Laqgħat bilaterali mal-Ministri Ewropej


Iktar ma qed jersaq il-bidu tal-Presidenza ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil-bidu tas-sena d-dieħla, iktar wieħed qiegħed jinnota kif il-Prim Ministru  qed isiefer iktar biex jiltaqa’ ma’ numru ta’ kapijiet ta’ gvernijiet Ewropej. Bl-istess mod, ċertu ministri, qegħdin isiefru biex jiltaqgħu ma’ ministri Ewropej li jkopru dekasteri simili.

Fil-każ tiegħi, bħala l-Ministru għall-Finanzi, qed ikolli laqgħat ma’ ministri tal-finanzi oħrajn. Kultant jiġu f’pajjiżna, bħal ma għamel dan l-aħħar il-Ministru tal-Finanzi Olandiż, Jeroen Dijsselbloem, jew inkella immur niltaqa’ magħhom f’pajjiżhom, Fil-fatt ftit ilu mort Pariġ biex niltaqa’ mal-Ministru Franċiż Michel Sapin, u l-ġimgħa l-oħra tlajt Berlin fejn kelli laqgħa mal-Ministru Ġermanż Wolfgang Schäuble. Aktar ‘il quddiem beħsiebni niltaqa’ maċ-Chancellor of the Exchequer Ingliż u oħrajn.

Għalfejn isiru dawn il-laqgħat? Dawn il-laqgħat insejħulom laqgħat billaterali jiġifieri laqgħat bejn tnejn minn nies. Iżda dawn wiehed jistaqsi kif il-laqgħat  qed isiru ma’ l-istess persuni li nkunu bil-qiegħda magħhom madwar l-istess mejda fid-diversi laqgħat li jkollna matul is-sena? It-temi li wieħed jiddiskuti waqt laqgħa bilaterali,  ma jistgħux jiġu diskussi ftit qabel ma npoggu madwar il-mejda dak inhar tal-meeting?

Dawn huma żewġ realtajiet differenti. Waqt laqgħa fejn hemm ħafna ministri involuti trid timxi b’ċertu mod. Ikollok brief jew puzizzjoni li ser tiehu minn qabel, u  dokumenti bl-informazzjoni dwar is-suġġett. Trid taħseb b’mod strateġiku ħafna għax trid tagħmel il-pożizzjoni ta’ pajjiżek bl-aktar mod ċar possibbli mingħajr ma tiġi fl-inkwiet jew ittellef ir-reputazzjoni ta’ pajjiżek. Għalhekk, trid toqgħod ferm attent xi tgħid; la kelma żejda u lanqas waħda nieqsa.  F’dan kollu tista’ tiġbed l-attenzjoni kemm f’sens tajjeb kif ukoll f’sens ħażin. Dan għax bl-opinjoni li qed tesprimi, l-oħrajn jafu jassoċjawk ma’ opinjoni li dakinhar ma tkunx fil-maġġoranza. Hafna drabi tkun qed tigi segwita mill-gurnalisti u l-pubbliku ghax tkun qed tigi trazmessa.

F’nofs dan kollu, fejn tant ikun hemm sensitivitajiet u fejn dak li jkun irid jogħqod attent, jekk ikollok bżonn tiltaqa’ ma’ persuna partikolari, tista’ tagħmel dan barra mis-sala. Però kull ma’ jkollok huma biss ftit minuti biex tgħid dak li trid u tieħu risposta, dejjem bil-periklu li jista’ jiġi xi ħaddieħor fuqek u allura jkollok tbiddel id-diskors.

L-ambjent ma jistax ikun aktar differenti waqt laqgħa bilaterali. F’dawn it-tip ta’ laqgħat l-ambjent ikun aktar seren u rilassat u mhux daqstant formali, fejn tista’ titkellem wiċċ imb’wiċċ mal-persuna l-oħra, anke madwar mejda waqt ikla. F’dan l-ambjent tista’ titkellem fuq pajjiżek, titkellem anke fuq pajjiżu u ġieli wkoll jitilgħu suġġetti personali bħall-familja. B’hekk tohloq relazzjoni ma’ dak li jkun, tieħu aktar interess fih u ż-żewġ partijiet joqorbu aktar lejn xulxin. Meta tistabilixxi relazzjoni mal-persuna li għandek quddiemek, it-taħdidiet ikun isiru b’mod aktar faċli għax ikun hemm aktar lok fejn jirbaħ is-sens komun u dak li jkun jibda jara l-affarijiet minn ambitu differenti, anke jekk fil-bidu iż-żewġ partijiet ma kienux qed jaqblu ma’ xulxin.

Huwa propju għalhekk li issa, li l-ministri l-oħra qed jiffukaw fuq Malta iktar mis-soltu, il-Prim Ministru l-ġimgħa l-oħra għamel dawn il-laqgħat f’temp ta’ ġimgħa. Fil-każ tagħna qegħdin nifirxuhom fuq għadd ta’ ġimgħat. Dawn il-laqgħat qed iħallu ħafna frott, speċjalment issa li l-ministri l-oħra konxji li Malta waslet biex tmexxi l-laqghat hi.

Għax fejn is-soltu jgħidu, “u iva Malta hija l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea fost it-tmienja u għoxrin, u hija membru wkoll taz-Zona Ewro”, issa qed jiffukaw fuqna għax importanti li jifhmu x’hinuma l-prijoritajiet tagħna, u x’hinu l-programm tagħna. Iridu jsiru jafu liema liġijiet tal-Unjoni Ewropea rridu nressqu ‘l quddiem, liema naħsbu li huma l-aktar importanti u liema huma inqas importanti.

Min-naħa l-oħra huma jgħidulna l-prijoritajiet tagħhom, liema files jew abbozzi jħossu li huma sensittivi għalihom, speċjalment issa li ġejjin elezzjonijiet fi Franza u l-Ġermanja, x’jista’ jimbarazzhom u liema files m’humiex importanti għalihom.

Per eżempju hemm l-iskema dwar l-armonizzazjoni tal-garanziji fuq depożiti, magħrufa bħala EDIS, fejn għal raġuni jew oħra hija meqjusa politikament sensittiva ghal Gvern Germaniz ghax qed jigi kkritikat mill-partit tal-oppozizzjoni fuqha. Għandna lill-Franċiżi li jridu jpoġġu d-direttivi dwar it-taxxi fuq quddiem tal-aġenda, sabiex ikun hemm inqas evażjoni għax huwa importanti għal pajjiżhom. Għaldaqstant, kull pajjiż għandu s-suġġetti ghal qalbu u li jrid jimbotta.

Aħna irridu nisimgħu lil kulħadd, mhux gvernijiet biss, iżda anki banek u assoċjazjonijiet tal-bankiera. Il-ġimgħa l-oħra ltqajt mal-assoċjazzjoni tal-Ingliżi. Xi ġimgħat ilu ġew ikellmuni l-assoċjazjoni tal-Ġermaniżi, u dalwaqt ser nitkellem mal-assoċjazjoni Ewropea.

Grazzi għal dawn il-laqgħat mal-ministri u assoċjazzjonijiet fejn il-gvern sema’ x’għandhom xi jgħidu, issa l-gvern huwa ppreparat biex jassumi l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE. Għax li jkollok il-presidenza, tfisser li trid tkun fair u tifhem sew il-fehma ta’ kulħadd. Trid tagħraf x’inhi l-aħjar li tkun ġusta u li twassal lill-Unjoni Ewropea l-aktar ‘il quddiem.

Sfortunatament, waqt il-presidenza ma nistgħux inkunu espliċiti dwar xi trid li jsir Malta, għax bħala president tal-Unjoni Ewropea, rridu mmexxu ‘il quddiem l-aġenda tal-UE. Però, sintendi kulħadd huwa uman, kulħadd għandu l-prijoritajiet tiegħu u l-modd kif timbotta files u mhux oħra, jibqa’ fil-prerogativa ta’ min ikun fil-presidenza.

Madanakollu, waqt li tkun fil-presidenza, inti ma tistax toġġezjona jew tagħti l-opinjonijiet ta’ pajjiżek. Waqt il-presidenza hemm dikix- xi ħaġa li tigwadanja u xi ħaġa li titlef. Ghax ghajnejn id-dinja huma fuqek.

Sa jkun żmien interessanti ħafna. Permezz ta’ dan l-ispażju beħsiebni nżommkom infurmati dwar l-iżviluppi li jiżvolġu matul ix-xhur tas-sena d-dieħla u naħseb illi hija opportunita kbira għal pajjiżna illi jekk tintuza sew, tħalli l-ġid u r-reputazjoni ta’ pajjiżna tikber qatigħ.

 12_ORZ_

 Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *