Ippubblikajnihom l-istudji?


Fost il-kritika li qed issir mill-partit tal-gvern lejn il-Proposta serja tal-Partit Laburista dwar il-mod kif bi ħsiebu jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma hemm dik li tgħid li billi l-Partit mhux qed jippubblika l-istudji kollha tiegħu allura il-proposta ma tistax tkun kredibbli.  Ejja nieqfu s’hawn għax naħseb li min mar oltra minn hekk u sejħilha l-gimmick tal-millenium, jew ħrafa bħal ta’ Alice in Wonderland kien qiegħed jissogra jwaqqa’ l-kredibilita’ tiegħu stess. Pero’ xorta waħda l-issue ta’ kredibilita’ trid tiġi indirizzata.

Huwa minnu li l-aktar mod faċli hu li tippubblikahom. Pero min jifhem jaf li hemm ħafna każijiet fejn il-gvern jew partner privat li jkun irid juża xi studji biex jinnegozja deal kummerċjali ma’ kumpanija oħra jkollu jżomm ċertu partijiet tal-istudji kunfidenzjali.  Mill-esperjenza tiegħi jien niftakar sew ħafna drabi fejn sew fis-settur privat kif ukoll pubbliku il-preliminary studies ma jingħatawx kollha lil partners potenzjali li magħhom tkun qed tinnegozja partnership agreement. Ikun fl-aħħar parti tan-negozjati li wieħed jagħmel dan.  U anke hawn dan isir billi l-kumpanija l-oħra tintrabat b’confidentiality agreement.

 

”L-parti tal-istudju li saret mill-kumpanija ta’ reputazzjoni internazzjonali DNV KEMA rrapurtat li Malta  tista’ twaqqa’ t-tariffi tal-elettriku. Dan l-istatement huwa sinifikanti.”
”L-parti tal-istudju li saret mill-kumpanija ta’ reputazzjoni internazzjonali DNV KEMA rrapurtat li Malta tista’ twaqqa’ t-tariffi tal-elettriku. Dan l-istatement huwa sinifikanti.”

 

Għalhekk f’dan il-każ speċifiku ma huwiex fl-interess ta’ partit li għandu l-potenzjal li jkun fil-gvern, u li jrid iwettaq dan il-pjan minnufih li jippubblika il-partijiet kollha, speċjalment dik il-parti dwar x’lest li joffri lill-kumpanijji bħala kumpens u li għad trid tiġi nnegozjata.

Li wieħed irid jara biex jiġbed ġudizzju ġust hu jekk l-informazzjoni parzjali li ingħatat mill-Partit Laburista hijiex biżżejjed biex tindika jekk it-teżi li t-tariffi tad-dawl u l-ilma jistgħux fil-fatt jonqsu hijiex tenibbli jew le.

Min jifhem f’dawn l-istudji u jifli l-preżentazzjoni li ingħatat mill-Partit Laburista jsib li hemm informazzjoni biżżejjed biex tikkonkludi li l-proposta hi fil-fatt kredibbli. Hemm ħafna modi kif tista’ tikkonkludi dan mingħajr ma tara il-workings fid-dettal.

Ħa nispjega kif u għaliex.

Ma ninsewx li l-istudju tal-Partit Laburista fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma hu mibni fuq studju ieħor li sar minn kumpanija internazzjonali rinomata fil-kamp tal-enerġija li anke l-gvern tal-lum qed juża s-servizzi tagħha. Fuq din il-parti ma hemm l-ebda dubju li r-riżultati preliminari ma humiex dawk li huma.

Ejja niġu għat-tieni parti li nħadmet bl-għajnuna ta’ esperti lokali li għal raġunijiet ovvji ma jridux isimhom jiżżeffen fil-politika.  Ejja nħarsu ftit lejn il-matematika li tista’ titfa’ ftit dawl fuq din il-mistoqsija.

Fil-matematika jekk oġġett A huwa ikbar minn oġġett B, u B huwa ikbar minn Ċ , allura tista’ tikkonkludi li  oġġett A huwa ikbar minn Ċ.  Jekk ma temminx inti tista’ toqgħod tkejjel it-tlett oġġetti u tara li dan fil-fatt jirriżulta hekk. Pero ma hemmx għalfejn. L-istess meta tara riżultati ta’ studji li jkunu saru. Wieħed jista jiddeduċi jekk dawn jagħmlux sens jew le mingħajr ma tkun bdejt tiflihom fid-dettal.

Fil-fatt sew fix-xjenza fiżika inkluż il-mediċina, kif ukoll fix-xjenza soċjali għandek tuża metodi a priori, jew metodi preliminari li jgħinuk tiddeċiedi x’tistenna mill-istudji minn qabel ma tagħmilhom. Fil-mediċina wkoll. Il-pajjiż jiffranka miljuni ta’ ewro billi ma joqgħodx jagħmel ħafna studji u testijiet fuq pazjent għalxejn sempliċiment billi t-tabib isaqsi ftit mistoqsijiet bażiċi jew billi jħares biss lejn wiċċ (kultant l-ilsien jew l-għajnejn) tal-pazjent.  Dak kollox. Xejn iżjed u xejn inqas.

 

”L-parti tal-istudju li saret mill-kumpanija ta’ reputazzjoni internazzjonali DNV KEMA rrapurtat li Malta  tista’ twaqqa’ t-tariffi tal-elettriku. Dan l-istatement huwa sinifikanti.”
“Il-konklużjoni ta’ dan l-istudju tal-KEMA hu li kull waħda mid-disa’ options hija ferm irħas mill-ispiża preżenti tal-generazzjoni tal-Enemalta.”

 

 

Kriterji semplici

 

Issa ħa napplikaw dawn il-kriterji sempliċi fuq din il-proposta tal-Partit Laburista inkluża dik l-informazzjoni parzjali li ġiet ippublikata u mgħoddija lill-pubbliku.

Qabel ma tħarsu lejn l-ewwel faċċata tal-preżentazzjoni staqsu lilkom infuskhom. Minn igawdi l-iktar kredibilita’?  L-istudju magħluq li qed jgħid li għandu proposta ta’ rimedju biex Malta tgawdi roħs fit-tariffi u inqas tniġġis tal-arja, jew gvern li għandu rekord ta’ proġetti li fallew fil-wegħdiet tagħhom u li-mexxa kumpanija (l-Enemalta) lejn falliment ċert li kieku ma kienetx għall-oppożizzjoni li kkoperat fil-Parlament biex tiġi approvata t-twaqqif ta’ SPV fl-aħħar tas-sena l-oħra. Li ħalla din il-kumpanija tiġi mikula minn dejn li jlaħħaq għal 835 miljun ewro. Li ħalla din il-kumpanija tibqa’ mwikkija b’impjant tal-Marsa li jniġġeż u jerġa għal darba oħra jwikkiha b’impjant iehor ġdid tal-BWSC li jniġġeż l-arja iktar minn qatt qabel. U l-iktar hu l-fatt li ħalla din il-kumpanija tiċċarġja t-tielet l-għola tariffi tad-dawl fl-Unjoni Ewropea, tariffi li ġabu arkubtejhom ħafna familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll ħafna ditti sew żgħar u sew kbar?

Ejja issa nqallbu l-paġni tal-preżentazzjoni tal-Proposta. L-parti tal-istudju li saret mill-kumpanija ta’ repjutazzjoni internazzjonali DNV KEMA rrapurtat li Malta  tista’ twaqqa’ t-tariffi tal-elettriku. Dan l-istatement huwa sinifikanti.

Il-kumplament hu dwar biss kif.Fuq dan jgħidulna li hemm tlett possibilitajiet jew options. L-ewwel billi tbiddel il-fuel mix u sa fejn tista’ taqleb għall- gass għax dan hu orħos miż-żejt.  It-tieni billi tibni ġeneratur ġdid li jaħdem bil-gass u tista jekk trid tikkonverti sew il-Phase 2 ta’ Delimara u sew l-BWSC mill-Heavy Fuel Oil għall-gass biex tiżdied l-effiċjenza tal-power stations. U t-tielet li tuża l-interconnector li qed jitqiegħed bejn Malta u Sqallija.

Meta niġu għas-sors ta’ kif jinġarr il-gass lejn gżiritna dan jista jsir b’mod ta’ pipeline li jġorr il-gass fi stat naturali. Jista wkoll jinġieb bil-vapuri fi stat likwidu u għalhekk ikun jrid jiġi kkonvertit lura għall-istat naturali.  U fl-aħħar jista’ jinġieb bil-vapuri f’mod kompressat. Din ta’ l-aħħar it-teknoloġija għall-ġarr għada mhux komuni.

Il-konsultenti barranin ikkalkulaw mill-esperjenza internazzjonali tagħhom l-ispiża kapitali għal kull waħda minn disa’ options ta’ ġeneraturi li jistgħu jaħdmu bil-gass, kif ukoll l-ispiża kurrenti li tinkludi kollox inkluż l-ispiża tal-gass u l-qliegħ mistenni mill-investitur. Meta tieħu l-potenzjal tal-ġeneratur tista’ tasal, kif filfatt waslu l-konsulenti barranin għal unit cost jew l-ispiża biex tipproduċi Megawatt ta’ kull option.

Il-konklużjoni ta’ dan l-istudju tal-KEMA hu li kull waħda mid-disa’ options hija ferm u ferm irħas mill-l-ispiża preżenti tal-ġenerazzjoni tal-Enemalta. Dan mhux qed jgħidu l-partit imma l-esperti internazzjonali.

Mela li wieħed baqa’ biex juri hu biss KEMM ser ikunu dawn is-savings u humiex biżżejjed biex jippermettu Partit Laburista fil-gvern jagħti roħs ta’ 25 fil-mija lill-familji u kumpaniji kummerċjali Maltin li ser jiswew lil gvern 77 miljun ewro. F’artiklu ieħor nuri kif mill-figuri li ingħataw fil-preżentazzjoni wieħed jista’ jaħdem b’lura biex jara li l-istima tal-proposta tal-Partit Laburista hija mhux biss tenibbli iżda kredibbli ħafna.

 

orizzont_logo

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 14 ta’ Jannar, 2013.

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *