L-IMPATT TAL-GIDBA ‘EGRANT’ FUQ IL-PAJJIŻ


L-allegazzjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat u familtu kienet waħda serjissima u li tul dawn l-aħħar ħmistax -ilxahar kellha mpatt mhux biss fuq il-Prim Ministru nnifsu iżda fuq il-kabinett, l-Gvern, kif ukoll il-pajjiż kollhu.

Filfatt din l-allegazzjoni ffabbrikata ħolqot mill-ewwel instabbiltaˋ fuq il-pajjiż. Wieħed jibda jirċievi messaġġi minn kumpaniji barra minn Malta, investituri, istituzzjonijiet kif ukoll il-kummenti fil-ġurnali barranin. Tibda tirrealizza li l-Gvern ma jkollux għażla oħra. Kien hawn li l-Prim Ministru għażel li jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.

F’elezzjoni ġenerali ta’ din ix-xorti wieħed jitlob lill-elettorat biex għall-inqas jagħti l-vot fuq il-fiduċja. Jistqarr f’dak il-mument jemminx l-allegazzjoni jew id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru. Fl-istess waqt il-Prim Ministru talab lill-Maġistrat sabiex jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu. Hekk biss wieħed seta’ jagħmel.

F’ dan id-dawl fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-elettorat ta maġġoranza ikbar minn qatt qabel, dan hekk kif in-nies baqgħu wara dan il-Gvern għax emmnu lill-Prim Ministru.  Iżda d-dubju xorta jibqa’ hemmhekk. Dan anke minn min wera l-fiduċja, dan għaliex l-allegazzjoni kienet għadha ma ġietx investigata mill-proċess ġudizzarju.

Nixtieq li bħala Ministru għall-Finanzi nfisser dawn l-affarijiet kif kienu qed iħallu mpatt fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u fuq il-mod li nirregolaw l-industrija tal-finanzi, l-igaming, is-setturi ekonomiċi u l-mod li l-istituzzjonijiet internazzjonali bdew iħarsu lejna.  Wieħed jista’ jifhem li b’ allegazzjoni bħal din, dawn jistgħu b’xi mod itappnu.  Il-Gvern għamel sew meta mill-ewwel qabad il-barri minn qrunu, u talab lill-maġistrati biex jinvestigaw kull allegazzjoni, b’mod partikolari fuq din il-kwistjoni, għax il-pajjiż ried iserraħ moħħu li dan il-proċess isir b’ mod mill-aktar trasparenti.

Iżda d-dubji jibqgħu jiżdiedu. Meta tibda tisma’ kummenti ’l hawn u ’lhinn fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsilli u fl-Istituzzjonijiet regolatorji bħal ma huma l-Awtoritaˋ Bankarja Ewropea, tibda tirrealizza kemm il-ħsara li kienet qed issir kienet kbira.

Dan mhux biss fl-Ewropa, iżda anke jekk tħares ’ilbogħod sew mill-gżira tagħna fosthom fil-Lvant Nofsani u anke fil-Lvant imbiegħed,tara lil-ħsara waslethemmhekk ukoll. Smajna kummenti li ma stennejnihoms. U allura tirrealizza li r-reputazzjoni ta’ Malta kienet sejra lura, dan anke jekk l-ekonomija kienet mixja b’ ritmu tajjeb.

Għalhekk issa li l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali ħareġ, u li dan juri lil-Maġistrat Aaron Bugeja daħal fid-dettall b’ ċertu reqqa u intelliġenza, u anke saħansitra saru investigazzjonijiet tekniċi u forensiċi minn esperti barranin u tal-aħjar istituzzjonijiet, wieħed jista’ illum jibda jiffoka biex isewwi din il-ħsara.

Min-naħa tiegħi li nista’ ngħid hu li l-budget għal din l-investigazzjoni kien dak ta’ Blank Cheque. Dan sabiex il-Maġistrat juża kemm hemm bżonn riżorsi biex jilħaq l-għan tiegħu. Dan għax kien importanti li pajjiżna jnaddaf ismu minn dawn l-allegazzjonjiiet, mingħajr kantunieri kif filfatt ġara.

Ta’ min isemmi wkoll li minn din l-inkjesta mhux biss irriżulta li ma hemmx biżżejjed provi, imma aktar minn hekk, kien hemm konfoffa jew aħjar ‘frame up’ fil-konfront tal-Prim Ministru u martu, fejn l-aktar ħaġa kriminali li tista’ ssir hi li inti tipprova tikkalunja persuna innoċenti b’att kriminali.

Huwa reat kbir li tagħmel dan b’fabbrikazzjoni ta’ dokumenti, firem foloz u affarijiet oħra sabiex tagħti l-impressjoni li dik il-persuna hija ħatja.Il-poplu jistenna li kull min kien involut f’ dan il-komplot għandu jbati l-konsegwenzi, billi jittieħdu passi legali kontrih.

Iżda l-aktar ħaġa importanti hija li aħna bħala Ministeru għall-Finanzi, meta mmorru barra niltaqgħu mar-Rating Agencies, Istituzzjonijiet Internazzjonali u l-midja, irridu nuru li l-affarijiet f’pajjiżna ma humiex kif kienu qed jiġu mpenġija.

Dak li ġara nhar il-Ħadd huwa ta’ serħan kbir, dan għaliex fl-aħħar il-verita’ telgħet f’ wiċċ l-ilma, u issa nistgħu nikkoreġu u ntaffu ftit mill-ħsara l-kbira li saret lill-pajjiżna. Min-naħa tagħna se naqilbu dan ir-rapport bl-ingliż lil kull aġenzija fosthom tar-‘rating’, l-IMF u lill-istituzzjonijiet kollha, fosthom anke l-gazzetti.

Issa rridu nħarsu ’l quddiem. Għandna Prim Ministru  ħabrieki u sinċier, l-oppost ta’ kif ġie penġut fl-aħħar ħmistax -ilxahar. Dan ir-rapport ser isaħħaħ lill-kabinett biex ikompli jwettaq il-viżjoni tiegħu biex dak li dejjem wegħdna jitkompla b’ mod seren.

Madankollu huwa importanti wkoll li nżommu saqajna mal-art. Huwa minnu li ċertu tħassib dwar il-ħasil tal-flus jibqà hemm bħal f’kull pajjiż ieħor u aħna se nkomplu nsaħħu din il-ġlieda kontra din l-attività.

Se nuru li aħna serji kemm fir-regolamenti u l-liġijiet tagħna u fl-implimentazzjonijiet tagħhom.

Min-naħa tiegħi dejjem qbiżt għall-istituzzjonijiet regolatorji u meta jgħaddi ż-żmien u l-veritaˋ titla’ f’ wiċċ l-ilma, se ngħidu iva li hemm djufijiet li jistgħu jissaħħu, iżda se ngħidu wkoll li dawn l-istituzzjonijiet li qed jiġu mpinġijin bħala agħar minn ta’ xi pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, fil-verita’ ma jkunx minnhu. Tassew għandna biex niftaħru li pajjiżna wasal fejn wasal għaliex għandu istituzzjonijiet serji u li se nkomplu nsaħħu sabiex pajjiżna jkompli jikber u jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ ħafna familji Maltin u Għawdxin.

il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju 2018

,

One response to “L-IMPATT TAL-GIDBA ‘EGRANT’ FUQ IL-PAJJIŻ”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *