Minn żmien għal żmien id-diversi aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, Moody’s, Standard & Poor’s, Fitch, DBRS, joħorġu rapporti dwar pajjiżna. B’mod konsistenti tista’ tgħid li s-sekwenza li ssegwi wara l-ħruġ ta’ dawn ir-rapporti issa drajniha: il-Gvern juri s-sodisfazzjon tiegħu u għandu biex verament ikun kuntent; l-Oppożizzjoni taqa’ f’silenzju ta’ qabar u tipprova tagħti l-impressjoni li qisu ma ġara xejn għax ovvjament dak li joħroġ mir-rapporti ma jkunx idoqq għal widnejhom; u l-pubbliku għalih saret xi ħaġa normali u allura jnaqqas l-interess fihom. L-aħħar tliet rapporti kienu dawk li ħarġu mill-aġenziji Fitch, Moody’s u DBRS.
Madankollu naħseb li jkun interessanti li wieħed jidħol f’dawn ir-rapporti u jispjega b’mod sempliċi x’joħroġ minnhom, x’messaġġi jkunu qegħdin jibagħtu. Ir-rapporti, kollha kemm huma, ikunu bażati fuq ir-riskji li jkun qiegħed jiffaċċja l-pajjiż partikolari.
Faċli tispjega din is-sitwazzjoni. Aktar ma jikbru r-riskji aktar jitbaxxa l-grad li l-pajjiż jingħata minn dawn l-aġenziji. Sitwazzjoni li teknikament tissejjaħ downgrade, sitwazzjoni li kienet in-norma taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Meta r-riskji jonqsu allura jogħla l-grad li tingħata, upgrade, kif issa drajna ningħataw mis-sena 2013 ‘il hawn.
Il-mistoqsija naturali wara din l-ispjega b’mod sempliċi tkun: fuq xhiex ikunu bażati r-riskji li jikkunsidraw l-aġenzija ta’ kreditu? Ir-riskji jkunu bażati fuq id-dejn li jkollu l-pajjiż. Aktar ma jikber id-dejn aktar jogħlew ir-riskji, aktar ma jitbaxxa d-dejn inqas ikunu r-riskji.
Dan ifisser illi kieku ma kienx għall-mażżra ta’ dejn li ddendlet m’għonq il-pajjiż minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kieku l-gradi li ngħatajna kienu jkunu ogħla. Kieku konna ningħataw gradi li jingħataw lil pajjiżi avvanzati, lill-pajjiżi sinjuri tad-dinja. F’dik il-kategorija kien ikun pajjiżna. Dan hu l-messaġġ li joħroġ mill-aħħar tliet rapporti dwar pajjiżna pubblikati mill-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali.
L-istess jista’ jingħad għal dak li jirrigwarda garanziji min-naħa tal-Gvern. Amministrazzjoni Nazzjonalista għamlet garanziji għal ftit inqas minn biljun u nofs ewro fosthom għall-Korporazzjoni EneMalta. Garanziji li issa naqsu imma xorta għadhom għoljin u xorta jittieħdu inkonsiderazzjoni mill-aġenziji ta’ kreditu meta jkunu qegħdin jikkompilaw ir-rapporti tagħhom.
F’sitwazzjoni bħal din, ta’ djun u garanziji kbar, li jista’ jagħmel il-Gvern huwa li mhux talli ma jżidhomx talli jnaqqashom, kif filfatt qiegħed jirnexxielna nagħmlu. Meta l-poplu fdana bit-tmexxija tal-pajjiż f’Marzu tas-sena 2013 id-dejn tal-pajjiż kien ‘il fuq minn 70% tal-Prodott Domestiku Gross. Illum qiegħed ftit iżjed minn 50%. Li tnaqqas id-dejn b’20 punt perċentwali mhix ċajta. Huwa tnaqqis sinifikanti ħafna, li jagħti sodisfazzjon u li ċaqlaq lill-aġenziji ta’ kreditu biex jgħollu l-grad li taw lil pajjiżna.
Imma mhux biss. Aktar minn hekk l-aġenzija Moody’s tat sinjal ċar li fir-rapport li jmiss se tkun qed tgħolli l-grad, se jkun hemm upgrade. Dan wieħed jista’ faċilment jinnotah. Tinnotah mit-tbassir li jagħtu, minn dak li teknikament jissejjaġ outlook. It-tbassir tagħhom diġà kien tajjeb, kien stabbli, u issa għollewh għal pożittiv, positive.
Jekk l-aġenzija konċernata tieħu l-indikazzjoni li l-pajjiż se jkompli miexi fit-triq ta’ tkabbir ekonomiku, ta’ surplus u ta’ għaqal fejn jidħlu finanzi tal-pajjiż flimkien ma’ stabilità fil-banek tal-pajjiż allura jkun mistenni li jitgħolla l-grad li tkun ingħatajt. Il-grad jogħla minn A3 għal A2. L-ogħla grad huwa A1, imma aħna nistennew li Moody’s jgħollulna l-grad għal A2.
Xiħaġa li ftit li xejn ġiet innotata mill-midja lokali hija li t-tkabbir ekonomiku reġistrat minn pajjiżna skont dawn l-aġenziji mhux boom, mhux bużżieqa li faċilment tista’ tinfaqa’ u kollox isir duħħan. Il-fatt li l-inflazzjoni hija taħt kontroll, inqas minn wieħed fil-mija, allura jirrifletti li m’hemm ebda indikazzjoni li hija sitwazzjoni ta’ boom.
It-tbakkir ekonomiku li qiegħed jesperjenza pajjiżna mhux fula f’qargħa. Huwa tkabbir qawwi li qiegħed ikattar il-ġid filwaqt li jnaqqas il-faqar, inaqqas id-dejn pubbliku u qed joħloq ix-xogħol. Xogħol mhux biss għalina u għal uliedna imma wkoll għall-barranin.
Sintendi, f’sitwazzjoni bħal din hemm bżonn li l-pajjiż ikollu infrastruttura li tikkumplimenta, li tixraq, lil dan it-tkabbir ekonomiku. Xiħaġa li l-Gvern huwa kommess li jagħmel. U dak huwa l-ewwel punt.
It-tieni punt huwa li s-surplus li qegħdin nirreġistraw fil-finanzi tal-pajjiż mhux dovut totalment għal dak li qiegħed jirrendi l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. Huwa minnu li dak li qed jirrendi dan il-programm qiegħed jgħin biex inaqqas id-dejn, imma l-aġenziji ta’ kreditu fir-rapporti tagħhom jiddikjaraw li mingħajr dan id-dħul il-Gvern xorta waħda kien kapaċi jibbilanċja l-kotba tiegħu.
Dan huwa messaġġ qawwi ħafna. Fi ftit kliem, meta norbtu flimkien dak li joħroġ mill-aħħar tliet rapporti tal-aġenziji Fitch, Moody’s u DBRS, għandna biex inkunu kunfidenti, għandna għalfejn inserħu moħħna li l-futur għall-poplu Malti u Għawdxi huwa wieħed sabiħ.
Il-Ġimgħa 9 ta’ Marzu 2018