Lil hemm mill-Kliem Sabieħ għal Malta


Ftit jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea ppublikat it-tbassir ekonomiku u finanzarju tagħha tax-Xitwa (Winter Forecast 2015) għall-membri kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż pajjiżna. Dan mhux l-unika tbassir ekonomiku li jsir. Aħna stess bħala pajjiż regolarment nagħmlu tbassir fuq l-ekonomija tagħna, u l-andament mistenni minna għax-xhur li jkunu ġejjin. Tbassir simili jsir ukoll mill-Bank Ċentrali ta’ pajjiżna, kif ukoll mill-aġenziji tal-kreditu internazzjonali.

Iżda l-valur tat-tbassir ekonomiku li jsir u jiġi ppublikat mill-Kummissjoni huwa aktar importanti, għaliex huwa dan li jgħodd meta titqies il-prestazzjoni ekonomika ta’ Malta fejn jirrigwarda r-regoli tal-Kummissjoni Ewropea li jikkonċernaw id-dejn u d-defiċit. Allura, il-pajjiżi Ewropej, inkluża Malta, jiġu meqjusa fl-eżami ekonomiku skont it-tbassir u l-analiżi tal-Kummissjoni, u allura dan it-tbassir hu aktar importanti għaliex hu abbażi tiegħu jekk neħlux jew ngħaddux mill-eżami ekonomiku skont ir-regoli tal-Kummissjoni Ewropea, speċjalment taż-Żona Ewro.

 logo orizzont

 

Hu tajjeb li niftakru li, għalkemm l-ekonomija sejra tajjeb u anke l-finanzi sejrin tajjeb, xorta Malta għadha fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv, sitwazzjoni li writna mill-amministrazzjoni preċedenti. Din tpoġġi lil Malta taħt monitoragg u regoli aktar stretti. Regoli li jorbtu sew id-defiċit, li kien qabeż it-tlieta fil-mija fl-2012, kif ukoll id-dejn, li raw li kien tiela l’ fuq mis-73.5 fil-mija, u li beda joħloq tħassib.

Iżda minn dak iż-żmien ‘l hawn, permezz tad-direzzjoni tal-Gvern ġdid fil-finanzi u l-ekonomija, erġajna qed niksbu ftit ftit il-fiduċja tal-Kummissjoni Ewropea, liema fiduċja kienet saret trietaq taħt il-gvern ta’ qabel, li kien regolarment sena wara sena ifalli li jilħaq il-miri ekonomiċi u finanzjarji tiegħu stess.

Illum, qed inħarsu ‘l quddiem għal Marzu li ġej, hekk kif dak hu meta qed nistennew li titttieħed id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar jekk Malta tinħariġx mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Din hi ħaġa li bħala Gvern nixtiequ ħafna, u nisperaw li ssir. Dan għaliex Malta tidħol ma’ grupp ta’ pajjiżi ddixxiplinati li ma għandux jittallab għal xi għajnuna jew oħra. Dan hu grupp li hu ta’ eżempju għall-ħaddiehor. Li jimxi b’rasu ‘l fuq għax jaf li ħidmietu ħalliet il-frott.

Aħna fiduċjużi li ser naslu hemm għaliex il-figuri li ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fit-tbassir tax-Sitwa tagħha jindika b’mod ċar li hemm probabbilta` kbira li Malta se tinħareġ minn din il-proċedura, u nidħlu f’dik li ngħidulha l-preventive arm. Din il-preventive arm hi intiża għal dawk il-pajjiżi li ma humiex f’sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, imma li għandhom bżonn ikomplu jagħmlu sforzi sabiex jikkontrollaw id-dejn. Nistgħu ngħidu li kull pajjiz hu f’din il-kategorija. Għaliex l-isforz biex trazzan l-ispiża pubblika mhix biċċa xogħol ta’ darba u li wara tista’ tinsiha. Qiegħda hemm kull mument.

Hu importanti li nżommu amment li dan mhux qed isir biss għaliex iriduh il-Kummissjoni jew l-Unjoni Ewropea, iżda dan il-proċess hu għall-ġid tagħna bħala pajjiż u bħala ekonomija. Il-Gvern diġa għamilha ċara li filwaqt li se jagħmel minn kollox biex it-tkabbir ekonomiku jimmassimizza ruħu u jitqassam il-ġid għal kulħadd, ma nistgħux ninsew jew nittraskuraw il-miri tagħna li naraw id-defiċit ta’ pajjiżna jinżel. B’hekk inkunu qed nilħqu wkoll waħda mill-miżuri ewlenin tal-pjan tal-gvern, li kienet ukoll waħda mill-wegħdiet elettorali, jiġifieri li d-dejn għall-pajjiżna jibda nieżel.

Bi pjaċir kbir ngħid li dan qegħdin nilħquh, għaliex is-sena l-oħra stess fl-aħħar ta’ Diċembru irnexxilna nniżlu d-dejn għal 68.5 fil-mija. Dwar id-defiċit ngħid ukoll li s-sena l-oħra it-Teżor, li huwa l-cash register tal-Gvern, spiċċa b’defiċit ta’ mija u għoxrin miljun (€120 m). Ngħidu biss li s-sena ta’ qabel (2013) kien mitt miljun għola, filwaqt li s-sena ta’ qabilha, dik tal-2012, kien ukoll mitt miljun għola. Jigifieri li l-bħala Gvern ġdid, irnexxielna nwaqqgħu d-defiċit b’200 miljun ewro, kif inhu stmat fil-fond konsolidat, fuq medda ta’ sentejn.

Din il-waqa ta’ mitt miljun ewro fis-sena tawgura tajjeb li mhux biss noħorġu mill-proċedura iżda li l-piż fuq pajjiżna tad-dejn jibda jonqos, u b’hekk ikollna aktar spazju ekonomiku biex nwettqu dawk il-miżuri li hemm bżonn. Miżuri li permezz tagħhom ħa nkomplu nagħmlu l-proġetti li għandna f’moħħna, bħal li nżidu l-benefiċċji għal min  għandu bżonnhom, inżidu l-pensjonijiet, u mizuri oħra. B’hekk l-ekonomija tkun tista’ tagħti l-frott mistenni minnha.

Riżultati oħrajn ssemmew. Isemma wkoll il-fatt li għalkemm hawnhekk għandna dejjem xi kontroversja mill-oppożizzjoni dwar il-konsum u l-bejgħ, il-Kummissjoni qed tgħid b’mod ċar li qed tistenna li l-konsum jkompli jiżdied u jikber. Dan juri li minkejja kollox, il-Kummissjoni tagħraf li bħalissa l-konsum qiegħed jikber, u qed jiddikjarawh li se jkompli jiżdied bħalma se jiżdied it-tkabbir ekonomiku. Is-sena l-oħra skont huma jaħsbu li dan it-tkabbir se jkun qabeż it-3.3 fil-mija.

Apparti dan, hemm ukoll bosta figuri li jagħmlulna kuraġġ, speċjalment dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa. Qed jgħidu li hija xi ħaġa pożittiva ferm minna nfisha. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fejn jiġi l-kummerċ barrani, jiġifieri l-esportazzjoni u t-turiżmu, aħna qegħdin f’surplus, jiġifieri qegħdin nesportaw aktar milli nimpurtaw, u qed jistennew li dan is-surplus ikompli fil-futur.

Dawn ir-riżultati mhux biss jagħtuna pjaċir imma jagħmlulna kuraġġ biex inkomplu fuq il-pjan li bdejna bih, u li wegħdna lill-elettorat.

 

il-Ġimgħa 13 ta’ Frar 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *