IT-THEDDIDA TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI TA’ DONALD TRUMP


IT-THEDDIDA TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI TA’ DONALD TRUMP

Il-politika tal-President Amerikan Donald Trump issa draha kulħadd: America first, l-Amerika l-ewwel, għajta popolista li mad-daqqa t’għajn jaqbel magħha kulħadd. Kulħadd ikun jixtieq li pajjiżu jkun l-ewwel. M’hemm xejn ħażin f’dan. Imma meta mbagħad din l-għajta ġġebbidha u għal dan il-għan tasal biex tuża metodi ta’ protezzjoni anke kummerċjali allura trid tuża kawtela. Trid taħdem b’moħħok aktar milli taħdem b’qalbek.

Huwa fl-interess ta’ kulħadd li tkun kumbattuta l-isfida perikoluża li qiegħed iqajjem  il-President Amerikan. Huwa ttamat, u hekk mistenni jiġri, li d-dinja kollha titkellem kontra dak propost minn Trump u tikkundannah. Sempliċiment għax dak li jrid il-President Amerikan mhux se jwassal għall-ġid.

L-aħħar eżempju ta’ tiġbid li rreferejt għalih aktar ‘il fuq nistgħu neħduh mid-deċiżjoni tal-President Amerikan li jagħmel tariffa, taxxa, fuq l-importazzjoni tal-azzar. L-Amerika tipproduċi u tesporta l-azzar. L-istess tagħmel l-Ewropa u l-istess tagħmel iċ-Ċina u allura huma kompetituri ta’ xulxin.

Il-politika tal-President Amerikan Donald Trump issa draha kulħadd: America first, l-Amerika l-ewwel.

Huwa ferm faċli li tagħmel bħalma għamel Trump  u tiffirma proposta biex tagħmel tariffi fuq l-importazzjoni ta’ prodott partikolari, f’dan il-każ l-azzar, biex b’hekk il-prodott tiegħek f’pajjiżek ikollu vantaġġ fuq l-azzar importat li ovvjament ikun ogħla fil-prezz b’riżultat tat-tariffa imposta. L-iskop ta’ Trump kien wieħed ovvju, dak li jnaqqas l-importazzjoni tal-azzar miċ-Ċina u mill-Ewropa.

Pajjiżi żgħar u sotto żviluppati kienu, u għadhom, jitħallew jagħmlu dan bl-argument ikun bilgħan li jiżviluppaw l-industriji tagħhom u għal ċertu żmien jagħtu forma ta’ protezzjoni lill-prodott partikolari tagħhom.

Pajjiżna għamilniha bejn is-Snin Sebgħin u s-Snin Disgħin. Kienu ddaħħlu ċerti tariffi (levies) fuq l-importazzjoni bilgħan li dawk li kienu qegħdin jitgħalmu jipproduċu, kien x’kien il-prodott, jingħataw ċertu nifs għax l-importazzjoni tal- prodotti simili għal tagħhom imma bi prezzijiet orħos kienet żgur taqtagħlhom nifishom. Żgur li l-industriji tagħna ma kienux se jkunu kapaċi jikkompetu mal-prezz tal-prodott impurtat. Madankollu l-iskop kien biex fi żmien ngħidu ħamsa, għaxar snin, l-industrija konċernata tkun ingħatat ċans tieqaf fuq saqajha u titwassal f’sitwazzjoni li ma tiddejjaqx tikkompeti. ikun għalhekk li f’dawn il-każi jitħallew jiddaħħlu t-tariffi għal perjodu speċifikat.

Pajjiżna kien beda jneħħi minn dawn it-tariffi ta’ protezzjoni ftit qabel ingħaqadna mal-Unjoni Ewropea u allura ried jikkompeti mingħajr l-ispalla ta’ dawn it-tariffi protettivi.

Niġi lura għad-deċiżjoni ta’ Trump fejn jirrigwarda l-azzar. X’se jiġri b’riżultat ta’ din id-deċiżjoni? Li se jiġri żgur huwa li pajjiżi oħrajn, speċjalment dawk tal-Unjoni Ewropea, se jirrispondu, se jirritaljaw. Se jimponu tariffi fuq prodotti sensittivi Amerikani u li politikament jweġġgħu lilll-Amerika, bħalma huma l-jeans LEVIS, il-muturi Harley Davidson, il-whiskey Bourbon u oħrajn, bir-riżultat ikun li tibda ‘gwerra’, wieħed jgħolli t-tariffi u l-ieħor jagħmel bħalu.

Finalment dan ma jkun ta’ gwadan għal ħadd.

SPEĊJALIZAZZJONI

Prova ta’ dan nagħti eżempju sempliċi. Kull bniedem, kull familja, jista’ jkollha l-ħiliet li kapaċi jagħmlu kollox. Jekk għandhom ġnien jistgħu jkunu kapaċi jkabbru l-ħxejjex. Jekk kapaċi jbajdu u jiżbgħu jkun jistgħu jagħmluha ta’ kaħħala u bajjada. Jekk kapaċi jħejtu allura jixtru d-drapp u jagħmlu l-ilbiesi huma.

X’aktarx li int, li qed taqra, qed tgħid: imma la jkunu kapaċi jagħmlu kollox, x’hemm ħażin li jagħmlu kollox huma? L-ekonomija tgħallimna li anke jekk int kapaċi tagħmel kollox aħjar minn ħaddieħor, huwa importanti u ta’ benefiċċju għalik, li tiffoka fuq tnejn, tliet affarijiet, tagħmel ħafna minnhom, tinnegozjahom u fl-aħħar issib li tkun ġejt aħjar milli kont qabel.

Ikun hemm it-tqassim tax-xogħol. Ikun hemm l-ispeċjalizzazzjoni. Tiffoka fuq dak li tkun tispeċjalizza fih  u l-kumplament tgħaddih lil ħaddieħor, li jkun jispeċjalizza fuq dak l-oġġett partikolari. Din l-ispeċjalizzazzjoni, dan it-tqassim ta’ xogħol, wasslu biex ikun hemm tkabbir fl-ekonomija dinjija. B’riżultat ta’ dan it-tkabbir għola l-livell tal-għixien.

Il-prinċipju tal-ispeċjalizzazzjoni u tat-tqassim tax-xogħol ma japplikax biss fuq bażi ta’ individwu, imma anke fuq bażi ta’ pajjiż. Kien hemm żmien meta ċ-Ċina bdiet tipprova tagħmel kollox hi. Imma ċ-Ċina rrealizzat li ma tistax timxi b’dan il-mod għax ir-riżultat ikun li jirnexxilek tasal biss sa ċertu livell ta’ żvilupp. Iċ-Ċina rrealizzat li jekk riedet tikber, kif filfatt qed tikber, kienet tista’ tasal għal dan billi tiffoka u tispeċjalizza fuq setturi partikolari. Irnexxiet fl-esportazzjoni billi daħlet, iffukat fuq il-ħwejjeġ, u fuq affarijiet elettroniċi. Iċ-Ċina għadha ma daħlitx fis-settur tal-karozzi u fil-marittimu. Għad trid tasal biex tispeċjalizza fihom u tibda tesporta.

Huwa fl-interess dinji li jkun hemm l-esportazzjoni u l-importazzjoni u li ma jkunx hemm attentati biex tkun protetta l-importazzjoni. Bi protezzjoni bħal din tkun qed tistieden reazzjoni, u jkun b’riżultat t’hekk li jibdew il-gwerer fil-kummerċ.

WORLD TRADE ORGANIZATION

Filfatt kien għalhekk li twaqqfet l-organizzazzjoni tal-kummerċ globali, World Trade Organization (WTO), organizzazzjoni li żżomm il-ftehimat li jkunu saru. Ftehimat li sakemm jintlaħqu jkunu saru ħafna u ħafna laqgħat ta’ diskussjonijiet. Idumu s-snin sakemm wieħed iniżżel it-tariffi li jkun għamel fuq ħaddieħor. La darba jkun intlaħaq ftehim ikun irid jiġi rispettat u f’każ li xi pajjiż iħoss li jkun inkiser xi ftehim allura jirrikorri  għand qorti fi ħdan id-WTO.

Jidher li l-President Trump ma jimpurtahx minn dan kollu u se jimponi t-tariffi fuq l-importazzjoni tal-azzar. Għalhekk huwa mistenni li ċ-Ċina u l-Ewropa jirreaġixxu u tinbeda ‘gwerra’ fil-qasam tal-kummerċ.

Min jaqra l-istorja ekonomika dinjija jaf li din hija sitwazzjoni li sfortunatament id-dinja diġà għaddiet minnha fis-Snin Tletin. Dakinhar kien ġara dak li qisu se jiġri llum. Wieħed jittama li Trump ma jkomplix għaddej bil-pjan tiegħu u li meta jirrealizza li verament jista’ jkun hemm l-għawġ allura jirrevedi dak li għandu f’moħħu.

Il-President Amerikan ilu jingħata parir biex ma jkomplix għaddej, imma s’issa jidher li ma jridx jagħti widen, tant li l-akbar konsulent tiegħu fil-qasam tal-kummerċ, Gary Cohn, irriżenja meta ra li Trump qiegħed iwebbes rasu. Kulħadd jaf li politika bħal dak li jrid jimxi biha l-President Amerikan kienet wasslet biex fis-Snin Tletin id-dinja inħakmet minn riċessjoni kbira li fl-istorja baqgħet magħrufa bħala The Great Depression. Dik il-kriżi kienet bdiet b’miżuri ta’ protezzjoni li malli tarahom twasslek biex tgħid li dawn jagħmlu sens.

Huwa minnu li r-raġuni tgħidlek għaliex għandek toqgħod timporta meta l-affarijiet tista’ tagħmilhom int. Imma jekk tagħmel hekk ħaddieħor se jirreaġixxi, se jpatti, billi ma jixtrix mingħandek. Jekk nibdew innaqqsu l-importazzjoni u konsegwenzjalment l-esportazzjoni nispiċċaw immorru lura fl-istadju primittiv fejn kulħadd jipprova jagħmel kollox hu.

Illum is-sitwazzjoni inbidlet u l-livell tal-għixien għola għax il-pajjiżi stagħnew b’riżultat tal-esportazzjoni, għax il-pajjiżi, inkluż Malta, jemmnu fin-negozju estern. Kull pajjiż jikkanalizza r-riżorsi tiegħu lejn settur li jkun kapaċi jispeċjalizza fih. Fil-każ tagħna, li m’għandniex materja prima, nispeċjalizzaw fis-setturi tat-turiżmu, servizzi finanzjarji u igaming.

Huwa fl-interess ta’ kulħadd li tkun kumbattuta l-isfida perikoluża li qiegħed iqajjem  il-President Amerikan. Huwa ttamat, u hekk mistenni jiġri, li d-dinja kollha titkellem kontra dak propost minn Trump u tikkundannah. Sempliċiment għax dak li jrid il-President Amerikan mhux se jwassal għall-ġid.

 

 

Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu 2018

,

2 responses to “IT-THEDDIDA TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI TA’ DONALD TRUMP”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *