Inkomplu insaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji


Is-suċċess ta’ pajjiżna jiddependi mis-suċċessi tas-setturi li jiffurmawh. Li huma ħafna, iżda primarjament, u naħseb li dan jaqbel miegħu kulħadd, hemm is-settur tal-igaming u dak finanzjarju. M’hemm ebda dubju minn dan.

F’setturi bħal dawn dejjem għandek riskju jiffaċċjak, dejjem hemm ir-riskju li fiċ-ċestun tat-tuffieħ jista’ jkollok tuffieħa li tibda titnawwar u li jekk ma tindunax biha u twarrabha tista’ twassal biex tirrovinalek kollox. Tuffieħa riflessa f’reati ta’ frodi, korruzzjoni, serq, ħasil ta’ flus maħmuġin. Dan ir-riskju ssibu f’kull ġurisdizzjoni fid-dinja, bħalma huwa r-riskju li jkollok inċidenti tat-traffiku f’pajjiż fejn ikollok ħafna karozzi.

L-importanti huwa li fil-pajjiż ikollok istituzzjonijiet b’saħħithom li jirrispondu mill-ewwel u jimplimentaw kemm jista’ jkun f’qasir żmien. Li mill-ewwel jieħdu azzjoni kontra reati bħal dawn. Huwa għalhekk li l-pajjiż irid ikollu strateġija, li l-pajjiż ikollu pjan.

Huwa minnu li f’pajjiż żgħir bħal tagħna jkun hemm ċerti limitazzjonijiet. Hemm t-tendenza li jsiru affarijiet, fosthom kordinazzjoni ta’ xogħol, b’ċerta informalità. Dan kollu jrid ikompli jsir, iżda b’mod formali.

Ftit tal-ġranet ilu, fil-kapaċità tiegħi ta’ Ministru għall-Finanzi u f’isem il-Gvern, nedejt b’mod pubbliku l-istrateġija tal-Gvern dwar dan, pjan li nemmnu bis-sħiħ li hemm bżonn nimxu fuqu. Għandna l-ingredjenti addattati, għandna istituzzjonijiet b’nies kapaċi ħafna, ta’ integrità, gradwati u kwalifikati.

Fit-tfassil ta’ dan il-pjan ma konniex waħedna. Ikkonsultajna ma’ diversi istituzzjonijiet internazzjonali. Użajna metodi kif suġġeriti mill-Bank Dinji u ħadna pariri uffiċjali ta’ istituzzjonijiet rinomati barranin. Pjan strateġiku li jiffoka fuq seba’ inizjattivi li jkopru madwar 50 inizjattiva li huwa pjanat li jkunu implimentati fuq medda ta’ tliet snin.

Is-seba’ inizjattivi huma:

  • twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ kordinazzjoni nazzjonali
  • it-tisħiħ u l-ikklarifikar ta’ qafas superviżorju
  • tkattir tal-kapaċitajiet interni fi ħdan il-Financial Intelligence Unit
  • tkattir tal-kapaċitajiet investigattivi u ta’ prosekuzzjoni
  • twaqqif ta’ Asset Recovery Unit effettiv
  • tiżdied it-trasparenza tal-entitajiet legali
  • tkompli tiżdied il-koperazzjoni internazzjonali diġà eżistenti

Attwalment diġà bdejna bl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan bit-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Kordinazzjoni Nazzjonali li qed jiffunzjona kompletament b’kordinazzjoni formali bejn l-istituzzjonijiet tiegħu, b’segretarjat permanenti u mhux aktar bil-kap ta’ istituzzjoni jċempel lil kap ta’ istituzzjoni oħra biex jiltaqgħu informalment. Jista’ jkun li għal pajjiżna dan huwa possibbli għax huwa pajjiż żgħir, b’distanzi qosra, imma mhux hekk għal pajjiżi oħrajn.

Minkejja din iċ-ċirkostanza ta’ pajjiżna, iċ-ċokon tagħna, xorta waħda ġie nnutat mill-barranin li hemm bżonn li l-kordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet titmexxa b’mod formalizzat. Meta qed ngħid kapijiet ta’ istituzzjonijiet qed nirreferi għall-Gvernatur tal-Bank Centrali, il-kap tal-MFSA, iċ-Chairman tal-FIAU, il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika. Hemm ukoll l-aġenzija li tagħmel sanzjonijiet jew li tirrispetta li pajjiżna jagħmel sanzjonijiet. Għandna wkoll l-aġenzija għall-iffriżar tal-assi ta’ kriminali li jkunu inqabdu jew li jkunu qegħdin ikunu investigati, jew proċessati.

Hemm bżonn l-ewwelnett li din l-istrateġija titfassal b’mod li warajh ikun hemm l-aħjar imħuħ li għandna fil-pajjiż biex b’hekk inkomplu insaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji ta’ pajjiżna.

It-tieninett tali strateġija trid tkun bażata fuq ir-riskji. X’jiġifieri? Ir-riżorsi li għandna ma jistgħux ilaħħqu ma’ kull possibiltà ta’ reat, imma għandhom ikunu ffukati, per eżempju, fuq postijiet fejn ikun mistenni li r-reat ikun akbar, dik magħrufa bħala risk based. L-istess prinċipju japplika fejn jirrigwarda attività ta’ ħasil ta’ flus u affarijiet simili. L-iffukar tal-ftit riżorsi li għandna għandu jkun fuq postijiet li wieħed jaħseb li fihom isiru r-reati.

Importantissimu li dawn ir-riżorsi jkunu mmexxijin tajjeb f’ħidmiethom. Huwa għalhekk li l-istrateġija tisħaq ħafna fuq dik li hija governanza ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Iridu jissaħħu b’aktar nies, nies kwalifikati, ta’ esperjenza peress li se jkun id-dover tagħhom li jaraw li din l-istrateġija timxi u timxi mal-passi li hemm indikati f’din l-istrateġija.

Inħoss sodisfazzjon kbir nirrimarka dwar ir-reazzjoni pożittiva ħafna li waslitli minn barra għal dan il-pass li ħa pajjiżna. Kellna reazzjoni pożittiva mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), minn universitajiet u minn istituzzjonijiet oħrajn li jieħdu gost jisimgħu li aħna lill-istituzzjonijiet tagħna ma nikkritikawhomx biss jew nippruvaw b’xi mod inżarmawhom, imma naħdmu biex inkomplu nsaħħuhom.

Huwa importanti li bħala Maltin u Għawdxin ikollna l-aħjar istituzzjonijiet meta nafu kemm għandna nies tajbin. Huwa tajjeb li nkunu organizzati bi pjan ħalli Malta jkollha r-reputazzjoni li jixirqilha. Malta dejjem żammet fil-għoli din ir-reputazzjoni u meta nkunu ffaċċjati bi kritika jkun għaqli li naraw kemm dik il-kritika tkun fondata u kemm minnha tkun fabbrikata.

Madankollu l-importanti huwa li l-istituzzjonijiet regolatorji tagħna jkomplu jagħmlu x-xogħol b’reqqa u korrettezza. Inkomplu insaħħu dan is-settur. Dan huwa l-għan aħħari wara l-pjan, l-istrateġija li nedejna ftit tal-jiem ilu. Lejn dan il-għan se nkomplu naħdmu.

Ftit tal-ġranet ilu, fil-kapaċità tiegħi ta’ Ministru għall-Finanzi u f’isem il-Gvern, nedejt b’mod pubbliku l-istrateġija tal-Gvern dwar dan, pjan li nemmnu bis-sħiħ li hemm bżonn nimxu fuqu.

Il-Ġimgħa, 20 ta’ April 2018

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *