu, hemm erbgħa raġunijiet għall-faqar, bl-ewwel waħda tkun in-nuqqas ta’ xogħol. Għaldaqstant, indirizzajna din il-problema sa mill-ewwel sena ta’ dan il-gvern meta ħadna dawk il-miżuri li wasslu biex jiġi kkreat ix-xogħol.
It-tieni raġuni hija x-xogħol prekarju u x-xogħol bi dħul baxx, allura mit-tieni sena ‘l quddiem daħħalna il-prinċipju ta’ l-in-work benefits. Dan ifisser li l-gvern jaċċetta illi l-paga minima hija il-paga tas-suq imħallsa lil dawk li m’ għandhomx ċertu ħilijiet bażiċi u li iżda m’hijiex biżżejjed biex wieħed jgħajjex biha familja, speċjalment bit-tfal. Allura, permezz mhux taċ-childrens allowance imma permezz ta’ l-in-work benefits sar suppliment biex jaġevola dik il-paga minima. Ejjew niftakru li din saret fit-tieni sena u li ma qgħadniex nistennew ir-raba’ baġit biex indaħħluha.

Dan ifisser li filwaqt li konna qegħdin ngħinu s-saff ta’ fuq biex flimkien indawwru r-rota, konna qed ngħinu lis-saff t’ isfel permezz tax-xogħol u permezz tal-inwork benefits.
Fit-tielet sena, għax konna konxji mill-fatt li bosta nies kienu qed jgħixu f’dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali, ħolqna skema li tinċentiva x-xogħol u li toħroġ lin-nies mid-dependenza fuq il-benefiċċji soċjali. Tajjeb li nfakkar ukoll fl-iskema tat-tapering fejn dak li jkun jibqa’ jieħu parti mill-benefiċċji soċjali wara li jsib ix-xogħol.

Lanqas qgħadna nistennew nistennew dan il-baġit biex ngħollu l-pensjonijiet. Għax għollejna l-pensjoni minima għal €140 għax ħassejna li għandna ngħinu lill-pensjonanti l-iktar foqra. Ma nistgħux nagħmlu kollox mal-ewwel, jew f’sena waħda, iżda kull sena jkollna tieqa żgħira biex fejn nistgħu nimmanuvraw u għalhekk, indaħħlu ftit ftit il-miżuri li nkunu nistgħu nintroduċu skont il-prijoritajiet.

Mela nkunu tassew korretti meta ngħidu li l-gvern għandu pjan u li dak l-istess pjan, issa li wasalna fir-raba’ baġit tagħna, wassalna biex nindirizzaw it-tielet raġuni għan-nuqqas ta dħul, li hija l-anzjanità. Ma ninsewx li l-pensjonant, ikun kemm ikun id-dħul tiegħu, qed jesperjenza dħul imnaqqas min meta kien jaħdem, allura jesperjenza xi livell ta’ faqar. Issa bħal dejjem issib lil min ikun min ġemma’ matul ħajtu u allura ħaseb biżejjed għal meta jirtira.

Għalhekk, wara li ħsibna fiż-żgħir li hu fuq il-minimum wage, issa ħsibna għal kull pensjonant, hi x’hini l-qagħda tiegħu. Ħsibna fih għax li l-pensjonant għandu bosta spejjeż, fosthom f’mediċini, tobba u iktar u iktar fuq carers. Dan ifisser li aktar ma javvanza fl-età, l-anzjan jisfa’ aktar dipendenti fuq ħaddieħor.

Allura l-qtigħ fit-taxxa għall-pensjonanti hija miżura mmirata għall-pensjonanti li huma qegħdin fil-faxxa ta’ fuq tad-dħul, għax ovvjament, il-pensjonanti li ma jħallsux taxxa huma dawk li għandhom dħul baxx. Għal dawn ħsibna biex nagħtuhom assistenza supplimentari li tpatti sabiex inkunu ġusti kemm mal-pensjonanti bi dħul baxx u dawk bi dħul għoli.
Imbagħad niġu għar-raba’ raġuni tal-faqar, raġuni li hija diffiċli għax magħmula minn diversi fatturi, ewlenin fosthom mard, diżabilità u problemi soċjali li jwasslu biex ikun hemm familji li bil-fors ikollhom jiddependu mill-manteniment tal-gvern.
Dan ifisser li l-faqar f’dawn il-każijiet ma tirbħux billi toħloq ix-xogħol, għax dawn il-familji qegħdin fil-faqar minħabba fi problemi ħafna iktar ikumplikati u dan bilfors irridu jiddependu mil-benefiċji soċjali. Kien għalhekk li f’dan il-baġit qagħdna attenti biex nindirizzaw dawn il-problemi. Tajjeb li nsemmi li għall-pensjonanti biss, ħloqna pakket ta’ għoxrin miżura, kif ukoll ħloqna pakkett ieħor għal min jiddependi fuq il-benefiċji soċjali. Rajna li nestendu l-aċċess għall-Karta r-Roża li bosta nies kienu mċaħħdin minnha purament gġax kienu ġenwini u onesti fid-dikjarazzjonijiet tagħhom.

Jiġiefieri l-pjan tal-gvern minn dejjem kien li jħares lejn il-batut u u dak li għandu dħul baxx sa mill-ewwel sena tiegħu permezz tal-ħolqien tax-xogħol għat-tliet raġunijiet li semmejt.

Nisperaw illi permezz ta’ dan il-baġit wieħed issa jibda jara l-pjan jiżvolġi u s-sena d-dieħla nisperaw li grazzi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-baġit li jiena ħabbart, inkunu qegħdin nilħqu s-saffi kollha tas-soċjetà Maltija.

 

Il-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *