Inħallu l-istituzzjonijiet ta’pajjiżna jaħdmu


Fil-kitbiet tiegħi, mhux l-ewwel darba li tkellimt fuq l-importanza li nitkellmu b’mod meqjus fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Meta qed nitkellem fuq l-istituzzjonijiet, qiegħed nirreferi għal-Parlament, il-Ġudikatura u l-Qrati, l-istutizzjonijiet regolatoriji bħal Bank Ċentrali, l-FIAU, l-MFSA u l-Korp tal-Puluzija fejn tidħol iż-żamma tal-ordni, u istituzzjonijiet governattivi.

Wieħed isaqsi għal x’hiex hemm aċċenn daqshekk qawwi fuq li nsaħħu u mhux indajfu dawn l-istituzzjonijiet? Irrid niċċara li jien mhux qed ngħid li m’għandux ikun hemm kritika kostruttiva sabiex dawn l-istituzzjonijiet  jitjiebu. Dal li qed ngħid hu li wieħed għandu jara li dawn l-istituzzjonijiet jingħataw kemm ir-riżors uman u l-finanzjament neċessarju biex jiġu mħarrġa l-impjegati ta’ dawn l-istituzzjonijiet kif ukoll isir l-investment neċessarju biex dawn ikollhom it-teknoloġija u l-meżżi neċessarji biex ikunu jistgħu jaqdu dmirhom bl-aktar mod professjonali u effiċċjenti.

Għandu jkun hemm mhux biss rispett lejn dawn l-istituzzjonijiet, iżda fiduċja fihom li ma tinbidilx skont jekk id-deċiżżjonijiet li jieħdu dawn l-istituzzjonijiet tkunx favurik jew kontrik. Ma nistgħux infaħħru dawn l-istituzzjonijiet u l-individwi li jaħdmu fihom, jekk deċiżżjoni li jkunu ħadu tkun favurik, imbagħad jekk xi deċiżżjoni tkun kontrik, nibdew nesprimu ruħna kontra u nitkellmu b’mod fejn inpinġuhom li dawn l-istituzzjonijiet u l-individwi huma korrotti.

Irrid insemmi wkoll li kull istituzzjoni hija komposta mill-impjegati kollha li jaħdmu magħha u mhux biss mill-kap tagħha.

Bħal kull entita’ u persuna, ħadd m’hu perfett u dejjem hemm x’wieħed x’jirranġa. Pero’ biex tikkoreġi persuna u s-saħħaħ organiżżazzjoni, ma tagħmilx dan billi tmaqdar, tkażbar bil-għan li tkisser l-individwu jew l-organiżżazzjoni, iżda billi tgħaddi suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet biex issahhaħ u tgħin lil individwu u l-organiżżazzjoni.

B’hekk biss inkunu qed niżguraw li pajjiżna jkollu istituzzjonijiet b’saħħithom u effiċjenti li jkunu ppreparati biex jagħtu r-riżultat mixtieq u meħtieġ li jwassal biex iserraħ moħħ iċ-ċittadin li hemm dawn l-istituzzjonijiet li jassiguraw li fil-pajjiż ikun hawn ġustizzja u fejn ikun hemm abbuż, min jabbuża jieħu l-kastig mistħoqq.

Meta nitkellem fuq dan il-qasam, inħobb nagħmel paragun ma’ partita futbol. Biex terbaħ logħba, irrid ikollok plejers ta’ kalibru – u f’dan il-każ, il-plejers huma l-istituzzjonijiet u l-leġislazzjoni. Iżda l-iktar ħaġa mportanti hu li l-plejers jiskurjaw gowl waqt il-logħba. Jekk tim ma jiskurjax, ma jerbaħx.

Il-kritika li ta’ spiss tingħad fuq Malta hu li għadna l-liġijiet u l-istituzzjonijiet iżda dawn mhux qed iwasslu biex jipproduċu r-riżultati mistennija. U Malta trid turi li qed jinkisbu r-riżultati bil-fatti.

Jekk l-istituzzjonijiet ma jarrestawx u ma ressqux persuni li jkunu kissru xi liġi fil-Qrati tagħna ħalli jieħdu  dak li ħaqqhom skont il-liġi, allura Malta ma tkunx qed tiskorja gowls u l-kritika li l-istituzzjonijiet tagħna mhux qed ikunu effettivi, tkun kritika ġustifikata.

Filwaqt li mhux se nsemmi każijiet partikulari għax kullħadd jaf għal liema każijiet qed nirreferi, aħna dejjem ingergru li f’dawn l-aħħar ħamsin sena, kull każ ta’ delitt ta’ ċertu portata u orribbli, qatt ma ġie solvut u l-kriminali għadhom qed jiġru ħielsa ma’ saqajna.

L-ironija hija li bħalissa għandek każ ta’ qtil orribbli li sar u fejn parti mill-popolazzjoni Maltija ma kelliex fiduċja fl-istituzzjonijiet Maltin li xi darba kienu se jsolvu dan il-każ u jressqu persuni b’suspett li kienu nvoluti f’dan il-qtil. Iżda, wara li l-gvern talab l-assistenza ta’ esperti barranin fil-qasam tal-investigazzjoni kriminali, bħal ma’ huma l-FBI u l-EUROPOL l-istituzzjonijiet Maltin irnexxielhom jirreġistraw l-ewwel suċċess billi qabbdu t-tlett allegati qattiela f’dan dan il-każ.

Pero’ r-raguni titlob li, ridna  li nmorru oltre u naraw min kien il-moħħ jew il-mandat wara dan id-delitt. U propju fl-aħħar jiem, il-persuna li allegatament qed tissemma’ li kienet hi l-moħħ wara dan il-qtil, ġie mressaq il-Qorti. Dan is-suċċess ġie wara sentejn biss minn dan il-qtil. Dan ir-riżultat hu frott tal-ħidma tal-forzi Maltin għaż-żamma tal-ordni, bl-għajnuna ta’ esperti tal-Europol u  u esperti barranin oħra li l-forzi tal-ordni Maltin jirrikorru lejhom minn żmien għal-ieħor, skont il-kumplessita’ tal-każ.

Filwaqt li dawn l-iżviluppi huma passi ferm importanti li jidher qed  I jwassal biex dan il-każ jiġi solvut, għad irridu nistennew il-proċess ġudizzjarju kollu jiżvolġi. Wieħed ma jridx jgħaġġel u jasal għal xi konklużżjoni mgħaġġla u nejja. Ejja nistennew u nħallu l-istituzzjonijiet tagħna jkomplu jaħdmu biex jikżbu r-riżultati mixtieqa.

Naħseb li, illum, il-maġġoranza tal-poplu Malti, qed jara l-istituzzjonijiet b’lenti oħra. Il-poplu qed jemmen fil-kapaċita’ ta’ dawn l-istituzzjonijiet u l-fiduċja fihom bdiet tiżdiet u qed jemmnu li l-istituzzjonijiet bdew jiksbu r-riżultati.

Għalhekk personalment jien naħseb li wieħed qed jesaġera li jkompli jisħaq li għandna  kriżi fil-pajjiż u li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiża mhux qed jaħdmu. Għar jekk ngħidu li f’pajjiżna ma tezistix is-saltna ta-dritt.  Dan ma jfissirx li  persuna ma tesprimix l-opinjoni tagħha, iżda wieħed għandu jkun ġust fil-kritika tiegħu.

Il-messaġġ li wieħed għandu jislet minn dan il-każ hu li għandna nkomplu nsaħħu l-forzi tal-ordni tagħna  biex ikomplu jikkumbattu l-kriminalita’ ħalli jibqa jkollna pajjiż paċifiku u bl-inqas kriminalita possibbli.

Spunt ieħor għandu jkun li meta nikkritikaw irridu nkuna ġusti u fejn hemm nuqqasijiet, insemmuhom ħalli nsaħħu l-istituzzjonijiet. Iżda fejn ikun hemm is-suċċess, ejja nfaħħru x-xogħol li dawn l-istess istituzzjonijiet ikunu qed jagħmlu.

Fl-aħħarnett, ejja nħallu l-istituzzjonijiet ikomplu jagħmlu xogħolhom u ma nfixxkluhomx. Jekk veru nemmnu fis-saltna tad-dritt, ejja nħallu l-proċessi ġudizzjarji jieħdu ż-żmien tagħhom biex ikun hemm ġustizzja ġusta mal-individwu mingħajr indħil.

Ejja ma  nagħmlux ħsara lil-pajjiżna, dan il-pajjiż li qed jipprovdi l-impjieġi, qed jipprovdi l-għejxien tal-familji tagħna, qed jipprovdi l-ġid u t-tqassim tal-ġid u tnaqqis tal-faqar.Bħalissa għaddejjin minn ekonomija b’saħħitha; ejja nkomplu fuq dan ir-ritmu. L-elezjonijiet jaslu fi żmien sentejn u l-poplu, b’mod liberu, jerġa’ jagħżel il-gvern tiegħu.

Il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru 2019

,