Nemmen bis-sħiħ li l-oqsma tal-ekonomija u tal-ambjent għal dik li hija importanza huma fl-istess keffa, anke jekk l-ekonomija tegħleb bi ftit. L-ambjent ta’ madwarna huwa dak li jagħtina s-saħħa u fl-istess ħin huwa dak li joħodilna! Wara li jkun hemm it-tkattir tax-xogħol, it-tkattir tal-ġid, tidħol is-saħħa, għax wara kollox mingħajr is-saħħa m’għandek xejn.
It-tniġġis, fid-diversi forom tiegħu, huwa s-sors ewlenija tal-problema għall-ambjent, għal saħħitna. Tniġġis tal-baħar. Tniġġis tal-arja. Tniġġis tal-art permezz tal-iskart. Anke hawn, skart fid-diversi forom tiegħu. Skart likwidu bħalma huma d-drenaġġ. Skart solidu bħalma huwa l-iskart domestiku u dak industrijali.
Għall-grazzja t’Alla pajjiżna rnexxielna naqilbu l-power station tagħna minn waħda li taħdem b’żejt li jniġġes għal waħda li taħdem bil-gass li jikkawża ferm u ferm inqas tniġġis.
Ironikament dan l-iskart kollu, fid-diversi forom tiegħu, huwa parti mill-attività ekonomika tal-bniedem. Attività li fuqha jiddependi jekk il-livell ta’ għixien tal-bniedem jogħlix jew jonqosx. U allura l-bniedem innifsu jrid jara kif jattakka din il-problema li wara kollox hija ta’ periklu għal saħtu stess. Il-bniedem irid jagħti kas ta’ kif għandu jiddisponi mill-iskart li b’xi mod jew ieħor qiegħed joħloq hu stess b’detriment għalih innifsu.
Ovvjament dan mingħajr ma jwaqqaf, ixekkel, ir-rata tal-progress. Il-bniedem irid jara kif l-iskart flok jiddisponi minnu ikun jista’ jużah. Kif ma jkunx hemm din il-ħala ta’ riżors, għax jekk le jkun ifisser li rridu aktar flus għall-ħarsien ta’ saħħitna fuq sptarijiet, mediċini u dak kollu li tirrekjedi l-kura tas-saħħa.
Hemm ukoll l-ispiża għat-tindif tal-iskart kollu li noħolqu. Nieħdu l-arja bħala eżempju. Huwa fatt magħruf li l-arja fiha nnifisha, l-arja naturali hija nadifa. Huwa l-bniedem li jniġġisha. Iniġġisha permezz tal-karozzi, tal-exhaust li joħroġ minnhom, speċjalment meta jkunu makni li jaħdmu bid-diesel. Hemm l-impjanti tal-elettriku li jitħaddmu b’żejt li jniġġes. Għalihom trid filtri kbar fiċ-ċmieni, jew inkella tuża sors ieħor tal-enerġija. Ma tibqax tuża żejt li jniġġes. Għax dawn huma kawża ta’ dawk li jissejħu particles fl-arja li jidħlu fil-pulmun tal-bniedem u jmarrduh.
Għall-grazzja t’Alla pajjiżna rnexxielna naqilbu l-power station tagħna minn waħda li taħdem b’żejt li jniġġes għal waħda li taħdem bil-gass li jikkawża ferm u ferm inqas tniġġis. Nafu li fil-passat il-ħmieġ li kien joħroġ miċ-ċmieni tal-power station kien jidħol fil-pulmuni tagħna, kien iħamġilna ħwejjiġna u kien problema ta’ saħħa. Dan il-punt japplika għal kollox. Japplika għal x’tipi ta’ karozzi nużaw. Japplika għall-vapuri fejn jirrigwarda xi fuel jużaw. Japplika għall-ajruplani. Il-bniedem irid jara li juża teknoloġija li tgħin biex jonqos it-tniġġis tal-arja u konsegwenzjalment tonqos l-ispiża biex tikkura l-ħsara li jikkawża t-tniġġis tal-arja li rridu ngħixu biha.
L-istess fejn jidħlu l-ibħra. L-ibħra jitniġġsu wkoll. Ilkoll nixtiequ li ma jkollnix tniġġis tal-baħar tagħna. Mhux pjaċevoli li mawra sal-baħar twasslek għal xi infezzjoni minn xiħaġa jew oħra. Apparti l-irwejjaħ li jikkawża baħar imniġġes u l-inkonvenjent li joħloq għal min ikun jgħix f’postijiet fil-qrib. Kont f’postijiet bħal dawn li jkollok tgħaddi minnhom kemm jista’ jkun malajr bil-karozza għax ma tissaportix l-irwejjaħ kawżati primarjament minn tniġġis b’sustanzi kimiċi u żjut.
Malta ma nsofrux minn inkonvenjent bħal dan, iżda tniġġis ta’ bajjiet u blat miż-żjut kellna. Żjut li kienu joħorġu mill-vapuri li jgħaddu minn qribna. Esperjenzajna mhux darba blat kollu qatran li trid spiża biex tnaddfu apparti li mhux biċċa xogħol daqstant faċli. Kulħadd isegwi l-aħbarijiet u kulħadd jaf li meta jkun hemm inċidenti fejn vapuri jispiċċaw mgħerqin iż-żjut li joħorġu minnhom joqtlu mhux biss il-ħut tal-istess ibħra fejn ikunu imma anke l-għasafar u kull kreatura li tkun tgħix fl-inħawi milqutin. Ilkoll nafu li l-ħsara ma ssirx biss fil-post partikolari fejn ikun seħħ il-każ għax l-irwiefen u l-kurrenti jwasslu ż-żejt u kull tniġġis ieħor fuq meded kbar ta’ kosta.
Fir-rigward ta’ pajjiżna nafu li l-eqreb sors ta’ tniġġis tal-baħar huwa d-drenaġġ. Meta d-drenaġġ titfgħu fil-baħar tkun qiegħed tikkawża tniġġis u din apparti li hija sfida kbira hija wkoll problema kbira għas-saħħa. U hija problema ekonomika speċjalment meta jkollok, bħalma għandna aħna, industrija turistika kbira.
Kien għalhekk li sar minn kollox biex bl-għajnuna ta’ programmi mill-Unjoni Ewropea ma bqajniex nitfgħu drenaġġ fil-baħar qabel ikun għadda minn proċess ta’ trattament. Trattament fis-sens li jkun tnaddaf minn mikrobi u minn skart ieħor li jkun ta’ periklu għal saħħet il-bniedem. Sadattant irridu naraw kif dan ir-riżors, għax anke d-drenaġġ huwa riżors, nistgħu nagħmlu użu minnu flok inwaddbuh fil-baħar.
Id-drenaġġ huwa likwidu, ilma, li bit-teknoloġija tal-lum nafu li jista’ jiġi ffiltrat u jkun tajjeb għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’. Ikun tajjeb ukoll għal użu industrijali. U jekk ikompli jiġi trattat aktar ikun jista’ wkoll jinżel fil-water table biex jitħallat mal-ilma tax-xorb.
Huwa fatt indiskutibbli li fejn hemm il-bniedem hemm l-iskart. Kemm jekk huwa fid-djar, kemm jekk f’oqsma industrijali, sptarijiet, skejjel. Kullimkien. Anke dan l-iskart huwa riżors. Nieħdu l-iskart domestiku, li parti sostanzjali minnu jkun fdalijiet tal-ikel jew affarijiet li tneħħew mill-ingredjenti qabel issajru, bħal qxur tal-ħxejjex u tal-frott. Huwa kollu skart organiku li wieħed jista’ jerġa’ jgħaddih lura fil-ħamrija biex iservi ta’ fertilizzant.
Ma nistgħux nevitaw il-fatt li aktar ma nimmodernizzaw, u dan huwa tajjeb, aktar qegħdin naraw jikkumplika ruħu l-mezz ta’ ippakkjar tal-affarijiet li nixtru. Ippakkeġġjar li jinkludi plastik, kartun, ħġieġ, landa u mitt elf ħaġ’oħra. Li kollha rridu niddisponu minnhom. Il-mezzi għal dan qegħdin hemm u jkun jonqos biss il-koperazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnha biex dan it-tip ta’ skart ma jkabbrilniex il-problema tal-iskart.
Tista’ tgħid li llum kollox huwa riċiklabbli. Kollox jista’ jinħadem f’xiħaġa oħra biex jerġa’ jintuża. U meta nikkoperaw f’dan is-sens inkunu qegħdin nevitaw milli noħolqu l-muntanji tal-iskart. Huwa żball, għalkemm għandu jingħad li anke f’dan il-qasam kien hemm progress, li nħalltu l-iskart kollu f’daqqa, la darba huwa skart. Huwa ħażin li inħaltu l-iskart domestiku ma’ dak ngħidu aħna kawżat minn xogħol ta’ rinovazzjoni fid-dar. Huwa ħażin li nħaltu skart tossiku, bħalma huma batteriji li minnhom joħroġ aċidu perikoluż, ma’ skart domestiku. Il-bniedem għandu s-sens tar-raġuni biex iħaddmu.
Hemm imbagħad, fuq kollox, l-ilma li nixorbu. L-ilma huwa xiħaġa naturali. Taħseb għalih in-natura permezz tax-xita. Imma nafu li aħna, bħala gżira, l-ilma naturali li niġbru mix-xita jaqdi biss nofs il-bżonnijiet tagħna. In-nofs l-ieħor irridu noħolquh. Qegħdin noħolquh permezz tal-impjanti tar-reverse osmossis jew desalination plants li permezz tagħhom l-ilma mielaħ tal-baħar naqilbuh f’ilma ħelu. Ovvjament dan jirrekjedi spejjeż kbar u ta’ kuljum. Il-ħala hija dejjem ħażina aħseb u ara fejn m’għandekx biżżejjed x’tuża.
Meta nitkelmu dwar l-ambjent, dwar il-mod kif ngħixu bħala pajjiż ċivilizzat għandu jkun is-sodisfazzjon tagħna li dak li fil-bidu jkun jidher bħala problema, bħala xiħaġa li taħdem kontrina, naqilbuh għal sfida biex mill-problema nagħmlu xiħaġa pożittiva. Biex nirrenduha f’xiħaġa li tagħmel sens.
Huwa minn dan l-angolu li għandna nħarsu lejn il-problema tal-iskart. L-iskart għandna nittrattawh bħala riżors li minnu nistgħu nibbenefikaw.
Konvint li b’aktar rieda, b’aktar determinazzjoni, b’aktar insistenza ma’ kull strata tal-popolazzjoni, minn tfal fl-iskejjel sa fuq il-postijiet tax-xogħol u fi djarna naslu biex nilħqu din il-mira wkoll.
Il-Ġimgħa, 11 ta’ Mejju 2018
2 responses to “L-isfida tat-tniġġis ambjentali”
Altern Ther Health Med 2002; 8 1 76 9 cialis tadalafil
Can you be more specific about the content of your article? After reading it, I still have some doubts. Hope you can help me. https://accounts.binance.com/ro/register?ref=V3MG69RO