NIFTAKAR żmien ilu meta xi ħbieb tiegħi l-għada tal-‘meetings’ politiċi waqt kampanja elettorali kienu joqogħdu jxebbħu r-ritratti kbar li jiġu ppubblikata fuq il-ġurnali lokali biex jaraw liema partit kellu l-iżjed nies li attendew.
Dan kienu jagħmluh biex irabbu l-kuraġġ li se jirbħu l-elezzjoni ta’ dak iż-żmien. Illum nafu li dan ma jgħodd xejn għax fil-verità dawk li jiddeċiedu l-elezzjoni huma dawk li joqogħdu d-dar, ma huma marbuta mal-ebda karru politiku u jiddeċiedu fl-aħħar lil min se jagħtu l-vot tagħhom.
L-istess għall-ekonomija. Ħafna jaħsbu li l-andament ekonomiku se tarah preċiż fuq għajnejk. Wieħed minn dawn hu l-Prim Ministru.
Dejjem itambar li l-ekonomija sejra tajba ħafna u li kollox miexi sew. U biex jipprova dan jikkwota ċerti figuri li jidhru rraġunati imma meta teżaminahom issibhom superfiċjali għall-aħħar u qegħdin hemm biex jiżgwidaw.
Jgħidilna biex inħarsu lejn l-Università u nitgħaxxqu bin-numru ta’ studenti deħlin u ħerġin minn din l-istituzzjoni terzjarja.
Araw kemm saru gradwazzjonijiet tul dawn l-aħħar ħames snin. Jgħidilna li saru xi 20,000 grawdazzjoni, jekk mhux qed niżbalja.
Din tal-20,000 mhux fl-impjiegi ġodda biss tidħol. Forsi xi kumbinazzjoni. Dwar l-iskejjel jgħidilna li bena skola kull sena.
L-istess għall-Isptar Mater Dei. Jgħidilna ħarsu kemm operazzjonijiet isiru kull sena. Biss biss din is-sena lħaqna il-figura ta’ 45,000.
Kultant hu jew sħabu jsemmu r-restoranti wkoll. Morru nhar ta’ Ħadd u tarahom imburġati bin-nies jieklu mal-familji tagħhom.
U fl-aħħar nett nisimgħu wkoll li kull darba l-Gvern jiddejjen eluf ta’ Maltin tarahom bi ħġarhom jixtru miljuni ta’ ewro f’bonds tal-gvern.
Dan mhux kollu ġid li ma jista’ jmerih ħadd?
Kellu bżonn l-ekonomija titkejjel b’dan il-mod daqshekk sempliċi.
Għadni niftakar l-ewwel ‘tutor’ tiegħi tal-ekonomija f’Oxford Jack Straw jgħidli, “Edward we measure economic activity by the margin.”
L-andament ekonomiku tkejlu mill-marġini ta’ tibdil żgħir ’il fuq jew ’l isfel. Anke lill-istudenti tagħna ngħallmuhom li l-prezzijiet fis-suq jirriflettu l-marġini tan-nefqa tal-produzzjoni jew tal-utilità li ngawdu minnha.
Daqsxejn teknika, imma din il-verità.
Il-marġini
Mela meta nħarsu lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna li għandha iktar minn 400,000 persuna li jipproduċu ’l fuq minn €6 biljun fi produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi, bilfors ikollha ċertu istituzzjonijiet tas-saħħa jew tal-edukazzjoni b’numru kbir ta’ persuni, żgħażagħ jew pazjenti li jattenduha.
Għadni qatt ma mort inżur qraba jew ħbieb fi sptarijiet barranin fl-Ewropa jew fl-Amerika fejn fihom ma jsirux eluf ta’ operazzjonijiet kuljum.
X’hemm mhux tas-soltu? Mhux xogħol l-isptarijiet li jagħmlu dan?
Dan grazzi għat-tobba, ‘nurses’ u speċjalisti li jiddedikaw ħajjithom, u għall-pazjenti li jħallsu permess ta’ ‘insurance’ privata jew pubblika, jiġifieri mit-taxxi.
L-ebda Prim Ministru barrani qatt ma smajt li jieħu l-kredtu ta’ dan.
Sintendi huma l-problemi moħbija tas-sistema li wieħed irid jeżamina. U hawn il-Prim Ministru jrid jagħti kont tiegħu.
L-istess għall-Università. Tgħallimt u għallimt u żort ħafna universitajiet madwar id-dinja. Kif mistenni dejjem rajt l-eluf ta’ studenti kuljum jimlew is-swali u libreriji ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
Dawn jibqgħu miftuħin anke l-ġurnata kollha s-Sibt u l-Ħadd. Normali għalihom. Xi Ministru barrani jiftaħar b’hekk?
Li gvern ikollu biex jiftaħar jew jinkwieta hu dwar il-marġini. Kemm proporzjonalment iżjed jew inqas qed joħorġu gradwati universitarji fid-dinja tax-xogħol minn pajjiżna meta mqabbel mal-medja ngħidu aħna Ewropea?
U hemm neħlu. Għax inutli tiddandan bil-gradwazzjonijiet. Nistqarr li fil-Fakultà tagħna biss student jiggradwa darbtejn fil-kors tiegħu! Allura ngħodduh tnejn bħal tal-impjiegi?
L-istatistika komparattiva tgħidilna li r-rekord tagħna huwa baxx wisq. Irridu nkabbru in-numru mhux ħażin ta’ żgħażagħ gradwati biex niġu bħal pajjiż żviluppat Ewropew.
Dwar ir-ristoranti l-istess. Żort il-Greċja, Spanja, l-Italja u Ċipru waqt il-kriżi li daħlu fiha. U r-ristoranti mimlijin bin-nies.
Allura dan ifisser li ma għandhomx kriżi? Li trid tkejjel hu kemm waqa’ l-bejgħ u l-profitti tas-sidien u mhux tmur biss tittawwal f’xi restorant tal-‘hamburgers’.
U fl-aħħar dwar ix-xiri tal-‘bonds’.
Pajjiz b’banek li l-assi bankarji tagħhom huma tmien darbiet id-dħul nazzjonali tal-pajjiż magħruf bħala l-Prodott Gross Domestiku b’valur ta’ €50 biljun, u li sew dan is-settur privat u l-gvern huma mdejnin b’rata għolja li wasslet lill-Kummissjoni Ewropea tistudjana mill-qrib skont proċedura ġdida msejħa “Proċedura dwar l-iżbilanċi makro-ekonomiċi”, mhux bilfors hemm flejjes iduru fin-nofs biex jinxtraw dawn il-‘bonds’.
Taħsbu li dawn il-miljuni ta’ ‘bonds’ qegħdin jinxtraw minn dawk li huma fuq il-minimum wage? Huma fil-biċċa l-kbira dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji.
Il-Ministru Tonio Fenech tela’ Brussels nhar it-Tnejn li għadda biex japprova din il-proċedura li Malta ddaħlet fiha. Imma ma qalilniex dwarha meta ġie lura. Għadu ferħan mill-fatt li fit-tmiem tas-sena l-oħra ħarġuna mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv.
Proċedura li daħħalna dan il-Gvern bl-ispiża kbira li għamel fl-2008 bi preparazzjoni għall-elezzjoni ta’ dak in-nhar. Tgħid se jirnexxielu jagħmlilna l-istess din id-darba?
Nisperaw li le.
– l-orizzont : It-Tnejn, 18 ta’ Frar, 2013