Il-ġimgħa li għaddiet attendejt għal-laqgħat annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u tal-Bank Dinji (World Bank), is-sessjoni tar-Rebbiegħa, IMF World Bank Spring Meeting. Laqgħat li saru f’Washington. Żewġ istituzzjonijiet li m’għandhom bżonn ebda introduzzjoni. Huma rinomati biżżejjed, twieldu fl-istess żmien imma ma tistax issejħilhom tewmin!
L-għan ewlieni tal-IMF huwa li jassigura li jkun hemm stabilità tas-sistema monetarja internazzjonali, is-sistema tar-rati tal-kambju u pagamenti internazzjonali li jagħmluha possibbli li l-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom jagħmlu transazzjonijiet bejniethom. Fir-rigward tal-Bank Dinji dan huwa istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li tipprovdi self lil pajjiżi għal proġetti kapitali. Istituzzjoni li tikkomprendi żewġ istituzzjonijiet, l-International Bank for Reconstruction (IBRD) u l-International Development Association (IDA).
L-għan tas-Sessjoni tar-Rebbiegħa huwa li jlaqqa’ lill-Ministri tal-Finanzi u l-Iżvilupp, lill-Gvernaturi tal-Bankijiet Ċentrali, rappreżentanti mis-settur privat u mis-soċjetajiet ċivili u akkademiċi biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess globali li jkunu jnkludu x-xejra ekonomika dinjija, il-qerda tal-faqar, l-iżvilupp ekonomiku u l-effikaċja tal-għajnuniet li jingħataw.
Fi ftit kliem huma laqgħat ta’ aġġornament dwar l-andament li jkun għaddej fid-dinja u tbassir għal li ġej. Laqgħat li għalihom jattendu l-eluf u li jagħtu l-opportunità lil kulħadd biex jiltaqa’ ma’ kulħadd. Laqgħat li jagħtuna l-opportunità li nitkelmu mill-punto di vista tagħna. Bħala Ministru għall-Finanzi jkolli l-opportunità niltaqa’ mal-Fond Monetarju nnifsu fid-dawl li aħna bħala Malta niffurmaw parti minn kostitwenza, grupp ta’ pajjiżi. Il-kostitwenza li niffurmaw parti minnha aħna tinkludi lill-Italja, il-Greċja, il-Portugall u l-Albanija.
Ikollna wkoll l-opportunità li niltaqgħu mal-missjoni, it-tim mill-IMF, li jżur pajjiżna u jagħmel analiżi fil-fond biex imbagħad jippubblika r-rapport bħalma jagħmlu l-aġenziji ta’ kreditu. Niltaqgħu wkoll mad-Dipartiment Fiskali li huwa speċjalizzat fit-taxxa u fuq il-mod kif tmexxi l-finanzi biex aħna wkoll naġġornaw l-affarijiet li jkun għaddej minnhom pajjiżna. Mhux biss, imma anke nitolbu l-għajnuna tagħhom f’ċerti affarijiet li aħna nħossu li għandna bżonn l-għajnuna. Nista’ nagħti eżempji ta’ għajnuna bħal din. Bagħtulna esperti għal proċeduri dwar kif isir il-baġit, proċeduri li xtaqt ħafna li jkunu jistgħu jissaħħu.
Ġimgħatejn oħra se tiġi Malta missjoni tal-IMF biex tevalwa l-proċess ta’ trasparenza fir-rappurtaġġ tal-Gvern fuq affarijiet fiskali u finanzjarji. Huwa importanti li niġu evalwati biex meta huma jikkumparaw ma’ pajjiżi b’saħħithom iżjed minna tara fejn forsi jkollok nuqqasijiet. Nieħdu bħala eżempju r-riskji. Aħna dejjem nirrappurtaw xi jsir u forsi nbassru wkoll, imma li inti tara mnejn jistgħu jiġu r-riskji huwa eżerċizzju li huma jistgħu jirrakkomandaw meta jiġu f’pajjiżna.
Waqt li tkun hemm ikollok maratona ta’ laqgħat, waħda wara l-oħra, ma’ ħafna gruppi, b’mod partikolari mar-rating agencies, l-aġenziji li jagħtu rating lil pajjiżna. Peress li nerġgħu niltaqgħu fil-ħarifa u sadattant huma jkunu ġew Malta nkunu nistgħu nagħtu rendikont pjuttost kull erba’ xhur.
IMF Staff Phot0/Stephen Jaffe
Il-laqgħat ta’ New York u Washington iservu ta’ aġġornament dwar l-andament li jkun għaddej fid-dinja u tbassir għal li ġej. Laqgħat li jagħtu l-opportunità lil kulħadd biex jiltaqa’ ma’ kulħadd. Laqgħat li jagħtuna l-opportunità li nitkelmu mill-punto di vista tagħna.
Dan huwa l-mod li int titgħallem mingħandhom bħalma huma jitgħallmu mingħandna, fejn aħna nidħlu fid-dettall dwar kif l-ekonomija tagħna qegħda tikber settur b’settur. Il-manifattura, is-servizzi finanzjarji, l-igaming u issa anke l-aħbar sabiħa tal-crypto currencies u blockchain, teknoloġija innovattiva li forsi s’issa wieħed ftit jista’ jifhem kemm hija rivoluzzjonarja. Din se tkun xi ħaġa storika, invenzjoni teknoloġika ta’ kif isiru l-pagamenti u kif jinżammu l-arkivji fost affarijiet oħra.
Il-fatt li pajjiżna qed jattira lejh kumpaniji kbar, bħalma hija Binance, huwa ferm inkoraġġanti u sinifikattiv. Binance s-sena li għaddiet rreġistrat profit ta’ biljun dollaru, mhux biegħet biljun imma għamlet profitt ta’ elf miljun dollaru. Ma’ Binance hemm kumpaniji oħrajn bħalma huma OKex, ABE u Neu Fund, din tal-aħħar Ġermaniża. Tħossok sodisfatt tkun f’laqgħat fi New York u tisma’ lill-Amerikani jgħidu li qabel ġew Malta kienu marru l-Irlanda u l-Lussemburgu imma għażlu lil Malta għax fiha ħassew li hija l-aħjar pajjiż li fih jistgħu jirnexxu l-aktar bin-negozju tagħhom. Tħossok sodisfatt tismagħhom jgħidu li Malta għandha qafas regolatorju magħmul b’sens.
Sintendi, meta nitkellmu magħhom nitkellmu wkoll fuq affarijiet li jisimgħu huma wkoll, li jingħadu lilhom ukoll. Jekk jisimgħu u jaraw fil-ġurnali affarijiet koroh fuq pajjiżna li sfortunatament qegħdin iwasslu Maltin bħalna huwa fid-dmir tagħna li niddefendu u nfissru b’mod ċar x’inhi l-verità bħal per eżempju dwar il-proċess legali, il-proċess ġudizzjarju f’pajjiżna. Ninfurmawhom x’qed jiġri u allura dak li jkun ikollu stampa reali, trasparenti u loġika tal-affarijiet.
Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija inwassal l-aħbar li għas-sena li għaddiet Malta rreġistrat surplus ta’ 3.9%. Aħbar li wassalna fil-ħin propizju peress li kemm qabilna kif ukoll warajna jkunu saru laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ pajjiżi oħrajn u allura setgħu jipparagunaw u faċilment jaslu għall-konklużjoni li Malta tieħu bl-akbar serjetà l-governanza ekonomika u finanzjarja u qegħda tattira investiment barrani qawwi, b’mod li qegħdin inservu ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn.
Tħossok sodisfatt tkun f’laqgħat fi New York u tisma’ lill-Amerikani jgħidu li qabel ġew Malta kienu marru l-Irlanda u l-Lussemburgu imma għażlu lil Malta għax fiha ħassew li hija l-aħjar pajjiż li fih jistgħu jirnexxu l-aktar bin-negozju tagħhom. Tħossok sodisfatt tismagħhom jgħidu li Malta għandha qafas regolatorju magħmul b’sens.
Meta wieħed iqis li anke jekk mis-surplus reġistrat tneħħi d-dħul mill-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment, pajjiżna xorta kien jasal biex jirreġistra surplus ta’ ‘l fuq minn wieħed fil-mija allura hija konferma ta’ kemm pajjiżna qiegħed fi triq sostenibbli. Sadattant għandu jkun rimarkat li d-dħul mill-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment huwa importanti għax serva sabiex jghin jitnaqqas id-dejn li kien qed ixekkel ħafna lil pajjiżna.
Nistqarr li ġejt lura kuntent ħafna. Fi New York smajt u tkellimt ma’ investituri interessati ħafna f’pajjiżna u allura timmaġina l-investiment f’settur li għadu qed jitwieled. F’Washington ltqajt mar-regolaturi, chairmen ta’ banek internazzjonali bħalma huwa l-EIB u l-IBRD, nies li jafu fuq pajjiżna, interessati li jiġu hawnhekk għax f’pajjiżna jaraw il-possibiltà minn fejn jistgħu joperaw f’pajjiżi fil-kontinent Afrikan.
Huma dawn l-affarijiet li jkattrulek ir-rieda, il-kuraġġ u d-determinazzjoni li tkompli taħdem għal pajjiżek minkejja kull tfixkil li ssib tul it-triq.
Il-Ġimgħa, 27 ta’ April 2018
One response to “Lura minn New York u Washington”
Thank you for your sharing. I am worried that I lack creative ideas. It is your article that makes me full of hope. Thank you. But, I have a question, can you help me?