Is-Sostenibilta’ tal-Penzjonijiet


Meta wieħed iqis li terz tal-popolazzjoni hija magħmula minn pensjonanti, jirrejaliżża għaliex tant issir diskussjoni fuq il-pensjonijiet.

Sakemm individwu jkun għadu attiv f-impieg, hu jkollu dħul finanzjarju regolari mill-impieg li jkollu u jkun hemm ukoll possibilita’ li jżid id-dħul tiegħu billi jew jagħmel l-overtime jew xi mpjieg part-time, li jkomplu jżidu id-dħul finanzjarju tiegħu. Għalhekk, l-individwu jkun f’qagħda li mhux biss jgħix ħajja diċenti iżda jkun jista’ jidħol ukoll għal-kapriċċi oħra li jkomplu jagħmlu l-ħajja aktar komda għalih u għal familja tiegħu.

Kif l-individwu jirtira mill-impieg, dak id-dħul mill-impieg, jieqaf u d-dħul finanzjarju tiegħu jonqos b’ammont konsiderevoli. Dan iwassal biex il-persuna jkollha tara kif tnaqqas l-infieq tagħha u taddatta ruħha għal livel ta’ ħajja differenti minn dik li jkun imdorri biha.

Il-persuna, li tul dawn is-snin kollha li hija ħadmet, kienet tħallas it-taxxa u l-kontribuzzjoni tas-Sigurta’ Soċjali – jew kif hi mahrufa, il-bolla – tieħu sorpriża meta tirċievi l-pensjoni li tkun anqas minn dak li taħseb tkun ġemmgħat. Biex tkompli tikkumplika s-sitwazzjoni, il-komputazzjoni tal-pensjoni m’hix daqshekk faċli li tasal għaliha, li twassal biex dak li jkun, ikun inċert jekk il-pensjoni li qed jingħata hiex maħduma korrettament.

Biex nibdew niċċaraw xi ftit l-affarijiet, tajjeb li wieħed jispjega li ġewwa pajjiżna, hemm żewġ tipi ta’ pensjoni: hemm il-pensjoni li jħallas il-gvern, liema pensjoni tkun maħduma fuq kemm tkun ħdimt u ħallas bolol tas-Sigurta’ Soċjali u mbagħad hemm pensjoni addizzjonali li xi individwi ikunu investew għaliha billi, tul is-snin li jkunu ħadmu, ikunu qed ifaddlu u jinvestu parti mis-salarju li jkun qed jaqla’, fi prodotti finanzjarji.

Biex inkun ċar fuq hiex qed nitkellem, qed nirreferi għat-Third Pillar Pension. Ta’ min isemmi li aħna tajna vantaġġi fiskali lil kull min jinvesti f’dawn it-tip ta’ skemi ta’ pensjonijiet, fejn fuq ċertu ammont li individwu jinvesti f’dawn l-iskemi, ma jkunx qed iħallas taxxa fuq dak id-dħul li jiġi investit.

Il-problemi li tfaċċaw fil-passat f’pajjiżi oħra f’dawn l-iskemi ta’ pensjonijiet privati, u peress li l-investiment ikun sar fuq perijodu ta’ snin twal, ikunu ġraw bosta avvenimenti li affetwaw b’mod negattiv dan l-investiment. Wieħed isemmi il-varjazzjoni tar-rata tal-imgħax mħallas fuq l-investiment; frodi mill-individwi li mexxew dawn l-investimenti; il-falliment tal-istituzzjonijiet finanzjarji fejn sar dan l-investment. Dan kollu wassal biex meta l-individwu ġie bżonn li jibda jiġu bżonn jirċievi introjtu minn dan l-investiment, sab li tbaxxa sew jew anki l-investiment ntilef ukoll.

Fil-każ tal-pensjoni li jħallas il-gvern, is-sitwazzjoni hija differenti, għaliex dik il-pensjoni titħallas mill-kontribuzzjoni li l-persuni li qed jaħdmu qed iħallsu fl-istess żmien u ma jeżistu l-ebda fondi. Għaliex, meta individwu jkun qed jaħdem, dan ikun qed iħallas il-pensjoni ta’ ħaddieħor, u meta l-individwu isir pensjonant, il-pensjoni tiegħu tiġi imħallsa minn min ikun qed jaħdem. Din is-sistema ta’ pensjonijiet tissejjaħ ‘pay as you go’.

Fil-każ tal-pensjoni li jħallas il-gvern, għalkemm ma hemmx ir-riskji li semmejt fil-każ tal-pensonijiet privati, hemm riskju li din il-pensjoni tiġi taħt pressjoni ta’ sostenibilita’. Peress li filwaqt li fil-passat kien hemm persentaġġ għoli ta’ persuni jaħdmu fil-konfront tal-persuni li huma pensjonanti, issa qed jiġri li peress li n-nies qed jgħixu ferm aktar, il-persentaġġ ta’ persuni li jaħdmu għal-pensjonanti, qed jonqos. Filfatt, fejn qabel għal kull pensjonant, kien hemm erba’ persuni li qed jaħdmu, illum hemm tliet persuni u fil-futur qarib, ser ikun hemm żewġ persuni jaħdmu għal kull pensjonant.

Dan iwassal biex jitfa’ piż fuq il-ħaddiem u l-gvern ħalli iżid l-introjtu tagħhom sabiex ikunu jista’ jkompli jħallas pensjoni diċenti filwaqt li jara lis-sistema tal-pensjonijiet tkun waħda sostennibbli.

Għalhekk, fl-interess ta’ kulħadd li jkun hemm pensjonijiet sostennibbli għal futur. Għandhom ikunu iż-żgħażagħ tal-lum li jinteressaw ruħhom fuq dan għax huma sejrin jintlaqtu jekk tonqos is-sostennibbilita’ tas-sistema tal-pensjonijiet. L-isfortuna hi li meta tkun żgħażugħ ma tatix każ x’ser jiġri lilek tletin jew erbgħin sena oħra.

Iż-żgħażagħ iħallu f’idejn il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali biex dawn jaraw kif il-pensjonijiet ikunu sostennibbli.  Ħaġa waħda hija ferm importanti li nsemmi. Dik li iktar ma’ pajjiż ikollu dejn u defiċit finanzjarju, iktar huwa r-riskju li l-pensjonijiet ma jkunux sostennibbli. Jekk dan iseħħ ir-riskju li ma jibqgħux jiżdiedu l-pensjonijiet, jikber.

Ma dawn il-problemi, wieħed irid iżid ukoll il-konsegwenzi li jiġu minn policies li jkunu ħadu l-gvernijiet matul iż-żmien. Biex nagħti eżempju, fil-każ ta’ pajjiżna, il-policy li kienet ittieħdet snin ilu, dik li mara li kienet taħdem fis-settur pubbliku, ma kinietx tkun tista tibqa tipparteċipa fid-dinja tax-xogħol kif tiżżewweġ. Dan wassal biex illum għadna numru sostanzjali ta’ nisa li m’għandhomx pensjoni għax ma ħaddmux biżżejjed biex jikkwalifikaw għal pensjoni.

Fl-aħħar snin, dan il-gvern daħħal grants li qed jingħataw lil dawn in-nisa li ħaddmu ftit imma ma jikkwalifikax għal pensjoni minima. Pero’ xorta għad għadna familji fejn galkemm il-mara u r-raġel laħqu l-eta’ tal-pensjoni, huma qed jieħdu pensjoni waħda. Kieku dawn il-familji kellhom żewġ penjonijiet għax it-tnejn li huma kienu ħaddmu meta kienu għadhom f’eta’ li setgħu jaħdmu, kienu jkunu f’sitwazzjoni li jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar komda.

Il-fatt li llum qed ngħixu ferm iktar, ifisser li l-perijodu li individwu jirċievi l-pensjoni huwa ferm itwal minn dari u allura hemm aktar ħtieġa li l-pensjoni tkun adekwata. Fl-istess ħin, qed ikun hemm aktar piż finanzjarju fuq il-gvern biex isostni s-servizz tas-saħħa li f’pajjiżna jingħata b’xejn.

Dan kollu juri kemm hemm bżonn li gvern jaġixxi b’mod għaqli biex mhux biss isostni sistema ta’ saħħa b’xejn għal kullħadd, iżda li jkollu finanzi biżżejjed biex, sena wara l-oħra, jżid il-pensjonijiet. Iżda dan mhux biżżejjed. Il-gvern ħaseb ukoll biex jinċentiva l-individwi biex jinvesti f’pensjonijiet privati billi introduċa miżuri fiskali għal min jinvesti fi skemi privati bħat-Third Pillar Pension u l-Volontary Occupational Pension Schemes. L-inċentivi li daħħalna biex inħajru aktar nisa jidħlu fis-suq tax-cogħol mhux biss għen inżidu in-numru ta’ persuni li jaħdmu f’pajjiżna, iżda dan ser ikun qed ifisser li fil-futur, il-maġġoranza tal-koppji, ser ikunu qed jirċievu żewġ pensjonijiet meta jilħqu l-eta’ tal-irtirar.

Dawn l-inizzjattivi kollha li daħħal dan il-gvern qed iwasslu biex ikollna anqas nies fir-riskju tal-faqar. U biex inkomplu naċċertaw li s-sistema tal-pensjonijiet tkun sostennibbli, impenjajna ruħna li kull ħames snin, nevalwaw is-sistema tal-pensjonijiet ġewwa pajjiżna biex din tibqa sostennibbli.

Il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2020

,