L-Unjoni Bankarja Ewropea – Tagħmel sens għalina?


Il-kriżijiet li għaddejna u għadna għaddejin minnhom ġew ikkawżati primarjament mill-banek.  Parti kbira taż-żieda fid-djun tal-gvernijiet fiż-żona ewro saru meta somom kbar ta’ ewro pubbliċi ntużaw biex isalvaw lil dawn il-banek minn falliment ċert. Il-każ klassiku kien tal-Irlanda fejn l-ekonomija inqalbet  żaqqa ‘l fuq minħabba bank fallut, u l-pajjiż kellu jbati konsegwenzi kbar bi qtugħ ta’ pagi, pensjonijiet u qtugħ ieħor. Ma nisimgħux fuq l-Irlanda daqs il-Greċja għax l-Irlandiżi qed isofru fil-kwiet u ma jagħmlux plejtu bħal Griegi.

Issa kien imiss lil Spanja fejn il-banek falluti tagħha kellhom bżonn għajnuna (bail out) ta’ madwar 100 biljun ewro għaliex investew fil-bużżieqa tal-propjeta’. Għalhekk fi Spanja kien se jiġri l-istess ħaġa bħal fl’Irlanda fejn il-gvern Spanjol jgħin il-banek falluti, imma dan wassal għal kważi falliment tal-pajjiż u wara nispiċċaw nagħmlu bail out ta’ Spanja. Il-pajjiż imbagħad jispiċċa jgħaddi minn programmi iebsa ta’ awsterita’ u mill-ħażin imur għall-agħar u l-problema tkompli tikber. L-istorja tal-Irlanda kienet ser tirrepeti ruħha b’riżultati iktar traġiċi għax l-ekonomija Spanjola hi ferm ikbar minn dik tal-Irlanda.

It-tagħlima tal-Irlanda kulħadd ħadha u għalhekk il-Gvern Spanjol fl-aħħar Summit Ewropew li sar fi Brussel ix-xahar li għadda azzarda jitlob xi ħaġa li l-Irlandiżi ma talbux, dik li din l-għajnuna tiġi mill-Fondi ta’ Stabbilita’ Ewropej (EFSF/ESM) u tingħata direttament lil banek Spanjoli. B’hekk il-pajjiż ma jiffaċċjax l-esperjenza tal-Irlanda fejn il-pajjiż innifsu jiġi sottomess għal kundizzjonijiet kiefra.

Merkel aċċettat din l-iskema. Pero talbet li biex isir dan ikunu l-banek li jkollhom joqgħodu għall-kundizzjonijiet imposti miċ-ċentru. F’kelma waħda talbet li biex mill llum ‘il quddiem bank ewropew jirċievi bail out direttament minn dawn il-fondi li semmejna l-pajjiżi membri fiż-żona ewro jkollhom iwaqqfu Unjoni Bankarja fejn is-superviżżjoni ta’ dawn il-banek issir minn Awtorita’ Bankarja Ewropea u mhux minn dik nazzjonali, fil-każ tagħna l-MFSA.

Ta’ min jgħid li bħalissa għandna diġa’ istituzzjonijiet ġodda li jieħdu ħsieb il-banek u l-istabbilita’ finanzjarja fis-27 pajjiż. Għandna l-Bord Ewropew fuq ir-Riskji Sistemiċi (ESRB), u għandna tlett Awtoritajiet regolatorji (ESAs) waħda minnhom fuq il-banek (EBA) u hi bbażata f’Londra.  Pero’ dawn xogħolhom jikkordinaw biss u jagħmlu eżami msejjaħ stress test ta’ kull bank biex jaraw kemm hu b’saħħtu. L-ebda waħda minn dawn l-aġenziji ma tindaħal fis-superviżżjoni li ssir mill-awtorita’ nazzjonali f’kull pajjiż. Mhux hekk fil-każ ta’ Unjoni Bankarja, fejn hemmhekk il-kontroll jiġi mħolli f’idejn aġenzija ġdida ewropea u li tirrispondi lil istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Proposta fuq il-karta

Minkejja li qed jingħad li hemm qbil fuq il-ħolqien ta’ din l-Unjoni Bankarja, għad m’hemm xejn definit fuq il-karta.  Jiena kont il-Parlament Ewropew ġimgħatejn ilu u meta staqsejna lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Draghi dan qalilna li għad irid isir ħafna xogħol fuq din il-proposta matul dan is-sajf. Għalkemm qed jingħad li l-Bank Ċentrali Ewropew se jieħu l-aġenzija f’idejh, lanqas dan ma huwa żgur.  Filfatt anke il-Parlament Ewropew ukoll permezz tal-kumitat tagħna l-ECON irid iħejji r-rapport tiegħu waqt is-sajf biex imbagħad fl-1 ta’ Settembru nippreżentawh fil-Parlament bħala opinjoni tiegħu fuq il-mudell li għandu jittieħed.

Fuq il-kwistjoni tal-post fejn se tkun l-aġenzija irridu nsemmu li l-Awtorita fuq il-banek preżenti għas-27 pajjiż tinsab Londra. Kif nafu l-Ingilterra mhix qegħda fiż-Żona Ewro. Għalhekk hemm ix-xewqa li l-Awtorita’ l-ġdida tal-Unjoni Bankarja tkun f’pajjiż fiż-Żona Ewro. Il-probabilta’ hi li tkun fi Frankfurt qrib il-Bank Ċentrali Ewropew jew tiġi anke taħt il-Bank Ċentrali. Hemm min jixtieq li din tidher daqsxejn distakkata u titwaqqaf fi Brussel. Għadna ma nafux ukoll jekk is-superviżjoni hux se ssir fuq l-ikbar 25 bank kbir fiż-Żona Ewro jew fuq il-banek kollha.

Ma ninsewx li f’pajjiżna l-istituzzjoni li tirregola l-banek reġistrati f’pajjiżna konna mexxejniha mill-Bank Ċentrali għall-MFSA. Dawn issa ser jitilfu s-sovranita’ kollha u jagħtuha lill-Frankfurt, jew jibqgħu jirregolaw l-banek ż-żgħar biss?

Hemm il-kwistjoni ta’ x’jiġri fil-każ li bank ifalli.  Min se jagħmel garanzija għad-depożitanti? F’pajjiżna l-banek għandhom ‘guarantee deposit scheme’ żgħira bejnithom filwaqt li l-gvern qed jagħmel tajjeb għall-ewwel mitt elf ewro li jkollu depożitant Malti. Din il-garanzija Ewropea fil-każ taż-Żona Ewro se ssir ċentrali? Aħna lesti li nikkontribwixxu għaliha biex insolvu il-problemi barranin li għad jistgħu ifallu? Pero fl-istess ħin jekk Alla ħares qatt jiġri l-istess f’pajjiżna, mhux fl-interess tagħna li ngawdu minn din l-iskema?

Min ser jiddeċiedi meta jfalli bank? Dwar dik li tissejjah ‘bank resolution’ min ser jiddeċidi jekk dan il-bank inħalluh ifalli jew naqsmuħ fi tnejn, parti tfalli u jikluha x-shareholders u l-investituri li jidħlu għal riskju kbar filwaqt li l-parti l-oħra insalvawha għax tkun qed topera fl-interess tad-depożitanti ‘normali’? Dawn huma mistoqsijiet xejn faċli li tirrispondi għalihom pero issa jrid ikun hemm deċiżjoni dwarhom.

Sitwazzjoni f’Malta

Matul l-aħħar snin, is-settur bankarju f’pajjiżna kiber u żviluppa b’tali mod li llum numru sostanzjali ta’ banek għandhom il-bażi jew rappreżentazzjoni tagħhom hawnhekk. Wieħed jista jistaqsi li f’dan ix-xenarju posittiv allura Unjoni Bankarja fiż-Żona Ewro x’effett jista jkollha fuq pajjiżna?

Issib minn jgħidlek, isma f’din il-kriżi finanzjarja aħna ma kellniex naqsmu u ma ġralna xejn.  Allura għalfejn ser noqgħodu nikkontribwixxu għall-‘bail outs’ ta’ ħaddieħor jew inkella agħar minn hekk ikollna irridu noqgħodu noħoġu l-flus  biex inħallsu depożitanti per eżempju Spanjoli jew Griegi?

Wieħed irid jara ż-żewġ naħat tal-munita. Aħna hawn Malta sew l-IMF u sew il-Kummissjoni Ewropea qed jgħidulna li s-settur bankarju għall-pajjiżna kiber u sar tmien darbiet id-daqs tal-Prodott Gross Domestiku.  Ġralna bħal l-Iżlanda, għax it-tnejn huma pajjiżi żgħar, jiġifieri hemm riskji kbar. Id-differenza hi li l-banek tagħna sa issa mxew sew u bil-għaqal.  Pero jekk ikun hemm Alla ħares qatt inċident ġo bank wieħed biss u jaffetwa l-banek l-oħra għax joħloqlok paniku, l-gvern tagħna għandu riżorsi biżżejjed biex jagħmel tajjeb għal dan il-gwaj?  Jew jista jiġrilu bħal Iżlanda u allura f’dak il-każ ikollna bżonn aġenzija Ewropea li għandha riżorsi biżżejjed, biljuni kbar biex issalva l-banek Maltin?

Wieħed irid jara din il-proposta tal-Unjoni Bankarja minn kull naħa. Irrid nemfasizza li hemm fatturi oħra u bħal ma diġa għidt wieħed irid jidħol fihom u jiflihom sew u nisperaw li fl-aħħar tas-sajf ikollna l-abbozz ċar. Hemm bżonn li  jkun hawn dibattitu fil-pajjiż u naraw aħna x’inhuma l-interessi veri ta’ pajjiżna.

 

– l-orizzont : 23 ta’ Lulju 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *