Ninsabu fi żmien festiv, tradizzjonalment marbut ma’ aktar kummerċ minn dak normali peress li huma ġranet fejn isir ħafna xiri ta’ rigali li jvarjaw minn ħwejjeġ, prodotti għad-dar, safar u mitt elf ħaġ’oħra. Wasla sal-Belt u postijiet oħrajn kummerċjali flimkien ma’ ħarsa ħafifa lejn is-sriebet ta’ nies fil-ħwienet huma biżżejjed biex tifhem dan kollu. Dan apparti l-organizzar ta’ ikliet, festini u ħruġ ieħor ta’ divertiment.
Konsumiżmu massiċċ. Hemm min iħares lejn dan il-konsumiżmu b’mod pożittiv filwaqt li ssib lil min jikkritikah u jasal għal ċerti konklużjonijiet inqas pożittivi jekk mhux ukoll negattivi.
Mill-att ekonomiku l-konsum huwa kruċjali għar-rota ekonomika. X’jiswa’ li l-fabbriki jipproduċu l-prodotti tagħhom jekk imbagħad ma jsibux suq għalihom jew is-suq ikun limitat? U jekk ma jsibux bejgħ għall-prodott finali tagħhom ma jkunx allura ifisser li ma jixtrux materja prima? Fl-isfond ta’ dan kollu mhux ħaddiema hemm? Allura l-konsegwenza mhux waħda ċara? Jonqos ix-xogħol u jonqsu l-ħaddiema bil-konsegwenza li jonqos id-dħul finanzjarju għall-familji ta’ dawn il-ħaddiema.
U ħaġa ssegwi l-oħra. Jonqos id-dħul finanzjarju tal-familji, jonqos il-konsum min-naħa tagħhom, u nerġgħu naslu mnejn tlaqna: jonqos ix-xogħol. Hekk taħdem ir-rota ekonomika, parti ddawwar lill-oħra, kemm fid-direzzjoni t-tajba kif ukoll dik ħażina.
Meta qed ngħid hekk ma jien qed ngħid xejn ġdid, huma affarijiet li rajnihom jiġru fil-passat. Meta pajjiż jasal f’sitwazzjoni bħal din ngħidu li t-tali pajjiż ikun daħal f’RICESSJONI u meta r-riċessjoni tilħaq livelli għoljin tissejjaħ DIPRESSJONI. Meta tali sitwazzjoni kienet mifruxa fuq livell globali kienet tissemma’ ħafna l-frażi the great economic depression.
Fi ftit kliem, il-konsum huwa parti mir-rota ekonomika u huwa fl-interess ekonomiku li l-konsum ikun wieħed b’saħħtu u kostanti biex b’hekk ikomplu jitħaddmu n-nies, ikomplu jinqalgħu l-flus u n-nies tibqa’ għaddejja bil-konsum, tibqa’ tonfoq u tiġġenera x-xogħol.
Ovvjament mhux se nindaħlu dwar x’jixtiequ jew ma jixtiequx jixtru n-nies. Kulħadd huwa fil-libertà li jixtri dak li jrid, mhux biss fejn jirrigwarda ħwejjeġ u prodotti għad-dar imma wkoll f’dak li huwa ikel. Li nistgħu nagħmlu fejn jirrigwarda ikel huwa li nedukaw dwar liema huwa l-ikel nutrittiv u dak ta’ detriment għal saħħitna.
Min-naħa l-oħra min jikkritika dan il-konsumiżmu jikkritikah mil-lenti li dħalna f’kultura fejn ir-reklamar ikaxkrek u jinkoraġġik tixtri dak li jinfluwenzak tixtri bla ma tikkonsidra biżżejjed l-utilità u l-kwalità tal-prodott. Ma jistax jingħad li dan mhux minnu, tant li anke proverbju għandna li jirrifletti dan. Il-Malti jgħid li l-għajn tkun akbar miż-żaqq, biex imbagħad tara affarijiet jintremew jew ikunu skartati wara biss ftit żmien.
Kollu minnu dan u wieħed għandu joqgħod attent. Hemm min idaħħal ukoll il-moralità, imma lanqas nistgħu nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda u ngħidu li l-materjaliżmu kaxkar lil kulħadd.
Naħseb li hawnhekk għandna mmorru ftit lura fiż-żmien. Ma naħsibx li fil-passat min kellu l-flus x’jonfoq kien hemm min żammu milli jixtri dak li ried u dak li xtaq. Imma donnu ISSA hawn min qed tgħokru għajnu li qed jara li twessgħet mhux ftit il-faxxa tal-popolazzjoni li jistgħu jixtru dak li jixtiequ. Aktar u aktar meta din il-faxxa tinkludi familji li L-BIERAĦ ma kienux f’din il-pożizzjoni. Bħal donnu l-ħajja fil-kumdità għandha tkun il-prerogattiva ta’ faxxa u mhux t’oħra. U allura ma naħsibx li issa f’daqqa waħda għandna naraw lil min jiskrupla u jħossu skandalizzat b’dan il-konsumiżmu, sempliċiment għax kulħadd qed jixtri.
Ma niddejjaq xejn ngħid li minn l-att ekonomiku, mill-att politiku u mill-att soċjali nieħdu gost naraw li l-familji kollha qegħdin jieħdu gost. Qegħdin jixtru għax iridu jixtru. Qegħdin jixtru għax għandhom flus biżżejjed biex jixtru. Qegħdin jixtru għax l-ekonomija b’saħħitha u qed tippermettilhom u allura hija ħaġa sabiħa, mingħajr ma nindaħlu fid-deċiżjonijiet ta’ kwalunkwe familja f’Malta u Għawdex, illi jixtru l-prodotti li tixtieq qalbhom.
Irrid ngħid pubblikament kemm ħassejtni sodisfatt b’għadd ta’ ittri ta’ ringrazzjament li rċivejt mingħand diversi persuni li qaluli li din is-sena se jkunu qegħdin iħossuhom aktar komdi minn snin oħrajn f’dawn il-jiem ta’ festi. Dan b’riżultat ta’ żjidiet fil-pensjoni, oħrajn għax ħadu flus tal-inġustizzji jew għax iffrankaw mill-ammont li kienu jħallsu f’taxxa tad-dħul. Kien hemm min anke ġie jirringrazzjani personalment u jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-mod ġust li bih il-Gvern qed iqassam il-ġid li rnexxielu joħloq.
Ma naħsibx li għandu jkun hawn min jiskrupla għax jara żjieda fl-infiq. Kellu jiskrupla meta konna f’sitwazzjoni fejn il-ftit setgħu jonfqu għax kienu komdi u ‘l ħafna kien ikollhom jibqgħu lura bħal donnu l-istaġun festiv ma kienx hemm għalihom ukoll. Illum il-maġġoranza assoluta tal-familji Maltin u Għawdxin jistgħu jieħdu gost aktar f’dawn il-ġranet waqt li jkunu qegħdin jagħtu palata sew lill-ekonomija tal-pajjiż, jgħinu fit-tidwir tar-rota ekonomika. Il-konsumiżmu għandu aktar affarijiet pożittivi milli negattivi. L-importanti li bħala pajjiż ma nonfqux iżjed milli ndaħħlu, jiġifieri niddejnu. Għall-kuntrarju, il-pajjiż illum qiegħed iġemma.
Sadattant kemm huwa sabiħ li f’dawn il-ġranet naħsbu f’dawk li mhumiex komdi, li għalihom il-ġranet festivi ma jfissru xejn, jew ftit li xejn. Il-poplu Malti u Għawdxi huwa magħruf għall-ġenerożità tiegħu mhux biss f’pajjiżu imma anke biex jgħin popli oħrajn.
Nieħu din l-opportunità biex nawgura lill-qarrejja u lill-familji tagħhom Milied hieni filwaqt li nappella biex nhar it-Tlieta li ġej, JUM L-ISTRINA, nerġgħu nkunu ġenerużi biex għal darb’oħra nuru solidarjetà magħna nfusna bħala poplu magħqud.
Il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru 2017