Iż-żona Ewro taħt attakk


B’dak li seħħ fil-Parlamenti tal-Italja u l-Greċja l-ġimgħa l-oħra, il-Gvernijiet Taljani u Griegi kienu t-tielet u r-raba’ pajjiż li triegħdu mis-sisien b’riżultat tal-kriżi tad-djun tagħhom.
Mhux b’kum­bi­nazzjoni li t-tnejn għażlu li jitmexxew għal ftit żmien minn ekono­misti ta’ fama u rispett bħall-Professuri Mario Monti (ritratt ta’ isfel) u Lucas Papade­mos (ritratt xellug) rispettivament.

Fil-jiem li ġejjin mistennija bidla oħra permezz ta’ elezzjoni ġenerali fi Spanja wara li aktar qabel kellna lill-Irlanda, u l-Portugall jgħaddu mill-istess esperjenza. Kollha tul din is-sena.

Ħames pajjiżi taż-Żona Ewro li bil-kriżi maħluqa għalihom bid-djun tagħ­hom daħħlu liż-Żona Ewro kollha fi kriżi, b’ansjetà kbira u b’futur imċajpar għall-aħħar.
F’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi rajna u għadna naraw protesti kbar. X’aktarx li l-eħrex li kienu huma dawk tal-Greċja. It-Taljani u l-Ispanjoli ma ta­ntx żam­mew lura.
Il-popli ta’ dawn il-pajjizi qegħdin jipprotestaw kont­ra l-programmi ħorox ta’ awsterità jew kontra l-ipp­janar li tali programmi jitħarrxu. Programmi li huma bbażati f’miżuri ta’ tnaqqis fl-ispiża, żidiet fit-taxxi, tnaqqis fil-pagi u qtugħ f’benefiċċji soċjali, bħalma huma l-pensjoni­jiet. Huwa kontra miżuri bħal dawn li l-popli qegħdin jirribellaw.
Veru li protesti bħal dawn ma jgħinux lill-Gvern tal-pajjiż, imma lanqas trid tgħaġġel biex tasal għall-konklużjoni li kienu huma li wasslu għal tibdil fil-Gvernijiet tal-pajjiżi konċernati.

Il-forzi determinanti wa-ra dan it-tibdil u ċaqliq fil-Gvernijiet huma fil-fatt is-swieq finanzjarji. Meta dawn bdew kulma jmur jitolbu imgħaxijiet, dawk li jissejħu ‘yields’, ogħla minn ta’ qabel, huma wasslu biex il-piż tad-djun jitqal bis-sigħat.
Meta jiġri hekk, id-dejn tal-pajjiżi konċernati, fejn qabel kien wieħed sostenibbli, issa ma jibqax u allura l-Gvern tal-pajjiż ikun tilef il-fiduċja u r-rispettabilità f’għajnejn id-dinja, ikun qiegħed iressaq lill-pajjiż lejn falliment, bil-konsegwenza li jkollu jċedi. Hekk ġara lill-Prim Ministri Brian Cowen tal-Irlanda, Jose Socrates tal-Portugall, Gorg Papandreou tal-Greċja u issa Silvio Berlusconi fl-Italja.
L-aktar eżempju riċenti huwa dak ta’ Berlusconi. L-imgħax fuq id-djun Taljani tela’ għal 6.77%. Din hija rata ta’ madwar 5 punti perċentwali aktar (imsejħa “yield spread”) milli tħallas il-Ġermanja fuq il-bonds tagħha.

Meta tqis li l-Italja għandha djun li jammontaw għal €1.9 triljun, meta l-imgħax jasal li jirdoppja, il-mażżra ma’ għonq il-pajjiż tgħerrqu żgur. Kien għalhekk li f’dan il-punt dak li ma għamlitx l-oppożizzjoni u l-allegati skandli personali, għamluh is-swieq finanzjarji.
Sadanittant qed jinħass sew il-mod kif pajjiżi b’saħħithom fiż-Żona Ewro, il-Ġermanja u Franza b’mod partikolari, qegħdin iħarsu lejn il-pajjiżi membri taż-Żona Ewro li jinsabu f’diffikulta.

Ħarsa ta’ superjorità, ħarsa ta’ kmand, u b’miżuri li fil-fond tagħhom jistgħu jkunu interpretati bħala, sa ċertu sens, teħid f’idejhom tat-tmexxija tal-paj­jiż konċernat, il-pajjiż mil­qut. Anke l-Kummissjoni mgħam­m­­ra b’poteri ġodda qiegħda ssir bħal kelb feroċi li ma tiċċajtax malajr magħha.

Dan huwa rifless f’de­ċiż­jonijiet, bħalma għadu kif ġie deċiż fil-każ tal-Italja, u aktar qabel fil-każ tal-Greċja, li jintbagħtu delegazzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex ikun sorveljat u segwit, pass pass, jekk il-prog­rammi mfasslin ta’ miżuri ta’ awsterità, biex setgħu jsellfu flus lill-pajjiżi konċernati, humiex ikunu implimentati kif miftiehem.

Tant qegħdin jesiġu li tali moniteraġġ isir, li l-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Oli Rehn, qed jitlob konferma bil-miktub dwar dan. Xi ħaġa li qiegħda titqies bħala li tbaxxi d-dinjità tal-Gvern tal-pajjiż konċernat, f’dan il-każ il-Greċja. Imma bħal pazjent magħdur imdawwar kollu pajpijiet fil-ward tal-ITU, ftit għandu saħħa biex jitlob dak li jaħseb għandux ikun dinjituż.

Hu ovvju li min jislef ikollu s-saħħa. Billi ma jridx jitlef flusu huwa għalhekk jitlob u jesiġi li jkun hemm ċerti miżuri li jiggarantulu l-ħlas lura tal-imgħax. Fl-istess ħin, l-ebda pajjiż li jkun qed jislef ma jkun irid li l-pajjiż li qed jissellef, ifalli.

Falliment jiġbed liż-żewġ pajjiżi fis-saram, għax jiġbed miegħu lil min ikun sellfu. Għalhekk jaslu biss sal-punt li jitolbu sagrifiċċji, bil-għan li lill-pajjiż midjun iwass­luh jattwa l-programm imfassal u b’hekk min silef ikun garantit li flusu se jeħodhom lura.

Imma dak li donnu qiegħed jintnesa huwa l-fatt li ż-Żona Ewro mhix ifformata biss mill-ħames pajjiżi li għaddejjin minn kriżi ta’ djun kbar li għandhom. Veru li wieħed jistenna li dawn jimxu fuq programmi ta’ awsterità biex inaqqsu d-djun, iżda l-pajji- żi l-oħrajn taż-Żona Ewro m’għand­homx l-istess problema.
F’laqgħa ristretta għall-kordinaturi u l-presidenza tal-Kumitat tagħna mal-Ministri tal-Finanzi tal-Ġermanja u Franza, Wolfgang Schauble u Francois Baroin rispettivament, ma stajtx ma nistaqsix mistoq­sija fuq dan.

Ridt inkun naf kif, bħalma rrimarkaw fil-laqgħa tal-G20, iż-Żona Ewro bħala blokk sħiħ hija b’saħħitha ħafna meta mqabbla mal-kumplament tad-dinja.
Hija għandha bilanċ ta’ pagamenti b’‘surplus’ u aqwa minn tal-Amerika u tal-Ġappun, filwaqt li d-dejn globali tagħha huwa ferm inqas. Allura ladarba qegħdin f’tarf ta’ riċessjoni oħra, għaliex m’għan­dux ikun hemm il-pajjiżi b’saħħithom fil-bqija tal-Unjoni Ewropea li jgħinu permezz ta’ infiq, mhux b’mod qawwi imma b’mod moderat, biex almenu jkun hemm speranza ta’ tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ xogħol?

Ir-risposta ta’ Schauble ħadtha mill-ħarsa ta’ għajnejh. Irrimarka li għalih ż-Żona Ewro qiegħda taħt l-attakk tas-swieq finanzjarji u f’dan il-mument ma jissugrax lanqas jaħsibha u inqas ilissinha l-kelma “infieq”. Meta jispera li l-attakk jgħaddi u jdur fuq ħaddieħor, pereżempju l-Ingilterra jew l-Istati Uniti, imbagħad inkunu nistgħu nagħ­mlu pjani oħrajn. Li jimpurtah hu li l-attakk ma jibqax fuq iż-Żona Ewro.

Imma sakemm is-sitwazzjoni hi dik li hi, fil-vokabolarju ta’ Schauble m’hemmx lok għal kliem bħal “tkabbir”, jew “programmi ta’ stimulu”, jew xi ħaġa simili li finalment tfisser infiq.

Li jrid Schauble bħalissa hu li juri lid-dinja li ż-Żona Ewro hija magħquda fid-deċiżjonijiet tagħha li jinq­agħtu d-djun.
Sfortunatament din id-determinazzjoni tal-Minist­ru Ġermaniż ma tawgurax affarijiet sbieħ għal tkabbir ekonomiku u ħolqien tax-xogħol fiż-Żona Ewro. Il-biża’ tiegħi hu li r-riċessjoni għalhekk tista’ tmur għall-agħar.
Iż-żmien jagħtina parir.

l-orizzont, It-Tnejn, 14 ta’ Novembru, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *