Żgur li kullħadd jiftakar il-furur li kien hemm meta ftit tas-snin ilu konna nitkellmu fuq dik imsejħa bħala “Ir-Rebbiegħa Għarbija”.
Kullħadd kien qed jitkellem kif dawn il-pajjiżi sa fl-aħħar kienet ser tibda tirrenja id-demokrazija u kif b’riżultat ta’ dan it-tibdil fit-tmexxija politika ta’ dawn il-pajjiżi, kien ser ikun hemm soluzzjoni għal influss ta’ persuni “irregolari” li kienu qed jaqsmu il-Baħar Mediterran sabiex isibu futur isbaħ għal-familji tagħhom ġewwa pajjiżi ewropej.
Donnu lid-dinja issa tefgħat ħarsitha lejn avvenimenti oħra u dawn il-pajjiżi Afrikani tħallew waħedhom. Ir-realta’ hi li dawn il-pajjiżi għadhom mifnija bil-gwerer, liema gwerer qed iwasslu sabiex tinħoloq klima idejali li gruppi terroristiċi u fundamentalisti, bħalma hu l-ISIS, qed ikabbru l-influwenza tagħhom f’dan ir-reġjun u qegħdin joħolqu biża’, terror u jagħmlu atroċitajiet li kompliet iżżid l-istabilita’ politika u soċjali f’dan ir-reġjun.
Ikun żball kbir jekk anki għal ftit taż-żmien ma nibqgħux niffukaw fuq il-problemi li hemm f’dan ir-reġjun. It-theddida tat-terroriżmu minn dawn il-gruppi fundamentalisti għadha hemm. L-attakki li saru fix-xhur riċenti ġewwa Pariġi, Brussel u il-Pakistan, fost l-oħrajn, jikkonferma dan kollu.
Propju fuq din it-tema, ftit tal-jiem ilu, ġewwa il-Marokk, tlaqqgħet konferenza fejn ġie diskuss l-effett ta’ din ir-rivoluzzjoni tar-rebbiegħa, li kienet bdiet f’pajjiż ġirien tagħna, dak tat-Tuneżija.
Il-konferenza ġiet indirizzata minn intellettwali minn kull rokna tad-dinja, mill-Bank Dinji u minn uffiċċjali għolja ta’ Istituzzjonijiet Internazzjonali. Għandi l-unur ngħid li jien kont wieħed mill-kelliema mistiedna biex nindirizza din il-konferenza li kienet organiżżata minn Bruegel, think tank ewlieni li l-uffiċju tiegħu jinsab fi Brussel. Il-preżenza tiegħi f’din il-konferenza, ma kienetx waħda biss sabiex nagħti l-opinjoni tiegħi fuq dak li qed jiġri f’dan ir-reġjun, bħala ministru ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja, iżda kelli l-opportunita’ niltaqgħa ma’ persuni u uffiċċjali importanti u influwenti ta’ dawn il-pajjiżi. Sirt naf mill-viċin fejn sejra l-ekonomija tagħhom u x’opportunitajiet hemm ta’ investiment u negozju għal-pajjiżna.
L-istorja turina li l-antenati tagħna qabel it-tieni gwerra kienu jagħmlu kummerċ regolari ma’ dawn il-pajjiżi ġirien tagħna. Dan il-fatt jiġi ikkorraborat mill-fatt li fi bliet u pajjiżi bħal Tanġier, Lixandra, Tuneż u l-Alġerija wieħed isib li hemm komunitajiet Maltin li rriżultaw minn żmien ta’ muta kien isir il-kummerċ bejna u dawn l-ibliet fl-Afrika ta’ Fuq.
Naħseb li il-kliem “Malta ħanina” li it-Tuneżini jgħidu fuq il-Maltin, jiddeskrivi il-bżulija, is-sens ta’ negozju u l-onesta’ li dejjem urew il-Maltin f’dawn il-pajjiżi barra minn xtutna.
Bl-avvanzi teknoloġiċi li saru matul iż-zmienijiet, id-distanzi ġew minimiżżati u wieħed beda’ jħares ferm iktar il-bogħod biex jagħmel il-kummerċ jew sabiex iżur pajjiżi u kulturi differenti minn tagħna. Minħabba dan kollu li għadni kif semmejt, il-fatt għal Malta, dawn il-pajjiżi ġirien tagħna għandhom post speċjali u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tagħhom, b’xi mod jew ieħor jinteressana u jolqotna.
Is-sistema bankarja u monetarja li jħaddnu dawn il-pajjiżi, wasslet li fl-ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi ma’ għadda minn xi kriżi bankarja u finanzjarja, u għalhekk il-kelma bailout ma’ daħħlietx fil-vokabulajru tagħhom, kuntrarju għal ċerti pajjiżi ewropej.
Pero’, b’riżultat tal-kriżi finanzjarja li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi hekk imsejħa żviluppati u ekonomikament b’saħħithom, wasslet sabiex ikun hemm tnaqqis fil-prezz taż-żejt. Dan il-fatt effettwa il-pajjiżi ġirien tagħna, peress li dawn huma pajjiżi produtturi taż-żejt u allura l-introjtu finanzjarju tagħhom naqas drastikament.
Fl-istess ħin, l-instabbilita’ politika wasslet sabiex pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u il-Vjetnam, fost l-oħrajn, jattiraw xogħol ta’ manifattura li fil-passat kien jiġi produċut fil-pajjiżi Għarab.
Imma ikun żball jekk wieħed jassumi li is-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż hija l-istess. Dan mhux il-każ. Fil-fatt, il-Marokk qed jaħdem bil-għaqal u qed jirnexxielu jirreġistra żvilupp ekonomiku pożittiv.
Il-Marokk irnexxielu jattira investiment f’oqsma bħal dawk li huma l-aronawtika u l-inġinjerija tal-karozzi. Barra minn hekk, qiegħed jinvesti b’mod massiċċ fi Freeport ġewwa Tanġier.
M’hemmx dubbju li, il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq li jmissu mal-Baħar Mediterran, mhux biss huma il-bieb ghal-pajjiżi tal-Kontinent Afrikan, iżda dan ser ikun il-kontinent li ukoll ser ikun il-mutur ekonomiku qawwi għall-futur.
Ir-riżultati ma jinkiżbux fi żmien qasir. Pero’ l-opportunita’ qegħda hemm u dawn il-pajjiżi diġa’ qed juru tkabbir u żvilupp. Fejn hemm tkabbir ekonomiku, hemm l-opportunitajiet għal-investituri. Pero’ wieħed ma jridx ikun passiv. Ħadd mhu ser jiġri warajk għall-investiment. Trid tkun int li tmur tiġri wara l-investiment.
Bħala Malti kburi li diġa’ hemm imprendituri Maltin li diġa’ investew ġewwa it-Tuneżija u oħrajn li qed jiddiskutu investimenti ġewwa is-Sudan, l-Etijopja u Możambik.
Anki awtoritajiet pubbliċi, bħal ma’ hi il-Borża ta’ Malta, qed tħares lejn dawn il-pajjiżi. Fil-fatt irrid inħabbar li il-Borża ta’ Malta ser tkun qed tniedi kampanja ta’ promozzjoni sabiex kumpaniji minn dawn il-pajjiżi, jirreġistraw il-kumpaniji tagħhom fuq il-Borża ta’ Malta.
Hemm ukoll numru ta’ kumpaniji internazzjonali li qed jikkunsidraw serjament li jkollhom l-uffiċini reġjonali tagħhom ġewwa Malta minn fejn imexxu l-operat tagħhom ġewwa dawn il-pajjiżi tal-kontinent Afrikan.
Filwaqt li wieħed għandu jkompli iħares lejn investiment u negozju ma’ pajjiżi tradizzjonali, bħal ma’ huma dawk ewropej jew is-suq Amerikan, u swieq li nfetħu riċentament, bħal dak Ċiniż, hemm opportunita’ unika, minħabba il pużizzjoni ġeokrafika tagħna, minħabba il-fatt li aħna pajjiż tal-Unjoni Ewropeja, minħabba it-tkabbir ekonomiku tagħna, is-suq tal-kontinent Afrikan huwa suq li wieħed għandu jindokkra.
Jien inħeġġeġ lis-settur privat sabiex jipprogramma numru ta’ delegazzjonijiet kummerċjali lejn dawn il-pajjiżi. Fejn ikun hemm bżonn u hu meħtieġ, il-Gvern ser ikun qed jagħmel il-parti tiegħu u jagħti is-sostenn politiku neċessarju ħalli jkomplu jissaħħu ir-relazzjonijiet politiċi ma’ dawn il-pajjiżi.
L-Orizzont 15 t’April 2016