L-iżbilanċi ekonomiċi


Ma tantx huwa kumplimentuż li tgħid lil xi ħadd li għandu argument żbilanċjat, għax il-kelma żbilanċ għandha konnotazzjoni negattiva peress li fil-ħajja nippruvaw nilħqu l-bilanċ u mhux l-iżbilanċ. Mela ara kemm huwa aktar offensiv jekk tgħid lil dak li jkun li huwa żbilanċjat kollu kemm hu!

Fl-ekonomija wkoll jeżistu l-bilanċi u l-iżbilanċi. Hemm fil-fatt dawk li ngħidulhom l-iżbilanċi makro-ekonomiċi. Meta pajjiż jimporta iżda milli jesporta, jkollu problema ta’ defiċit u jrid jara minn fejn ħa jġib il-flus. Dan għax jekk ma jbiegħx, mhux se jaqla’ biżżejjed biex ikun jista’ jixtri, u allura jinħoloq żbilanċ. Dan nistgħu inxebbħuh ma’ miżien b’ keffa li qegħdha ‘l isfel u l-oħra ‘l fuq. Ta’ min jinnota li biex dan il-miżien jibbilanċja, iż-żewġt ikfief iridu jiċċaqalqu; sew it-tilar t’isfel irid jogħla u dak ta’ fuq jitbaxxa.

Allura f’sistema ekonomika, xi jrid isir jekk irridu bilanċ? Min irid jikkoreġih? Skont il-politika, li jiġri huwa li min ikun b’saħħtu jagħmel pressjoni fuq min hu dgħajjef biex l-iżbilanċ negattiv, jirranġah.

 

orizzont thumbnail

Artiklu l-Orizzont 17 ta’ Frar 2016

Niftakru kif fis-sebgħinijiet, kien hemm pressjoni fuq kull min kellu żbilanċ biex jiżvaluta l-munita tiegħu. Ir-Renju Unit, pereżempju, kellu jiżvaluta l-Isterlina fl-1967. Bl-istess mod l-Amerka, li minħabba l-gwerra tal-Vietnam bdiet tixtri u tonfoq mingħajr ma’ tesporta biżżejjed, fl-1971 kellha tiżvaluta d-Dollaru. F’dan il-każ partikolari l-effetti kienu kbar, għax sa dakinhar is-sistema internazzjonali tar-rati tal-kambju kienet waħda fissa. Mal-iżvalutar tad-Dollaru spiċċajna bir-rati tal-kambju flessibli.

Fl-ambitu Ewropew, speċjalment fiz-zona ewro, qegħdin fl-istess baħar. Fis-sens illi ir-rata tal-kambju hija fissa għal dawk il-pajjiżi li huma membri taz-zona ewro għax jużaw l-istess munita u allura, m’hemmx iżjed rata tal-kambju xi jbiddel. Għaldaqstant, jekk ikun hemm żbilanċi irridu naraw kif se jikkoreġu ruħhom.

Hawnhekk nitkellmu fuq il-Greċja, l-Portugall, Spanja u l-Italja li huma pajjiżi li kellhom żbilanċi negattivi, u jbagħtu mhux biss minn dgħjufija ekonomika marbuta mad-defiċit u mal-kummerċ, iżda wkoll dgħjufija permezz ta’ deficits u djun akbar governattiv. Dawn il-pajjiżi kellhom pressjoni kbira biex isibu bilanċ intern u estern, u għalhekk, qabel ma kisbu s-self meħtieġ, kellhom jagħmlu sagrifiċċji kbar.

 

ori17

 

Iżda rridu nżommu f’moħħna l-fatt li l-bilanċi negattivi ta’ xi ħadd huma l-bilanċi pożittivi ta’ ħaddieħor. Mela lill-pajjiżi li semmejna qabel, li għandhom żbilanċ negattiv, għidnielhom biex jagħmlu xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni tiagħhom. Iżda lill-pajjiżi sejrin tajjeb bħal pereżempju l-Ġermanja u l-Olanda u għandhom żbilanċ pożittiv, ħadd ma qallhom biex jagħmlu xi ħaġa.

Għalhekk issa qed tinħoloq kontroversja, li jekk aħna irridu lill-pajjiżi d-dgħajfa biex jikkoreġu ruħhom, għalfejn il-pajjiżi b’saħħithom m’ għandhomx jagħmlu l-parti tagħhom ukoll ġaladarba għandhom dak li ngħidulu l-spazju fiskali, illi jikkreaw iktar xogħol illi jkabbru iktar domanda li twassal biex iżidu l-importazzjoni tagħhom, mill-pajjiż li għandhom bżonn iżidu l-esportazzjoni tagħhom, bħall-Greċja.

Dawn il-pajjiżi b’saħħithom ma jridux jaċċettaw dan l-argument. Bħal ma fil-fatt m’ aċettawhx il-Ġappun u l-Ġermanja fis-sittinijiet. Però bid-diskussjoni li kelli l-ġimgħa l-oħra mal-Fond Monetarju Internazzjonali f’Ruma, fejn kellna dik li nsejjħulha l-laqgħa tal-kostitwenza, tqajjem dan l-argument u li se jkompli jiġi diskuss fil-laqgħat tal-G20 li se jsir f’Baden-Baden, il-Ġermanja f’Marzu li ġej. Anke aħna fil-Presidenza tagħna tal-Kunsill tal-Affarijiet Finanzjarji u Monetarji tal-Unjoni Ewropea ser inkomplu nitkellmu dwar dan l-ispazju fiskali u kif għadu jintuża.

Meta nisimgħu dwar l-argument tal-iżbilanċi ekonomiċi, għandna niftakru li jistgħu jiġu ikkoreġuti sew min-naħa negattiva, kif ukoll jiġu ikkoreġuti min-naħa pożittiva. L-istess għaż-żewgt ikfief tal-miżien li biex jibbilanċja, it-tnejn iridu jiċċaqalqu.

 

17 ta’ Frar 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *