Il-politika ta’ wara l-kwinti għall-baġit Ewropew


F’dawn l-aħħar ġimgħat, l-attenzjoni prinċipali fl-Unjoni Ewro­pea kienet iffukata fuq in-ne­gozjati għall-baġit tal-Unjoni Ewropea 2014-2020. Il-gvern Ingliż qed isostni li l-Unjoni Ewropea trid mhux biss tiffriża imma saħansitra għandha taqta’ l-baġit tagħha għas-seba’ snin li ġejjin. Kien hemm min qal li jekk dan ma jseħħx, ir-Renju Unit se jeval­wa il-pożizzjoni tiegħu bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea.

 

Din l-istorja ta’ dan il-baġit għall-inqas min-naħa tal-gvern Ingliż ilha ġejja mill-2009. Dak iż-żmien kien hemm ħafna deċiżjonijiet kbar li dwarhom kienu jiftehmu bejniethom il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel u l-eks-President Franċiż Nicolas Sarkozy, bħal per eżempju l-Patt ta’ Stabilità. Kien hemm deċiżjo­nijiet fejn riedu l-koperazz­joni tal-pajjiżi kollha għax kien hemm il-‘veto’ fuqhom.

 

L-Ingilterra, li għandha l-‘veto’ u li kemm-il darba heddet li tużah, kienet talbet li ssir ittra ffirmata minn Sarkozy u Merkel u membri oħrajn fil-Kunsill inkluż Malta li meta jasal dan il-baġit għandu jintalab li jkun hemm tnaqqis sostanzjali. Qed nitkellmu fuq baġit ta’ triljun euro jiġifieri elf biljun euro.

Politikament il-Prim Ministru Ingliż David Cameron dak iż-żmien kien diġà beda’ għaddej minn per­jodu fejn beda jitlob prog­ramm ta’ awsterità għal pajjiżu u jwaqqa’ n-nefqa għax din hija l-politika tal-Konservattivi. Irid li jkollhom gvern iżgħar minn qabel.

Allura Cameron biex ikollu s-saħħa politika f’pajjiżu talab li l-baġit tal-Unjoni Ewropea jsir bħalma qed jiġri fl-Ingilterra u jkun hemm it-tnaqqis ukoll. Min-naħa l-oħra wieħed ma jistax jik­kom­para baġit ma’ ieħor. Il-parti kbira tal-flus tal-baġit Ingliż jintefqu fil-parti l-kbira fuq salarji ta’ uffiċjali pubbliċi filwaqt lil-parti l-kbira tan-nefqa tal-baġit Ewropew tinfirex mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fuq proġetti ta’ investiment.

Dan isir l-iktar f’pajjiżi li huma l-inqas b’saħħithom ekonomika­ment bħalma hi Malta. Din l-istampa li qed jagħtu l-Ingliżi u pajjiżi oħrajn li dan huwa baġit minfuq fuq ewrokratiċi fi Brussels u li ma nifilħux għalih, hija esaġe­rata. Qed nitkellmu dwar perċentwal, jiġifieri wieħed fil-mija tad-dħul kollu ta’ kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Bejn il-gvern Konservattiv ta’ Cameron u l-Unjoni Ewropea hemm numru ta’ kwistjonijiet li ilhom ikarkru. Fosthom hemm il-kwistjoni tat-taxxa fuq is-servizzi finanzjarji (FTT) u li anke aħna il-Maltin ma naqblux magħha.

Hemm il-kwistjoni tar-regoli u s-superviżjoni tal-banek. Issa fil-Parlament Ewropew, nistgħu ngħidu li l-pajjiżi membri ma jaqblux fuq ħafna ‘issues’ però fuq dan huma jinnegozjaw u fl-aħħar jaslu għal ftehim. Id-differenza tal-Ingilterra hija li tħobb toqgħod fuq il-periferija, fuq il-ħajt biex ngħidu hekk, u tikkritika mingħajr ma tidħol f’negoz­jati.

Mill-ewwel ittella’ l-ban­diera tal-‘veto’ biex tieħu li trid imma l-pajjiżi l-oħrajn ma jieħdux gost biha. Jgħidu­lek li l-Ingilterra taġixxi bħal meta wieħed jkun iħobb inaqqar iċ-ċirasa minn fuq il-kejk, tieħu l-aħjar biċċiet u tħalli l-kumplament għall-ħaddieħor.

Ħafna jistaqsu jekk event­wal­ment ir-Renju Unit għadx joħroġ mill-Unjoni Ewropea.  Kieku kellu jsir referendum kulħadd jaf li l-maġġoranza tal-Ingliżi huma ewro xettiċi u għalhekk ir-riżultat hu prevedibbli.

Iżda dan bħaż-żwieġ, hu­ma x’inhuma r-raġunijiet biex tissepera, il-konsegwenzi dejjem huma kbar. Min jid­ħol fil-fond jara li l-Ingilterra hija magħġuna mal-Unjoni Ewropea fis-servizzi finan­zjarji, fil-kummerċ, fl-ope­razz­jonijiet tal-kumpaniji u fir-riċerka.

Il-ħruġ mill-UE taf tfisser ħsara kbira sew fuq l-Unjoni Ewropea u sew fuq l-Ingil­terra. Allura din il-famuża separazzjoni ma nistgħux narawha għalkemm  l-Ingil­terra thedded biha u l-Ġermanja tikkunsidraha. F’dan il-każ anke l-Franċiżi jaqblu. Dan ġara f’Diċembru li għadda fejn kien hemm bżonn tal-‘veto’ u l-Ingilterra ma tatx l-approvazzjoni tagħ­ha fuq il-kwistjoni tat-taxxi finanzjarji.

Din id-darba il-probabilità hi li minflok tittieħed deċiż­joni tal-baġit għal seba’ snin nibdew naraw tkarkir li kull sena jrid jiġi approvat baġit ġdid. Din hi xi ħaġa li toħloq il-problemi. Wieħed irid jistenna u jara x’se jiġri.

Nota: Dan l-artiklu nkiteb qabel ma beda s-Summit. Bħalma kien mistenni ma ntlaħaqx il-ftehim għal­kemm Van Rompuy irnex­xielu jwassal lill-pajjiżi qrib kemm jista’ jkun.

Però spiċċa biex baqagħlu differenza ta’ €90 biljun li twassal għal kważi wieħed fil-mija tal-bagit. Somma li hi sinifikanti biżżejjed u li turi li ma kienx hemm qbil.

Dan hu bagit li japplika għas-sena 2014 u għalhekk baqa’ żmien biżżejjed biex tintlagħab il-logħba tal-‘brinkmanship’, li jħobbu jilagħbu l-politiċi kbar fuq skala internazzjonali. Jimbut­taw lil xulxin sax-xifer  biex in-naħa l-oħra ċċedi mit-talbiet tagħha.

Wieħed għalhekk ma jridx jemmen dak kollu li jintqal quddiem il-midja. Naraw biss meta jkun hemm ftehim bl-iswed fuq l-abjad.

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 26 ta’ Novembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *