S’issa naħseb li kulħadd sema’ bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u li Malta ser tassumi din il-presidenza għall-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla
Però, xi tfisser il-Presidenza?
Bħal ma nafu, l-Unjoni Ewropea taħdem permezz ta’ tliet istituzzjonijiet. L-ewwel waħda hija l-Kummissjoni, fejn hemm 28 kummissarju taħt it-tmexxija ta’ Jean-Claude Juncker. Imbagħad għandek żewġ istituzzjonijiet oħra li għandhom il-poter li japprovaw il-liġijiet. Dawn huma l-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew.
Il-Kunsill huwa magħmul mill-Ministri tal-istati membri tal-Unjoni Ewopea. Fil-każ tal-Finanzi, l-Ministri tal-Finanzi kollha jiltaqgħu fil-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, magħruf bħala l-ECOFIN. Min-naħa l-oħra għandek il-Parlament Ewropew li huwa magħmul minn ‘il fuq minn 700 Membru Parlamentari Ewropew.
Dawn żewġ istituzzjonijiet wara li jkunu ħadu l-abboz mingħand il-Kummisjoni jibdew jiddiskutuhom sakemm fl-aħħar japprovawhom. Imma meta japrovahom xorta jridu jiltaqgħu flimkien mal-Kummisjoni, f’dak li ngħidulhom trialogues biex jaraw kemm sa jinfilzawhom flimkien.
F’każ nuqqas ta’ qbil, irridu jaraw kif fl-aħħar isibu kompromess biex imbagħad issir liġi, jew kif nirreferu għaliha, Direttiva. Din id-direttiva imbagħad, trid tgħaddi mill-parlamenti kollha ta’ kull stat membru tal-UE biex issir liġi f’kull stat membru.
Fil-każ tal-Kunsill tal-Ministri, issa jmiss lil Malta biex tippresjedi fuq dak il-Kunsill, u allura jekk qegħdin nirreferu għall-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi, bħala l-Ministru Malti jiena sa nkun qiegħed nippresedi f’dak il-Kunsill.
Bħalissa, kulħadd qed iħares lejn Malta biex jaraw liema huma dawk l-abozzi li sa timbotta Malta biex isiru l-liġijiet, u liema huma l-prioritajiet għalina. Għaldaqstant, nibdew nitkelmu dwar dawn il-prijoritajiet ma’ ħafna delegazzjonijiet minn pajjżi differenti, fosthom anke mill-Istati Uniti, fejn kellna laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ Amerikana li ġiet Malta biex tisma’ u tara x’inhuma dawn il-prijoritajiet. Għax il-liġijiet ta l-Unjoni Ewropea jaffetwaw mhux lill-istati membri biss, iżda lid-dinja kollha. Fuq kollox dawn huma liġijiet li meta jiġu approvati u implimentti, ser ikollhom effett fuq l-ambjent, l-ekonomija, il-finanzi, l-immigrazjoni, id-difiża, l-affarijiet barranin u tant oqsma. Jiġifieri, dawn il-liġijiet jaffetwaw kull aspett tal-ħajja.
Dak li ma tkunx temmet il-Presidenza tal-iSlovakkja li għaddejja bħalissa, mistenni li jgħaddi taħt ir-responsabilità ta’ Malta biex tkompli taħdem fuqu u ttemmu.
Jista’ jkun li xi suġġetti minnhom, jew kif insejħulhom files, diġà ġew approvati mil-Kunsill u l-Parlament, però jkunu għadhom qed isiru t-trialogues fuqhom, u allura Malta ħa tidħol fiż-żarbun tal-Presidenza sabiex tiddiskuti bil-għan li tipprova twassal għal qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill. Jista’ jkun li l-file ikun għadu lanqas wasal għall-approvazzjoni tal-kunsill u allura xogħlna jkun li nipprovaw intemmu dan il-proċess ukoll. Sa jkun hemm files li jkunu ġodda u allura jkun hemm il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi diskussa fil-laqgħat tal-ECOFIN li jsiru darba fix-xahar fi Brussell u anke fil-Lussemburgu.
X’hemm bħalissa interessanti? Jista’ jkun hemm files li huma favorevoli għal Malta, u oħrajn li jistgħu joffru sfida. Pereżempju fuq it-taxxi, bħal ma nafu hemm moviment biex kemm jista’ jkun kumpaniji kbar jużaw ir-rati baxxi fuq it-taxxa ta’ pajjiżi differenti biex iħallsu mill-inqas taxxi fuq il-profitti tagħhom. Din hija xi ħaġa li llum il-ġurnata mhux qed tiġi aċettata la min-nies u lanqas mill-gvernijiet.
Pajjiżna jrid jara kif jikkopera u jasal ukoll għall-kompromess mingħajr ma jagħmel ħsara lis-sistema ta’ taxxa f’pajjiżna li biha qegħdin nattiraw ċertu kumpaniji biex jinvestu f’pajjiżna. Tajjeb li nippreċiża li rridu ma rridux naqtgħu l-investiment lejn il-pajjiż, iżda li naqtgħu lill-kumpaniji li jużaw lil pajjiżna biss għall-isem, bl-iskop uniku li jiffrankaw it-taxxa mingħajr ma jkattru l-investiment. Dan huwa l-aspett li mhux se jkun aċċettat fil-futur.
Bħala prijorità, nixtiequ li niżviluppaw dik li ngħidulha l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din tfisser li rridu li kumpaniji, speċjalment dawk żgħar, ikollhom aċċess għall-kreditu. Mhux biss mill-banek, iżda minn mezzi oħra ball-Borża ta’ Malta u dawk internazzjonali. Però din m’hijiex kwistjoni li tgħid kif ser tinċentiva. Irid ikun hemm strument, irid ikun hemm mod aħjar li jneħħi l-ostakli li jeżistu biex nies ipoġġu flushom fuq il-Borża biex jixtru l-ishma ta’ dawk il-kumpaniji żgħar, u inċentivi għal dawn il-kumpaniji biex jitħajjru jikkwotaw irwieħhom fil-Borża.
Hemm suġġetti oħra bħall-insolvenza, jiġifieri x’jiġri meta kumpaniji jkunu fl-inkwiet. Is-suġġetti huma varji, kbar u serji. Għax permezz tagħhom, u kif ser inwasslu dawn il-liġijiet, naraw li nippromwovu l-investiment, nikkreaw ix-xogħol jonqos il-qgħad u jikber il-livell tal-għixien tal-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2016