L-aspetti ekonomiċi tal-virus Covid-19


Illum, fuq kull midja, sew televiżiva, soċjali jew gazzetti, jfeġġ mal-ewwel l-aħħar aħbarijiet dwar il-Coronavirus. U bir-raġun li l-popolazzjoni qed tithasseb  u trid tkun taf aktar dwar l-izviluppi  fuq dan il-virus għaliex dan jolqot is-saħħa.

Propju għalhekk li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-ministri tas-saħħa qed jagħmlu minn kollox biex jikkontrollaw it-tixrid ta’ dan il-virus u jdaħħlu miżuri biex jipproteġu l-popolazzjonijiet minnu.

Barra mill-aspett prinċipali tas-saħħa tal-bniedem, hemm ukoll l-effetti ekonomiċi li dan il-virus se jħalli fil-pajjiżi kollha tad-dinja.  Kemm se jkun kbir l-effett negattiv fuq l-ekonomiji madwar id-dinja, għad wieħed irid jara. Pero’ li hu żgur hu li l-effett ser ikun kbir iżjed u iżjed għal min hu llum imdejjen u ma għandu xejn imġemma’ għal xi eventwalita’ bħal din.

Dak li kont ngħid fil-passat fuq dan is-suggett dwar li meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb, il-pajjiż  għandu d-dmir li  jġemma’ għal meta jiġi żmien ikrah. Issa dan qed iseħħ quddiem għajnejna bħalissa. Kemm kien għalhekk għaqli l-gvern li f’dawn l-aħħar snin għaraf jirreġistra surplus, sena wara l-oħra, u jnaqqas id-dejn. Dan wassal biex fiċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom, inkunu nistgħu nieħdu dawk il-miżuri biex intaffu l-impatt ekonomiku negattiv li jirriżulta mit-tixrid ta’ dan il-virus. B’hekk il-pajjiż xorta waħda jibqa’ joħloq ġid li minnu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi, mingħajr ma jirrikorri għand il-poplu u jkun kostrett li jdaħħal xi miżuri ta’ awsterita’. Dan hu l-għaqal ta’ dan il-gvern.

Wieħed irid jgħaddi l-messaġġ fuq l-importanza li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, xorta hemm bżonn li tinżamm il-kalma u ma jkunx hemm paniku żejjed. Importanti li wieħed ma jinfaxxax rasu qabel ma jaqsamha. Hemm bżonn li wieħed jara kif se jiżvolġu l-affarijiet qabel ma jittieħdu miżuri drastiċi. Filwaqt li hemm bżonn ta’ prudenza, hu importanti li kull individwu jieħu dawk il-prekawzjonijiet li minn ħin għal ieħor ikunu qed jgħaddulna l-uffiċċjali tas-saħħa; fosthom fuq l-importanza tal-ħasil tal-idejn u li wieħed ma jmurx f’attivita’ fejn ikun hemm ir-rassa.

Fl-istess ħin, skont iċ-ċirkostanzi, jekk is-sitwazzjoni tkun tesiġi li jkun hemm passi drastiċi li jridu jittieħdu, bħal li wieħed ikollu joqgħod ġewwa daru bħala prekawzjoni biex ma jxerridx il-virus ma persuni oħra.  Hemm bżonn li naċċettaw dawn il-miżuri u nosservawhom u dan għal ġid ta’ kullħadd, fosthom anki għall-familjari tagħna stess.

Meta niġu biex nitkellmu fuq inċentivi li jista’ jieħu l-gvern biex itaffi l-impatt finanzjarju lit-tixrid ta’ dan il-virus sejjer iħalli fuq l-attivita’ ekonomika ta’ pajjiżna, irid ikun kawt u ma jibdiex, b’mod irresponsabbli, jsaħħan sabiex il-gvern jagħti l-impossibbli. Hawn irrid inserraħ moħħ il-poplu, li bħal ma dan il-gvern għamel meta kien hemm f’ċirkostanzi li kienu jirrikjedu għanuna biex jittaffa il-piż finanzjarju fuq in-negozju, se jerġa’ jagħmel hemm din id-darba ukoll.

U dan diġa’ qed nagħmluh. Bħalissa qed nixrtu mediċini biex ikollna stokk adegwat.

Dan ifisser li wieħed irid jinkludi spejjeż addizzjonali bħax-xiri ta’ maskli u lbies apposta li qed jinxtraw minħabba dan il-virus; spiża straordinarja li s-soltu ma jkunx hemm għalfejn jinxtraw.

Jekk induru fuq attivita’ ekonomika oħra, irridu nsemmu li żgur se jintlaqtu setturi bħat-turiżmu, l-avjazzjoni, u industriji li jiddependu minn materja prima li tkun trid tiġi mpurtata minn pajjiżi li ntlaqtu sew u bil-kbir mit-tixrid tal-virus.

Hu ferm importanti u fl-interess ta’ pajjiżna li naraw li setturi  kemm jista’ jkun jibqgħu mexjin bir-ritmu li għaddejjin bħalissa, filwaqt li dawn is-setturi jieħdu dawk il-miżuri ħalli ma jintlaqtux ħażin mit-tixrid tal-virus. U għalhekk li hemm bżonn li nisfruttaw l-użu tat-teleworking fis-setturi tas-servizzi finanzjarji, tal-igaming u setturi tas-setturi simili, nkluż il-gvern.

Hemm bżonn li aħna l-Ministri u l-uffiċċjali li jkollna bżonn nattendu konferenzu u laqgħat Ewropej u internazzjonali naraw li nisfruttaw it-teknoloġija, bħalma hija dik tat-teleconference u video conference, u li għalhekk tippermetti li ma tirrikorrix għal safar. Filfatt, diġa’ ġie kkomonikat li konferenzi li kienu se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin mill-Fond Monetarju Internazzjonali, se tintuża din it-teknoloġija minflok isiru l-konferenzi ġewwa Washington.

Kif jgħid il-qawl Inġliż ‘necessity is the mother of invention’, in-neċessita’ ġġagħlek tivvinta u tiskopri mezzi u modi differenti biex tpatti għall-iżvantaġġi li sitwazzjoni diffiċli bħal din li għaddejjin minnha.  Għalhekk ejja nibqgħu għaddejjin bl-attivita’ ekonomika ħalli l-impatt negattiv ma jkunx kbir.

L-aktar li jista’ jintlaqat , huwa s-settur tal-manifattura fejn hemm il-ħtieġa li l-impjegat imur fuq il-post tax-xogħol u ma jistax jaħdem mid-dar. Il-gvern se josserva mill-qrib u jara kif jista’ jgħin biex l-impatt ma jkunx kbir għalihom.

Kumpaniji bħal dawn, jistennew li l-banek kummerċjali jtuhom ftit tan-nifs u ma jesiġux li jħallsu kemm l-imgħaxijiet u ħlas lura tas-self ta’ kapital, almenu għal perijodu ta’ żmien; dak li huma magħruf bħala moratorju. Anki r-regolaturi jridu jgħejnu f’dan l-aspett biex jippermettu li  dan isir.

F’dan il-mument hekk delikat, il-Prim Ministru, il-Kabinett tal-Ministri u kull min qed imexxi l-azjendi, iridu jżommu l-kalma u jieħdu d-deċiżjonijiet bil-ħsieb u bi pjan. Jekk wieħed jippanikkja, ma jieħux id-deċiżżjonijiet tajbin.

Jiena fiduċjuż, li aħna, bħala Maltin u flimkien mal-gvern, jekk naħdmu bil-għaqal, jirnexxielna ngħelbu din il-burraxka, bl-inqas ħsara għall-pajjiżna u għal-ekonomija tagħna, u għall-ġid tal-poplu kollu.

 Il-Ġimgħa 13ta’ Marzu 2020

,