Is-Semestru Ekonomiku


Il-qtugħ fl-infieq ta’ €40 miljun fil-bidu ta’ din is-sena ħasdet lill-poplu Malti mhux biss għall-mod bla ħsieb kif sar dan il-qtugħ imma l-iktar għas-sempliċi raġuni li l-Gvern sa issa qed jaħbi l-proċess sħiħ ta’ kif l-Unjoni Ewropea qed tiskrutinja u tirregola l-Baġit tagħna qabel ma jitħabbar f’għeluq is-sena.

Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar il-Kunsill tal-Ministri se jagħmel sett ta‘ rikmandazzjonijiet li jirregolaw il-mod kif pajjiżna jinnegozja, fost affarijiet oħrajn, il-pagi u l-penzjonijiet. Dawn ir-rikmandazzjonijiet se jsiru wara li l-Gvern, f’April li għadda, issottometta żewġ dokumenti importanti – il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2012, u il-Programm ta’ Stabbiltà 2012/2015 – għall-iskrutinju tal-Kummissjoni.

Dan huwa proċess li l-Gvern, sfortunatament, qed jaħbi l-importanza tiegħu, u agħar minn hekk, mhux qed jaġixxi kif tixtieq l-Unjoni Ewropea u jikseb il-leġittimità tal-proposti li hemm f’dawn id-dokumenti billi jmur il-Parlament u jiddiskutihom hemmhekk.

Dan il-proċess li jissejjah is-Semestru Ekonomiku, huwa importanti għaliex issa sar parti sħiħa miċ-ċiklu tal-proċess tal-Baġit ta’ Malta.

Six pack

Bħalma semmejt fil-passat il-liġijiet il-ġodda tas-‘Six Pack’ li għaddew mill-Parlament Ewropew taw is-setgħa lil Kummissjoni li tiżgura governanza ekonomiku iktar b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea.  Wieħed mill-modi magħzula hu li l-baġits tal-Istati Membri jitpoġġew għal direzzjoni u skrutinju tal-Kummissjoni kull sena fl-ewwel sitt xhur tagħha.

Din is-sena qed naraw it-tieni semestru minn mindu beda s-sena l-oħra. Il-proċess jibda billi l-Unjoni Ewropea toħroġ rapport dwar it-tkabbir ekonomiku, l-‘Annual Growth Survey’ li minnu tagħti direzzjoni lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, speċjalment dawk taż-Żona Ewro. Minn hemmhekk imbagħad issir il-proġettazzjoni tat-tkabbir fir-Rebbiegħa. Fix-xahar t’April il-gvern jissottometti programm dettaljat ta’ kif se jilħaq it-‘targets’ tiegħu ekonomiċi, tat-tkabbir, tad-defiċit u tad-djun. F’kelma waħda kif biħsiebu juża l-baġit biex jilħaq il-miri tiegħu.

Il-Gvern irid minn kmieni juri wkoll kif ser jintlaħqu dawn il-miri. Huwa għalhekk li l-Baġit f’pajjiżna ma jsirx meta l-Ministru tal-Finanzi jiġi quddiem il-poplu biex jaqra d-diskors tiegħu. L-anqas meta jippubblika il-Pre-Budget Document. Isir ferm qabel. Issa jekk, kif suppost jiġri, irridu nieħdu sehem fil-proċess demokratiku ta’ konsultazzjoni u diskussjoni fil-Parlament mas-sħab soċjali u mal-poplu kollu, rridu nibdew niddiskutu l-baġit ferm aktar kmieni. Il-Gvern dan il-proċess għandu jurih u mhux jaħbih.

 

Ir-Rikmandazzjonijiet

Kien importanti li nkunu nafu x’kienu r-rikmandazzjonijiet li l-Kunsill ta lil Gvern is-sena l-oħra. Dawn, kif wieħed jistenna, kienu iktar jirrigwardjaw il-miri dwar defiċits u dejn u l-mod ta’ kif beħsiebna nilħquhom, kif se nkabbru r-rata tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, speċjalment in-nisa, fil-kamp tax-xogħol, kif se nnaqsu wkoll r-rata ta’ ħruġ kmieni mill-iskola taż-żgħażagħ tagħna. Dawn huma affarijiet li qegħdin jagħmlu ħsara jew jgħinu, skont il-mod kif tħares lejhom, lill-ekonomija, speċjalment biex tkabbar il-potenzjal tagħha.

Nistgħu ngħidu li fl-opinjoni uffiċjali u pubblika tagħha, l-Kummissjoni ma tantx rat progress sodisfaċenti tul din is-sena. Dan għaliex l-indikaturi ta’ studenti fl-università jew studenti li ħarġu minn dawn l-istituzzjonijiet edukattivi baqgħu bl-istess persentaġġi tas-sena ta’ qabel. Esprimiet sodisfazzjon, iżda, dwar iż-żieda modesta fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kamp tax-xogħol speċjalment ukoll x’kienu l-fatturi għalihom. Semmiet ukoll il-fatt li l-gvern żied il-perjodu tal-maternità.

F’din l-opinjoni, l-Unjoni Ewropea semmiet ukoll l-inċentiva fiskali għan-nisa biex jidħlu fil-kamp tax-xoghol.  Jiġifieri fejn kienet sodisfatta qalet li kienet sodisfatta u fejn ma kienitx, u kien hemm ħafna punti fejn ma kienitx, ovvjament qalet ukoll.

Dwar r-rikomandazzjonijiet għas-sena d-dieħla, aktar tard dan ix-xahar l-Kunsill għandu japprova, sitta. Issemmew il-penzjonijiet fejn hemm x-xewqa li jkun hemm riforma oħra, anke jekk fil-fatt saret riforma xi snin ilu.

Ma ssemmitx eżatt li tiżdied l-età tal-irtirar pero qiegħda tgħid b’mod vag li għandu jkun hemm ċertu riformi. Issemmi wkoll l-istess fattur taż-żgħażagħ jiġifieri li hemm bżonn jonqsu l-istudenti li ma joħorġux mill-iskola qabel ma jieħdu ċertifikat tal-aħħar klassi. Fuq it-taxxi tgħid li d-defiċit u d-dejn għadhom jiddependu wisq fuq dak li ngħidulhom ‘one offs’ jiġifieri skemi ta’ darba li jgħinu biex iżidu d-dħul tal-gvern pero billi ma jirrepetux ruħhom ma’ jaffetwax id-defiċit u d-dejn strutturali tal-pajjiż.

Semmiet iż-żejt u qalet li għandna nnaqsu d-dipendenza fuqu. Fl-aħħar l-Unjoni Ewropea qalet li wieħed irid iżomm għajnejh fuq is-suq tal-propjetà speċjalment il-banek li għandhom  loans (self) li ma jirrendux  għax mhux jagħtu l-imgħax u għandhom il-problemi, magħrufa bħala non-performing loans. Wieħed irid iżomm għajnejh fuqhom filwaqt li l-banek iridu jaħsbu għal kapital adekwat biex jagħmlu tajjeb għal dawn ir-riskji u jipproteġu ruħhom minnhom.

Il-Penzjonijiet u l-COLA

Personalment hemm żewġ rikomandazzjonijiet li jiena ma naqbilx magħhom, għalkemm wieħed jifimhom fil-kuntest li qegħdin jitpoġġew mill-Unjoni Ewropea. Wieħed jirrigwardja l-fatt li l-popolazzjoni ta’ Malta kull ma tmur qiegħda dejjem tixjieħ u allura wieħed irid jagħti attenzjoni mill-ġdid lis-sostenibilità tal-penzjonijiet. L-oħra tirrigwardja l-mod kif l-unjins u l-ħaddiema jinnegozjaw mal-‘employers’ tagħhom is-salarji u speċjalment l-użu tal-‘cost of living index’, il COLA, li tistabbilixxi ż-żieda li tingħata mill-gvern kull sena meta jiġi ikkalkulat fuq ir-rata tal-inflazzjoni. Issa  jiena nħoss li l-gvern għandu raġunijiet sodi fuq x’hiex għandu jinnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea dwar dawn iż-żewġ punti u ma jaċċetahomx kif proposti. Dan għar-raġuni li mhumiex korretti.

Nibdew bil pensjonijiet. Filwaqt li huwa minnu li ċertu pajjiżi jistgħu jżidu l-età tal-irtirar, fil-każ ta’ Malta din għadha mhijiex meħtieġa f’dan il-mument. Dan għar-raġuni li l-objettiv tagħha li jżid in-nies li waslu għal-irtirar u iħallihom fil-kamp tax-xogħol ma jagħmilx sens  meta inti għandek persentaġġ kbir ta’ irġiel taħt is-sittin li mhumiex qiegħdin jaħdmu jew li ġew imħeġġa jew inċentivati biex jirtiraw kmieni. Fl-istess ħin għandhekk persentaġġ kbir ta’ nisa li jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Allura meta toħodhom flimkien, u tara li għad baqalna fejn nilħqu l-istess oġġettiv ir-raġunijiet li togħla l-età tal-irtirar illum jisfumaw fix-xejn.

L-istess ghall-użu tal-cost of living index, il-COLA. L-Kummisjoni qed issejjħilha wage indexation, proċess li magħruf li joħloq inflazzjoni għolja fl-ekonomiji fejn kien jiġi pprattikat bl-addoċċ. Dan mhux il-każ ta’ Malta. Il-COLA tagħna ma tagħtix u ma tpattix għal inflazzjoni kollha tal-pajjiż.  Il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema jieħdu parti zgħira biss tal-inflazzjoni bħala żieda. Din hi s-sistema li kienu ftehmu l-Unjins mal-Gvern u s-sħab soċjali l-oħra. Dan sar biex iż-żieda bażika ma jkollhix l-effett negattiv li wieħed jaħseb. Veru li biex  s-sistema tipproteġiha, speċjalment meta l-ekonomija tidħol f’xi saram, inti għandek terġa ddaħħal dik il-klawsola li kienet miftehma fl-ewwel ftehim magħruf bħala l-Incomes Policy u li ma kienitx reġgħet iddaħlet wara. Fi żmien l-Ministru Dalli jien kont involut f’dawn in-negozjati u kburi ħafna li din is-sistema kellha suċċess għal aktar minn għoxrin sena u li ġabet tant paċi industrijali f’pajjiżna u fl-istess ħin żgurat xibka modesta għal min hu fuq paga baxxa.

Hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq il-mod li jiġu determinati l-pagi fil-pajjiż.  Wieħed għandu wkoll jisma’ kull suġġeriment fuq dan kif ukoll il-COLA nnifisha. Imma wieħed m’għandux jaċċetta li titneħħa l-ebda sistema minn pajjiżna jekk minflokha ma nkunux sibna sistema aħjar minnha. S’issa għadna ma rajna xejn minn dawn il-proposti fuq il-mejda tan-negozjati.

Huwa għalhekk li l-gvern għandu jsib uffiċjali kapaċi u jinnegozja sew mal-Kummissjoni fuq dawn il-punti biex ma naċċettawx sistemi li ma jkunux ta’ ġid għal pajjizna.

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 18 ta’ Gunju, 2012

 


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *