Li l-politika hija magħrufa bħala “maħmuġa” minn parti kbira tal-Maltin u l-Għawdxin hija sfortuna kbira għall-politika Maltija. Ir-realtà hi li ħafna nies ta’ ħila, li jistgħu jagħtu kontribut lil pajjiżna, jibqgħu lura minħabba l-biża’ ta’ dan l-aspett negattiv. Jibżgħu, jew għal ġildhom, jew għall-familja tagħhom. Jaraw dan bħala nkwiet bla bżonn u għalhekk jippreferu jieħdu xi xogħol ieħor. Din hija ħasra. Għax ħa ngħiduha kif inhi, għall-kuntrarju wieħed għandu jkun kburi li jidħol għal xogħol, li barra li jirrappreżenta lill-kostitwenti tiegħu fil-Parlament, jaħdem u jistinka biex jara lil pajjiżu jmur ’il quddiem.
X’aħna naraw illum aktar mill-passat? L-użu tat-teknoloġija, speċjalment l-użu tal-kompjuters u ż-żamma ta’ informazzjoni personali matul ħajja sħiħa ta’ bniedem, u l-opinjonijiet tal-massa fuq ċertu kwistjonijiet jew nies, tgħin biex min irid jista’ jarma f’partit magna tal-ħażen b’ċertu effiċjenza. Bl-Ingliż nirreferu għal dan ix-xogħol bħal id-“dirty tricks department”. Xogħlu hu biss li jħammeġ. Kollox negattiv. Xejn pożittiv. L-oġġettivi mhumiex il-‘policies’ tal-Gvern, iżda l-personalitajiet tal-avversarji.
Illum iżjed minn qabel hu magħruf li l-Partit Nazzjonalista jispeċjalizza sew f’dan ir-rigward. Mhux hekk biss imma għandu netwerk jew “xibka ta’ ħażen” fis-sens li dawn id-‘dirty tricks’ huma milgħubin bħal ballun li jitqassam minn persuna għall-oħra, sew mill-Parlamentari u minn esponenti tal-midja, li ħafna minnhom jilgħabuha tal-indipendenti. Dan ġie deskritt fid-dettall min-nies bħall-eks-ministru, illum Kummissarju Ewropew John Dalli u numru ta’ ‘backbenchers’ Nazzjonalisti, fosthom l-Avukat Franco Debono.
Dan kollu reġa’ għadda minn quddiem għajnejja meta ftit tax-xhur ilu lqajt l-istedina tal-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat biex nifforma parti mit-tim tiegħu u nikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li ġejjin. Meta sema’ bl-aħbar eks-Ministru ħabib kbir tiegħi u li nirrispetta ħafna, kitibli “God be with you”. Kien jaf x’qed jgħid.
Lejn l-aħħar ġimgħat tas-sena li għaddiet kont mistieden tas-Sur Norman Hamilton fuq il-programm televiżiv tiegħu “Bla Agenda” u allura deherli li din kellha tkun okkażjoni tajba biex ngħid dan uffiċjalment. Filfatt kont anke informajt lill-midja x’se nagħmel.
Kif tafu, il-programm jittella’ s-Sibt u allura l-aħbar tad-deċiżjoni tiegħi għal skop ta’ midja stampata kellha tidher l-għada, il-Ħadd. U hekk sar…bid-differenza li l-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista Il-Mument ħareġ b’titlu grass jgħajjat li “Edward Scicluna Favur l-Abort”.
Gidba sfaċċata li, għalkemm ma ħarġitx dakinhar b’xi koinċidenza, ixxokkjat lili u l-familja tiegħi kollha. Mossa riċiklata bbażata fuq il-fatt li bħala membru tad-Delegazzjoni Ewroparlamentari Laburista, filwaqt li stqarrejna għal darba darbtnejn li aħna lkoll kontra l-abort u dejjem se nivvotaw kontra kull amenda li direttament jew indirettament tirreferi għal dan, ma naslux biex nivvotaw kontra rapporti li l-għan tagħhom hu li jibgħat fondi biex jitnaqqas il-faqar u l-mard fil-pajjiżi tal-Afrika u oħrajn. Qatt ma konna u qatt mhu se nkunu daqshekk Fariżej.
Kienet bużżieqa li kienu diġà pprovaw jonfħuha qabel, imma li kienet infaqgħet f’wiċċhom. Imma xorta pprovaw jerġgħu jonfħuha sakemm raw li ma setgħux jeħilbuha aktar u finalment telquha.
Malli falla dan l-attentat, ix-xibka dawret ħarsitha fuq suġġett ieħor bil-għan li joskurani. Qegħdin jipprovaw ibeżżgħu bl-istipendji tal-istudenti. Fittxew b’kull lenti f’dak li kont għidt jien dwar dan is-suġġett f’tentattiv li jsibu xi kelma li biha jistgħu joħolqu dubji. Anke jekk joħorġuha barra mill-kuntest li fih tkun intqalet jew inkitbet.
Xogħol l-ekonomista hu li jevalwa kull ‘policy’ tal-Gvern, inkluż kull spiża tiegħu u għalhekk m’hemm xejn barra minn hawn li tgħid li billi kull spiża hi ġejja mill-but tal-ħaddiem, permezz tat-taxxi, m’għandhiex titqies bħala xi baqra sagra li ma tiġix evalwata. Ċertament li naqblu li l-edukazzjoni, inkluż l-istipendji jinkwadraw fl-ispiża tal-Gvern.
Dwar l-istipendji kont għidt li din l-ispiża għandha tiġi evalwata minn żmien għal żmien biex ikun żgurat li tibqa’ sostenibbli. Dan ifisser li ma twiegħedx li tagħti iktar milli l-pajjiż jiflaħ għax jekk jiġri hekk tkun qed titfa’ l-piż tad-dejn fuq uliedek. Dan għidtu u għadni ngħidu fir-rigward ukoll tas-servizz pubbliku u kull funzjoni oħra fin-nefqa tal-Gvern. Kont għidt ukoll li n-nefqa fuq l-edukazzjoni hija baxxa ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn. Ir-riżultati juru dan kollu. Li niġu l-aħħar fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea għall-fatt li t-tfal tagħna joħorġu mill-iskola qabel ma jispiċċaw il-kors (rata ta’ 36.9%) għandha tixxokkjana għax l-effetti fuq it-tkabbir ekonomiku hu devastanti. L-istess għall-edukazzjoni terzjarja, fejn hawn ukoll in-numru li jattenduha bħala perċentwal ta’ 20% huwa biss in-nofs tal-medja Ewropea. Dan ifisser li wliedna qegħdin jiġu żvantaġġjati meta pparagunati ma’ sħabhom fil-bqija tal-Ewropa.
Żgur li qatt ma għidt li l-istipendji għandhom jitwaqqfu jew jitqaċċtu. Li jiġu evalwati iva. Meta ma kinux evalwati u ma sarux programmi serji ta’ investiment, is-sussidji servew ta’ paravendu biex l-azjenda titħalla mitluqa fil-kwiet sakemm tikkollassa b’dannu kbir għall-ħaddiema li suppost ibbenefikaw minnhom. Eżempju klassiku huma l-ħaddiema tat-Tarzna, tal-Air Malta, tas-Sea Malta u oħrajn. Imma agħar minn hekk l-istipendji mhumiex jilħqu lil min veru għandu bżonn. Għiduli per eżempju kemm hemm studenti mill-Kottonera fl-Università ta’ Malta? Jekk hemm l-istipendji, għaliex din il-problema ma ssolvitx? Ta’ min ukoll nirrimarka u nfakkar li kien hemm persuni f’karigi għoljin, kollha appuntati minn dan il-Gvern, fosthom ir-Rettur tal-Università il-Professur Juanito Camilleri, l-eks-Gvernatur tal-Bank Centrali Michael Bonello, iċ-Ċermen tal-Bank of Valletta Roderick Chalmers, in-National Commission for Higher Education innifisha, li kollha ġew ikkwotati jgħidu ferm u ferm iżjed minn dak li għidt jien dwar il-bżonn li ssir evalwazzjoni u x’kienu qegħdin jissuġġerixxu. Saħansitra fis-7 ta’ Frar tas-sena l-oħra kienet il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina f’risposta li tat għall-Interpellanza ta’ Owen Bonnici li stqarret li “għandha tiġi riveduta tul din is-sena. Jista’ jkun li f’din ir-reviżjoni wieħed iħares lejn mudelli differenti”.
U allura jekk iż-żewġ partiti qegħdin jiggarantixxu li dan ma jfissirx li l-istudenti jieħdu inqas minn dak li qegħdin jieħdu llum, għal-liema raġuni il-partit fil-Gvern qed jaqla’ dan l-inkwiet, dan il-gideb u din il-biża’ kollha fost l-istudenti. Kemm se nkomplu nużaw il-votant żagħżugħ minflok nirrispettawlu l-intelliġenza tiegħu jew tagħha.
Ħidmet in-netwerk ma tieqafx hawn. Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Frar, fil-ġurnal Nazzjonalista Il-Mument tkompliet din l-istrateġija biex ibeżżgħu dwar l-istipendji. Kwotaw minn Sottomissjoni tal-Federazzjoni tal-Industriji (FOI) tas-sena 2005 li skont il-ġurnal Nazzjonalista kien inkiteb minni, fis-sens li kont responsabbli minn dak li ngħata fir-rapport. Gidba oħra sfaċċata.
Fis-sena 2005 l-FOI inkarigawni biex inkun ir-‘rapporteur’ tal-opinjonijiet meħudin minn membri tal-FOI, opinjonijiet miġburin waqt laqgħat tagħhom. Għaddewhom lili biex nikkompilahom f’rapport u permezz tagħhom talbu li jsiru emendi għad-dokument preżentat mill-Gvern.
Ma kinux opinjonijiet tiegħi. Kienu opinjonijiet tal-uffiċjali għoljin tal-FOI. Fil-faċċata ta’ dan ir-rapport dan jingħad ċar. Il-kliem “on behalf of the Federation of Industry” ifissru bil-Malti “f’isem il-Federazzjoni tal-Industija”. Mhux f’ismi. L-opinijonijiet kienu tagħhom hekk kif ġew ippreżentati lill-Gvern dakinhar.
Huwa tal-mistħija li l-Prim Ministru jiġi mogħti dan il-gideb u ingann u jgħidu qisu vanġelu. U l-Membri tal-Parlament u l-esponenti tagħhom inklużi sħabi l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti jirrepetu dawn il-ħrejjef.
Taħsbu li se jaqtagħli qalbi? Fil-bidu tal-kampanja kont ħadt parir minn bniedem għaref fil-politika iktar minni dwar dan. Qalli “Tiftakar kemm fil-kampanja għall-Parlament Ewropej kemm għamlulek fuq is-Saħħa, lejl u nhar fuq it-televiżjoni jigdbu gidba wara l-oħra. X’kien ir-riżultat? Kellek suċċess kbir, ġibt eluf ta’ voti u sirt Ewroparlamentari.” Ir-risposta tiġi waħedha. Huwa, l-elettorat Malti u Għawdxi fis-segretezza tal-vot tiegħu li jiddeċiedi jurix fiduċja fik. S’issa din il-fiduċja fija wrejtha bil-kbir u nħossni kburi bis-sehem tiegħi f’isem pajjiżna fil-Parlament Ewropew.
L-Orizzont, it-Tnejn, 13 ta’ Frar, 2012