Inkomplu nwettqu l-viżjoni tagħna


Bħal-lum ġimgħa mill-Ministeru tiegħi ħareġ id-dokument annwali, magħruf l-aktar bħala l-Pre-Budget Document, li jrid iservi ta’ bażi għal-diskussjoni pubblika dwar il-Baġit li ġej.

L-ewwel ma jiġi ppreżentat dan id-dokument huwa lis-sħab soċjali, waqt laqgħa mal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD). Waqt din il-laqgħa nagħmel preżentazzjoni ddettaljata li fiha nagħtu ħarsa lejn ir-riżultati miksuba matul is-sena ta’ qabel u fl-ewwel sitt xhur tas-sena kurrenti, u nispjega l-viżjoni u l-miri ġenerali tal-Gvern għall-Baġit li jkun imiss. Imbagħad issir ukoll konferenza għall-Istampa biex nagħtu lill-ġurnalisti – u, permezz tagħhom, lill-pubbliku –  dettalji dwar il-linja ġenerali li l-Gvern ikollu l-ħsieb li jiġbed fil-Baġit.

 

Aħna għandna viżjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, irriduha tissarraf f’ħajja aħjar għan-nies

 

Dan id-dokument la hu l-Baġit u lanqas abbozz tiegħu. Il-Baġit li se nippreżenta f’nofs Ottubru għadu qed jinħadem. Biex jissawwar il-Baġit proprju, għaddejjin il-konsultazzjonijiet ma’  kulħadd, mhux l-inqas mal-pubbliku. Wieħed jista’ jagħti l-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu kemm permezz ta’ paġna apposta li nħolqot fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Finanzi, kif ukoll billi jattendi għal waħda minn żewġ laqgħat ta’ konsultazzjoni li se jsiru dalwaqt: fl-14 ta’ Settembru f’Malta u fit-18 ta’ Settembru f’Għawdex.

Li nagħmlu b’dan id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit hu li nagħtu ħarsa lejn is-sitwazzjoni bħalissa u lejn kif żvolġiet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Naraw it-tkabbir ekonomiku, iż-żieda fil-postijiet tax-xogħol, ir-rata tal-qgħad, ir-rata tal-inflazzjoni, iċ-ċifri tal-esportazzjoni, kif ukoll l-indikaturi makroekonomici. Minn dawn kollha, wieħed ikun jista’ jiżvolġi wkoll il-qagħda tal-finanzi, jiġifieri jara dawn l-indikaturi ekonomiċi x’qegħdin jipproduċu bħala dħul għall-Gvern, l-ispiża tal-Gvern hix qed iżżomm mal-miri ffissati, jekk il-mira tad-defiċit għal din is-sena aħniex se nilħquha. Dawn huma fost l-aktar mistoqsijiet li n-nies tistaqsi.

 

pr151866b

 

Mexjin fit-triq it-tajba

It-tweġibiet jagħtuhomlna l-indikaturi nfushom. Jekk wieħed iħares lejn l-andament tal-ekonomija u lejn l-indikaturi finanzjarji, jasal għall-konklużjoni li, bħalma ngħidu bl-Ingliż, we are on track. Sintendi, ma jfissirx li kull indikatur qed jintlaħaq bl-eżatt. Hemm fejn tkun mort xi ftit aħjar milli tkun ippjanajt u wkoll fejn tkun ilqatt ftit iktar fil-baxx. Ħadd ma jista’ jipprofetizza jew jipproġetta bl-eżatt minn sena qabel x’se jsir is-sena ta’ wara, però wieħed irid jippjana bil-għaqal u mbagħad jimxi mal-pjan biex jilħaq dawk l-indikaturi.

Dan iwassalna, imbagħad, biex niddiskutu dwar il-kompettività tal-ekonomija tagħna. Jekk pajjiżna ma jkunx kompettitiv, kemm fil-qasam tas-servizzi kif ukoll f’dak tal-manifattura, ma jkunx jista’ jilħaq l-għanijiet finanzjarji tiegħu. Pajjiż li mhux kompetittiv jitlef imma pajjiż li huwa kompetitiv jikber u jkattar ix-xogħol.

Fit-tħejjija għall-Baġit naraw ukoll liema huma dawk il-miżuri – speċjalment dawk li kienu twiegħdu lill-poplu fil-programm elettorali ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali – li wasal iż-żmien biex jitwettqu. Minn dawn hemm lista twila li kull sena nwettqu parti minnha biex sal-elezzjoni li ġejja nkunu wettaqna bil-fatti dak li wegħidna.

Fuq kollox, imbagħad, il-biċċa xogħol il-kbira tiġi fil-Baġit proprju, li fih irridu nipproġettaw għas-sena d-dieħla, l-2016, b’mod partikulari kemm l-ekonomija se tipproduċi dħul għall-Gvern. Dan huwa importanti għax bih, u bih biss, nistgħu nlaħħqu man-nefqa tal-Gvern. Fejn ma tlaħħaqx, trid tissellef. Imma anki hemmhekk għamilna l-miri. Konna wegħidna li kull sena dejjem nissellfu inqas, u kelmitna qed inżommuha. Filwaqt li fil-passat kien hemm żmien meta l-Gvern issellef €250 miljun, €300 miljun u somom kbar bħal dawn, qed nistennew li s-sena d-dieħla l-Gvern ma jissellifx iktar minn €90 miljun, jiġifieri 1.1 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.

Sintendi, meta tieħu d-deċiżjoni li tissellef inqas milli kienu jagħmlu ta’ qablek, tkun aktar ristrett meta tiġi biex tuża l-finanzi. Hemmhekk jidħol l-għaqal u l-ippjanar serju. Fil-passat, meta l-flus “qatt ma kienu problema” – għallinqas għall-Gvern – kienu jissellfu u jonfqu. Immaġinak kieku kull sena jkollok bżonn tonfoq €300,000 jew €400,000, u allura taqbad u tissellifhom u b’hekk id-dejn jibqa’ dejjem jikbirlek. Aħna, għall-kuntrarju, id-dejn irridu nwaqqfuh u anki nniżżluh ħalli ma jibqax piż fuq it-tfal tagħna u fuq uliedhom.

Aktar ma joqrob il-Baġit, u wara l-konsultazzjonijiet li qed isiru u se jibqgħu jsiru, iktar wieħed ikollu ikollu idea ċara ta’ fejn irid jasal. Għalina l-Baġit ta’ kull sena mhuwiex biss eżerċizzju ta’ bbilanċjar tal-kotba tal-Gvern (accounting exercise) imma skaluna oħra fit-taraġ li telgħin biex inwettqu l-viżjoni li għandna għal pajjiżna. Il-Baġit għalina huwa eżerċizzju ekonomiku u soċjali li bih nippjanaw il-ħidma u l-miri tagħna biex ninċentivaw l-ekonomija sabiex din tkompli tikber.

Fil-fatt, it-titlu tad-Dokument ta’ Qabel il-Baġit huwa ‘Delivering Our Vision’. Aħna għandna viżjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, irriduha tissarraf f’ħajja aħjar għan-nies. Jekk inkunu kuntenti biss bil-viżjoni, tibqa’ ħolma jew ftit karti stampati. Filwaqt li jżomm saqajh mal-art, dan il-Gvern qed jirnexxilu jwettaq dak li jemmen fih, u b’hekk qed joħloq aktar ġid u jara li jitqassam b’mod ġust.

 

Tista’ taqra kopja elettronika tad-dokument ‘Delivering Our Vision’ hawn kif ukoll preżentazzjoni mqassra tiegħu. hawn

 

L-Orizzont tat-28 ta’ Awwissu 2015

logo orizzont

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *