Fl-isfond tad-diskussjoni li qegħda għaddejja f’pajjiżna, riżultat ta’ aħbarijiet xejn sbieħ, anzi koroħ ħafna, li ġraw dan l-aħħar tissemma ħafna l-kelma korruzjoni. Huwa importanti li nkunu nafu iktar dwara ħalli ma nħallux il-politika tagħti l-interpretazzjoni tagħha skont kif wieħed jaqbillu biex jipprova jieħu xi vantaġġ politiku.
Biex gvern ikun jista’ jopera u jtejjeb il-ħajja ta’ kull faxxa tas-soċjeta’, hemm bżonn li jinġabru flus mill-individwi li jgħixu u jaħdmu fil-pajjiż. Dawn il-flus hum essenzjali sabiex fil-pajjiż ikun hawn servizz tas-saħħa b’xejn; jitħallsu l-għalliema biex ikollna sistema edukattiva li trawwem it-tfal tagħna li huma l-futur ta’ pajjiżna; jitħallsu l-membri tal-korpi dixxiplinari ħalli jkollna l-ordni fil-pajjiż; il-pensjonanti jkollhom dħul xieraq biex fl-anzjanita’ tagħhom jgħixu ħajja komda u diċenti u nista’ nkompli nsemmi bosta inizjattivi li jieħu ħsieb il-gvern għal-ġid tas-soċjeta’.
Wara dan kollu, l-iktar element essenzjali hu li l-ġid tal-pajjiż jintefqu b’mod għaqli għal ġid tal-poplu kollu. Huwa r-rwol tal-gvernGvern li jkollu sistemi fejn ikunu qed jassiguraw li dawn il-fondi qed jintefqu bl-aħjar mod u li ma jkunx hemm abbużi fis-sistemi mħaddna fl-entitajiet governattivi kollha.
Biss il-gvern iħaddan sistema oħra ta’ kif jagħti servizz u dan hu permezz li jixtri s-servizz mis-settur privat. Il-bini tat-toroq; ix-xiri tal-mediċini; is-servizz taċ-childcare; is-servizz tat-trasport pubbliku u bosta servizzi oħra, huma eżempji ta’ servizzi lis-settur privat ibiegh u b’hekk iforni lil -gvern. F’pajjiż demokratiku u fejn wieħed iħaddan politika ta’ suq liberu u kompettitiv, huwa fl-interess tal-gvern li jixtru bl-aħjar prezz u l-aħjar kwalita’, dak li bl-Ingliż ngħidulu good value for money. U hu propju għalhekk li l-gvernGvern għandu d-Dipartiment tal-Kuntratti, sabiex jara li dan il-prinċipju jkun qed jiġi osservat.
Bħal ma’ jiġri fuq livell personali, is-settur privat, anki fejn jidħol bejgħ ta’ prodotti jew servizzi għal-gvern, juża l-għodda tal-marketing tal-prodott jew tas-servizz li qed jipprovdi. Dan hu proċess aċċettat u li wieħed jistenna li jkun hemm xi forma ta’ lobbying. Dan hu proċess leċċtu sakemm dan il-proċess ikun trasparenti u hu proċess li jsir fil-pajjiżi kollha ewropej u mhux.
F’governanza tajba, għalkemm il-lobbying mhux ħażin, hu imprtanti li wieħed ħadd ma jiltaqa’ ma rappreżentanti ta’ kumpaniji waħdu. Hekk titlob ukoll it-transparenza. Fil-Parlament Ewropew, id-deputati, li jien kont wieħed minnhom, kellhom l-obbligu wkoll li jtellgħu fuq il-website ma’ min għandhom laqgħat. Dan hu standard neċessajru li jiġi segwit jekk wieħed irid ineħħi kull suspett u dubju.
Anki fir-rwol tiegħi bħala Ministru, nesiġi wkoll fejn kumpanija privata titlob laqgħa miegħi, ma nintaqax waħdi. Dan mhux każ fejn Assoċċjazzjoni ta’ settur ekonomiku, titlob laqgħa miegħi fejn fl-laqgħat bħal dawn wieħed ikun qed jitkellem fuq is-settur. Fil-każ ta’ kumpanija, ir-rappreżentanti tal-kumpanija jkunu jridu jinfluwenzaw xi deċiżjoni li tmur favurihom.
Għalhekk wieħed isaqsi allura x’inhi l-korruzjoni? Il-korruzjoni hija meta jkollok negozjant li joffri kumpens lil politiku jew lil kull min qiegħed f’pożizzjoni li jieħu deċiżjoni sabiex jiffaforixxi lil dak in-negozjant li jkun offra kumpens. Dan hu aġir kundannabli u hu att kriminali fejn individwi jgħaddu flus biex in-negozju tiegħek ikun ivvantaġġjat. Dan l-aġir ikun qed ikisser il-kompetittivita’ u l-prodott jew is-servizz ikun qed jiġi mgħoti mhux fuq kwalita; iżda b’qerq għax ikuku għaddew flus b’mod illeċtu. Din hu l-korruzzjoni.
Il-ħasil ta’ flus, jew money laundering, huwa l-mod ta’ kif individwu jirriċikla dawn il-flus biex jinħeba’ l-fatt li dawn il-flus ikunu ġew minn sors illeċtu u jinħeba ir-reat.
Ċerti nies involuti fin-negozju, jippruvaw kull meżż ta’ kif jinfluwenzaw xi ministru. Hemm min jinfluwenza b’ikla; ohrajn billi jehduk tara xi lobgħa futbol jew xi safra fuq xi jott. Għalkemm dawn il-ġesti jistgħu jkunu sempliċiment forma ta’ ħbiberija, jistgħu jwasslu għal korruzzjoni.
Sfortunatament, is-sistema tal-kampanja elettorali ta’ pajjiżna, hija tali li tista’ tiswik ħafna flus. Allura, dak il-kandidat li ma jkollux meżżi finanzjarji, jaqa’ għal għajnuna minn individwi li joffru li jgħunuh finanzjarjament li jista’ jwassal li imbagħad pjaċir jitpatta b’ieħor. Hu għalhekk l-importanza li jkun hemm rendikont iddettaljat tal-infiq li kandidat jagħmel fuq il-kampanja elettorali, liema rendikont irid jinkludi wkoll min ikun tah id-donazzjonijiet, kemm fi flus kif ukoll f’xi servizz.
Irrid ikun ċar u ngħid li mhux kull kandidat jew mhux kull membru parlamentari, jaqa’ għal din in-nasba. Anzi, irrid ngħid li jien persważ li l-maġġoranza tal-membri parlamentari huma serji u ma jaqgħux għal dawn it-tentazzjonijiet. B’wiċċi minn quddiem ngħid li l-maġġoranza assoluta huma dedikati għax-xogħol parlamentari; huma leali lejn if-familja u jaħdmu sabiex jaraw lil-poplu Malti u Għawdxi itejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tiegħu u tagħha. Dan hu s-sodisfazzjon li politiku jħoss meta jara titjib fil-mod kif il-poplu jgħix u t-titjib fl-infrastruttura tal-pajjiż.
Jien persważ li individwu li jidħol għal ħajja politika, ma jgħamilx hekk għal-flus iżda għal għan nobbli li hu dak li jaħdem biex itejjeb il-livell tal-ħajja taċ-ċittadin. Li nżid ngħid hu li kull politiku irid jara li jħaddan etika u jimxi fuq il-prinċipji tat-trasparenza f’dak kollu li jgħamel u ma jaqax għal xi tentazzjnoi li fl-ahhar tista’ twassal għal korruzzjoni.Fejn m’hemmx korruzzjoni, il-poplu jgawdi għax il-gvern ikun qed jixtri prodott jew servizz mis-settur privat b’mod vantaġġjuż għal prezz li jkun qed iħallas għalih. U meta qed ngħidu l-gvern jixtri prodott jew servizz, dan qed jinxtara minn flus il-poplu għax il-flus disponibbli tal-gvern ġejjin mit-taxxi, diretti u ndiretti, li l-istess poplu jħallas. U mhux biss, iżda fejn hemm il-korruzzjoni, il-probabbilta’ hi li wieħed ikun qed jixtri prodott jew servizz inferjuri bi prezz ogħla.
Huwa għalhekk importanti li kull individwu li qiegħed jidħol f’negozjati, f’isem il-gvern, biex jixtri prodott jew servizz, irid iżomm f’moħħu li l-flus li jkunu ser jintefqu, m’humiex tiegħu iżda tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk, l-individwu għandu d-dmir u r-responsabbilta’ li jara li jkun qed iġib l-aħjar pakkett għal-poplu.
Nixtieq il-Milied Ħieni lill-familji kollha Maltin u Għawdxin.
Il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru 2019