L-anzjanità u dak li ġġib magħha


Wieħed faċilment jinnota li llum l-anzjanità hija suġġett mill-aktar diskuss u dan għal diversi raġunijiet. Fosthom li proporzjonalment, mal-popolazzjoni, l-anzjanità qegħda dejjem tikber, u tikber sew. Dan huwa kawżat minn diversi fatturi.

Hu fattur pożittiv li llum, grazzi għal-livell ta’ għixien flimkien ma’ titjib fis-servizzi ta’ saħħa u għarfien akbar ta’ kura preventiva l-poplu qiegħed jgħix aktar milli kien. Fl-istess waqt id-daqs tal-familji llum huwa ferm u ferm iżgħar minn dak ta’ ħamsin, erbgħin sena ilu u għalhekk għandna inqas tfal.

Bħal f’kull ħaġ’oħra, l-anzjanità iġġorr magħha l-affarijiet sbieħ u l-affarijiet mhux daqstant sbieħ, li mhumiex minimi. Daqqa kbira li tolqot lill-anzjan mal-età tal-irtirar tkun id-dħul finanzjarju, li fil-verità jkun telf sostanzjali u ħesrem mid-dħul li jkollu sal-mument tal-irtirar mix-xogħol. Ikun fl-istess sitwazzjoni ta’ persuna li għal xi raġuni jew oħra tkun twaqqfet mill-impjieg tagħha. Fil-każ ta’ persuna li laħqet l-età tal-irtirar r-raġuni tkun dik stabbilita mil-liġi, imma jibqa’ l-fatt li d-dħul finanzjarju se jonqoslu minkejja li minn issa ‘l quddiem jingħata l-pensjoni.

 

 

Huwa fatt li d-dħul mill-pensjoni, anke jekk għal waħda jkollu tnejn, dan ma jikkumpensax għad-dħul li kien ikollu meta kien qed jaħdem fultajm.

It-tieni problema li ġġib magħha l-anzjanità hija pjuttost waħda naturali. L-anzjan, sfortunatament, isir aktar suġġett għal problemi ta’ saħħa, fil-varjetà tagħhom kollha, minn mentali għal fiżiċi. Huwa stat ta’ fatt li l-ġisem ikun aktar vulnerabbli u l-problemi ta’ saħħa jkunu aktar frekwenti.

Dan ikun ifisser il-bżonn ta’ aktar żjarat għand it-tobba, kliniċi, sptarijiet, mediċini. Huwa minnu li l-Istat joffri servizzi ta’ saħħa tajbin, u tajbin ħafna, imma mhux darba jew tnejn ikollok bżonn tirrikorri għand il-privat bi spejjeż għalik. L-istess fejn jirrigwarda mediċini. Il-punt kollu huwa li filwaqt li jonqos id-dħul, tikber il-probabbiltà li jikbru l-ispejjeż.

Sadattant l-ulied ikunu kibru u ħadu l-istat tagħhom, primarjament iżżewġu jew daħlu f’xi forma ta’ relazzjoni. Anke dawn ma jkunux ħielsa minn xi forma ta’ inkwiet, li aktar iva milli le, b’xi mod jispiċċa fuq il-mejda tal-ġenituri anzjani tagħhom. Imbagħad jibdew ġejjin fid-dinja n-neputijiet, b’dak kollu li jġibu magħhom, sabiħ u ikrah. In-neputijiet ma jibdlux biss ir-rutina tal-ħajja tal-ġenituri tagħhom imma anke tan-nanniet. U lkoll nafu li ħajjet in-neputijiet mhux dejjem tkun ward u żahar. Ċirkostanzi maħluqin mill-karrieri u x-xogħol tal-ġenituri tagħhom, bil-konsegwenza li ħafna drabi n-neputijiet jispiċċaw ukoll fuq l-aġenda u r-rutina tan-nanniet b’dak kollu li dan ikun ifisser għall-koppja anzjana.

 

Għandna naħsbu, biex ġenerazzjonijiet futuri ma jsibux ruħhom fl-istess sitwazzjoni tal-anzjani tal-lum.

 

Mhux ta’ b’xejn huma n-nanniet anzjani li l-iktar jinkwetaw.

Hemm imbagħad il-problema tas-solitudni, kawżata primarjament mill-mewt ta’ xiħadd mill-koppja, b’min jifdal ikollu jqatta’ ħafna mill-ħin tal-ġurnata waħdu, bla kumpanija biex miegħu/magħha jaqsam il-ħsibijiet ta’ kuljum. Solitudni li tkun mifruxa wkoll ‘il barra mill-familja mmedjata ta’ dak li jkun, għax ikunu bdew jonqsu wkoll il-ħbieb jew qraba oħrajn tal-età ta’ dak li jkun.

Fl-isfond ta’ dan kollu jkollok tammetti li sfortunatament l-anzjanità ma tkunx tfisser biss ħajja pjuttost twila, imma tkun tfisser ukoll li meta tkun dħalt fiż-żmien li tibda tistrieħ, l-aspirazzjoni għal dan il-perjodu ma tantx iġibu magħhom affarijiet sbieħ!

F’tali realtà l-Istat huwa fid-dmir li bħala soċjetà inklussiva jaħseb ukoll f’din il-proporzjonalità tas-soċjetà – l-anzjani. L-ewwel ħaġa li għandu jara l-Istat hija li jkun hemm pensjoni adekwata. Huwa indiskutibbli li d-dħul tal-anzjan se jkun inqas minn dak li kien ikollu meta kien jaħdem, imma għandu jkun assigurat li d-dħul ikun wieħed dinjituż li jevita lill-anzjan milli jaqa’ fil-faqar. Kien għalhekk li l-Gvern ħaseb u stabbilixxa dħul li l-anzjan ma jistax ikollu inqas minnu, ħalli jkun evitat li jaqa’ fil-faqar.

Kienu x’kienu r-raġunijiet li għalihom l-individwu tul ħajtu fid-dinja tax-xogħol ma akkumulax biżżejjed kontribuzzjonijiet tal-għajnuna soċjali, magħrufa bħala Bolla, dejjem irid ikollok livell li m’għandekx titħalla taqa’ taħtu u tbati l-faqar. Aktar u aktar meta jkollok koppja li wieħed minnha biss ikun ħadem tul ħajtu u allura jkun hu biss intitolat għall-pensjoni, pensjoni li jrid jaqsamha mal-parti l-oħra tal-koppja, bil-konsegwenza li dan ikun ifisser li d-dħul tagħhom ikun naqas aktar.

Dawn huma affarijiet li sfortunatament  writnihom mill-passat. Is-sistema tal-pensjoni ma nħolqitx illum, inħolqot fil-passat u fiċ-ċirkostanzi taż-żminijiet li nħolqot fihom. Illum qegħdin ingawdu l-frott ta’ dak li inżera’ snin twal ilu.

Bil-benefiċċju li nistgħu nħarsu lura u nitgħalmu mill-konsegwenzi tiegħu, illum nistgħu, u għandna naħsbu, biex ġenerazzjonijiet futuri ma jsibux ruħhom fl-istess sitwazzjoni tal-anzjani tal-lum. Għadna kemm spiċċajna naħdmu fuq mudell li jwassal sas-sena 2070 biex naraw li t-tfal tat-tfal tagħna meta jaslu biex jirtiraw mix-xogħol li jkollhom ma jaqgħux fil-faqar.

Illum għandna ċerti limitazzjonijiet ta’ x’nistgħu nagħmlu, għax huma riżultat ta’ qafas li sar snin ilu u allura tkun ristrett ta’ x’tista’ tagħmel. Iżda mad-dħul mill-pensjoni għandek almenu servizz tas-saħħa, servizz kif għidt aktar qabel tajjeb ħafna, li huwa b’xejn.

Meta l-Gvern jgħid li s-servizzi tas-saħħa jrid li jkunu b’xejn, fl-istess ħin irid jara li dan m’għandux ikun ifisser li tagħmel xi erba’ jew ħames snin tistenna biex issirlek operazzjoni. Ikun irid jara li l-mediċini li jkollok bżonn ikunu disponibbli. Li ma jkunux skarsi jew addirittura ma ssibhomx. Il-Gvern ikun irid jara li ma jkollux kjus twal ta’ nies jistennew biex jingħataw xi forma ta’ servizz tas-saħħa. Il-qasam tas-saħħa huwa pilastru importanti għall-pajjiż, partikolarment għall-anzjani.

 

 

Imbagħad hemm il-fattur tal-caring tal-anzjani, min se jieħu ħsiebhom. Il-fatt li llum l-ulied x’aktarx li jkunu jaħdmu t-tnejn jillimita kemm jistgħu jkunu ta’ għajnuna u allura, b’mod naturali, ikun kunsidrat li l-anzjani jirtiraw f’xi dar għall-anzjani. L-irtirar f’dar tal-anzjani tista’ tkun soluzzjoni tajba, imma jibqa’ l-fatt li jingħad x’jingħad u tajbin kemm ikunu tajbin is-servizzi f’dawn id-djar l-anzjan ikun jippreferi li jibqa’ f’daru, li jibqa’ fil-villaġġ fejn ikun qatta’ ħajtu.

Twettiq ta’ ħaġa bħal din hija wkoll fl-interess tal-pajjiż fejn jirrigwarda spejjeż u huwa għalhekk li l-Gvern jinkoraġġixxi li dan isir. Huwa għal dan il-għan li nħolqu skemi biex ikunu assistiti u kumpensati finanzjarjament membri tal-familja tal-anzjani, u anke mhux membri tal-famlja, biex ikunu strumentali biex l-anzjani jibqgħu jgħixu f’darhom.

Hemm imbagħad l-aspett finanzjarju. Il-Gvern jinċentivak u jgħinek biex ikollok id-dar tiegħek. B’riżultat ta’ dan 83 fil-mija tal-Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta’ darhom. Dan tajjeb u tajjeb ħafna, imma mbagħad meta tiġi fl-età ta’ anzjanità dan il-fattur jieħu dimensjoni oħra.

Huwa minnu li l-anzjan ikun qed jgħix f’dar li tkun proprjetà tiegħu, imma din mhix ass likwidu li jkun qed jirrendi flus kontanti li jistgħu jiżdiedu ma’ pensjoni li tista’ ma tkunx adekwata għall-ħtiġijiet tal-individwu. Huma assi rflessi f’ġebel, bl-anzjan, ristrett mill-età li jkollu, mhux daqstant ideali għalih li joqgħod ibiegħ u jixtri u jiċċaqlaq minn post għall-ieħor.

Għalhekk il-Gvern qiegħed jaħdem fuq sistema li tissejjaħ ‘equity release scheme’ li permezz tagħha l-anzjan ikun jista’ jibqa’ jgħix f’dar li hija proprjetà tiegħu u fl-istess ħin tibda tirrendilu flus kontanti li bihom jikkumplimenta d-dħul mill-pensjoni għal livell ta’ għixien sodisfaċenti. Il-kunċett ta’ din is-sistema huwa li tidħol fi ftehim ma’ istituzzjoni finanzjarja li tkun tista’ tisilfek flus b’darek bħala garanzija. Meta l-individwu jiġi nieqes u l-proprjetà inkwistjoni titpoġġa għall-bejgħ mill-familja u finalment tinbiegħ, mal-werrieta jkun hemm l-istituzzjoni finanzjarja li tieħu l-ammont li jkun silfet lill-anzjan tul ħajtu flimkien ma’ imgħax fuq l-istess ammont.

Sadattant il-Gvern jibqa’ kommess li jieħu ħsieb l-anzjani, kif wara kollox wera kull baġit ta’ din l-amministrazzjoni, bl-introduzzjoni ta’ diversi miżuri li jindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom u jgħinu biex l-anzjani jgħixu fid-dinjità li jixirqilhom l-aħħar parti ta’ ħajjithom.

 

Il-Ġimgħa 26 ta’ Jannar 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *