Il-Ministeru għall-Finanzi


Bi prudenza ngħid li f’Malta, bħal f’kull pajjiż ieħor, il-Ministeru għall-Finanzi huwa wieħed importanti ħafna. Importanza riflessa fil-laqgħat li jkollhom il-Ministri għall-Finanzi fuq bażi ta’ Unjoni Ewropea u anke f’laqgħat mondjali. Importanza li narawha riflessa wkoll fi ħdan il-Kabinett. Hemm ħafna raġunijiet li jwasslu biex tali Ministeru jingħata l-importanza li jingħata.

Biżżejjed jingħad li l-Ministru għall-Finanzi huwa responsabbli għall-ġbir ta’ taxxi mingħand il-poplu. Irid jingħata rendikont għal kull ewro li tinġabar mis-sistema tat-taxxi tagħna. Il-Ministru jrid jara li dawn il-flus jinġabru b’mod ġust u mbagħad jintefqu bl-istess mod. Il-Ministru huwa responsabbli wkoll għan-nefqa tal-Gvern u jrid jara li l-ammont minfuq ma jaqbiżx dak li jkun ippjanat u approvat fil-baġit. Irid jara li d-dejn tal-Gvern ma jikbirx.

Huwa xogħol il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministeru tiegħu li jistudjaw

l-impatt li jkun se jkollhom il-miżuri proposti u l-prijoritajiet tagħhom.

Qasam ieħor importanti jikkonċerna l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-pajjiż. Istituzzjonijiet li jkunu fdati bi flus in-nies, flus li ċ-ċittadini jġemmgħu biex jinvestuhom b’mod għaqli. Istituzzjonijiet li jridu jsegwu regolamenti finanzjarji, regolamenti importanti ħafna, li wkoll jiġu min-naħa tal-Ministeru għall-Finanzi. Regolamenti li l-Ministru għall-Finanzi jkun irid jieħu quddiem il-Parlament biex ikunu diskussi u approvati.

Id-dekasteru tal-Ministru għall-Finanzi jinkludi wkoll l-istituzzjonijiet regolatorji u awtoritajiet finanzjarji ta’ importanza kbira bħalma huma l-Bank Ċentrali, il-Borża u sa ftit taż-żmien ilu anke l-MFSA. Dekasteru li jinkludi wkoll l-FIAU, li hija istituzzjoni unika, fis-sens li tara li ma jkunx hemm ħasil ta’ flus. Istituzzjonijiet li l-importanza li jġorru minnhom infushom jkabbru l-importanza tad-dekasteru tal-Ministeru.

Madankollu, waqt li qed nelenka din l-importanza, dak li rrid nenfasizza llum huwa li l-awtorità li għandu l-Ministeru għall-Finanzi kif riflessa f’dawn l-importanzi kollha,  mhix waħda assoluta, bħalma mhix assoluta dik tal-Prim Ministru. Hemm linji gwidi li jridu jiġu rispettati.

Il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministeru tiegħu jridu huma wkoll jirrispettaw ċerti regolamenti finanzjarji. Anzi hija fir-responsabbiltà tagħhom li jimxu fuq u skont dawn ir-regoli finanzjarji, dwar kif issir in-nefqa tal-Gvern. La l-Ministru u lanqas il-Ministeru m’huma  se jivvintaw jew jużaw deskrizzjoni, hemm kważi kważi dak li tista’ ssejjaħlu ritwal ta’ kif isir dan kollu.

Hemm proċess ta’ kważi sena li finalment jwassal għat-tfassil ta’ baġit, li mbagħad ikun irid jiġi approvat mill-Kabinet tal-Ministri u finalment mill-Kamra tad-Deputati, il-Parlament. Imma dan ma jkunx kollox. Il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministeru tiegħu jkunu jridu jaraw li l-liġijiet fiskali u monetarji li joħorġu mill-baġit li jkun ġie approvat jgħaddu minn proċess parlamentari ieħor, fejn ikun diskuss dak imsejjaħ Abbozz ta’ Liġi ta’ Implimentazzjoni. B’riżultat ta’ dan ikunu jistgħu jiġu attwati l-miżuri kollha li jkunu tħabbru fil-baġit.

Miżuri li l-Ministru għall-Finanzi jkun irid jirrispettahom, ma jistax jagħmel li jrid. Ma jistax jiċċaqlaq minnhom. Ikun irid jara li dak li jkun se jintefaq ikun dak approvat, xejn iżjed u xejn inqas. Sadattant forsi huwa diffiċli li wieħed jifhem illi mbagħad meta niġu għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-baġit ikunu Ministeri oħrajn li jimplimentawhom u mhux il-Ministeru għall-Finanzi. Nieħdu bħala eżempju l-miżura tal-pensjonijiet. Il-pensjonijiet ikunu disinjati u kalkulati għall-impatt tagħhom mill-Ministeru għall-Finanzi imma meta tiġi għall-implimentazzjoni tagħhom ikun il-Ministeru tal-Familja u tal-Politika Soċjali li jimplimentahom.

Hemm imbagħad il-qasam tal-kuntratti. La l-Ministru għall-Finanzi u lanqas in-nies ta’ madwaru ma jagħtu kuntratti. Fejn jirrigwarda kuntratti hemm dipartiment speċifiku,  id-Dipartiment tal-Kuntratti, li min-naħa tiegħu wkoll għandu regoli x’josserva, apparti trattati tal-Unjoni Ewropea u direttivi tagħha, fosthom dik tal-kompetizzjoni ġusta. Il-Kumitat tal-Kuntratti huwa awtonomu, b’responsabbiltà kbira fuqu li jara li l-affarijiet jimxu sew.

Fil-proċess tat-tfassil tal-baġit kemm il-Ministru għall-Finanzi kif ukoll il-Ministeru jkunu involuti f’ħafna xogħol u laqgħat ma’ Ministri u Ministeri oħrajn. Min-naħa tagħhom dawn iressqu proposti dwar miżuri ovvjament bażati fuq dak imwiegħed fil-Programm Elettorali. Huwa xogħol il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministeru tiegħu li jistudjaw l-impatt li jkun se jkollhom il-miżuri proposti u l-prijoritajiet tagħhom.

F’dan l-istadju ħafna mix-xogħol tal-Ministeru għall-Finanzi ma joħroġx fil-pubbliku. Li joħroġ huwa r-riżultat finali, il-baġit. Imma l-mistoqsijiet, diffiċli u pertinenti jsiru mill-Ministeru għall-Finanzi. Ifisser li għalkemm hija fir-responsabbiltà ta’ ħaddieħor x’iressaq, huwa fir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Finanzi li jara u jistaqsi u fejn ikun hemm dubju jittellgħu quddiem il-Kabinett. Kull miżura li tittella’ quddiem il-Kabinett trid tkun għaddiet għall-opinjoni tal-Ministeru għall-Finanzi imma finalment huwa l-Kabinett li japprova jew le.

Dan kollu ikun irid isir qabel jitressaq il-baġit u qabel ikun approvat. La darba jkun approvat xogħol il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministeru tiegħu ikun li jara li l-ħlasijiet li jsiru jkunu dawk approvati. Ma jistax jgħid li t-tali miżura ma togħġbux u allura jwarrabha. Huwa fejn se tkun se tinqabeż in-nefqa approvata li l-Ministru għall-Finanzi jista’ juża d-deskrizzjoni tiegħu biex jara jekk dan ikunx ġustifikat li jsir.

Imma ‘l hinn minn dawn il-linji l-Ministru għall-Finanzi, minkejja l-importanza tal-Ministeru, ma jistax imur. Ma jistax jaqbiżhom. Hemm aktar eżempji li wieħed jista’ jikkwota dwar dan. Nieħu bħala eżempju kwistjoni ta’ frodi, jew xiħadd qed jisraq jew xiħadd li jitlob li ssir investigazzjoni. Dan ma jsirx mill-Ministeru tal-Finanzi imma hemm l-Awditur Ġenerali li mill-awditjar tiegħu jara jekk il-Ministeru għall-Finanzi jew Ministeri oħrajn imxewx fuq il-linji gwidi jew qabżuhomx. Il-Gvern għandu wkoll l-awditur intern li jiċċekkja dwar ir-riskji li jkun hemm u jekk hux kollox ikun miexi sew fejn ikun hemm suspetti ta’ ħela.

Spjegajt dan kollu biex nuri li għalkemm il-Ministru għall-Finanzi u l-Ministeru tiegħu għandhom poteri kbar, daqstant ieħor għandhom responsabbiltajiet u li finalment iridu joqogħdu għal dak li tgħid il-liġi, għal dak li jgħidu r-regolamenti u li hemm linji gwidi li ma jistgħux jinqabżu.

Hemm proċess ta’ kważi sena li finalment jwassal għat-tfassil ta’ baġit…

proċess dominat minn laqgħat twal li matulhom ikun studjat l-impatt tal-miżuri proposti mid-diversi Ministeri.

 

 

 

Il-Ġimgħa, 16 ta’ Frar 2018

 

 

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *