Bħal ma ġralu t-temp hawnhekk f’pajjiżna, l-istess ġralu, fl-istess ġranet, il-Parlament Ewropew fi Brussell. Wara s-sħana tas-sajf, il-front kiesaħ li rnexxilu jidħol fil-Mediterran wassal għal maltempata kbira. Fil-Parlament wara waqfa ta’ erba’ ġimgħat għall-btajjel tas-sajf, l-ewwel laqgħa tal-Kumitat tiegħu tal-Ekonomija rat kemmxejn ta’ buffura li qanqlet mhux ħażin lill-ewroparlamentari li kienu preżenti.
Li ġara kien li s-sessjoni li għalqet f’Lulju li għadda ġejna mwegħda li waqt s-sajf ser jiġi ppreparat abbozz li jwassal għal Unjoni Bankarja. Kulħadd ġie ikkargat u kurjuż biex jara fejn wasal dan ix-xogħol u x’fih. Biex iwieġbu għal dan kellna konsekuttivament mhux inqas minn tlett personaġġi importanti ħafna, bħal ma kien il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi, lill-Kummissarju tal-ekonomija u l-ewro Olli Rehn u l-Kummissarju għas-suq intern Michel Barnier.
Dawn huma nies b’karigi għolja li ġew biex jaqsmu magħna l-idejat tagħhom. Biex tkompli toħloq t-tensjoni tnejn minnhom riedu li l-meeting ikun ‘in camera’. Dan wassal biex xi ewroparlamentari għamluha tal-bravi u kull ħames minuti kienu joħorġu barra l-bieb biex jinfurmaw lir-Reuters, Bloomberg, ir-Rai u oħrajn pass pass x’qed jiġri u x’qed jgħidu. Fuq dan Sharon Bowles ic-Chairperson tal-Kumitat qalet li kellha tieħu passi.
Nafu li l-kriżi ma toqgħodx tistenna l-ebda sajf u l-ebda vaganza għax tkompli għaddejja. Pero’ kien hemm ftit pawża tul dan is-sajf għax Draghi fl-aħħar ta’ Lulju uża ċertu kliem li kkalma s-swieq. Iżda issa żbroffa kollox.
Proposta Nejja
Fl-ewwel laqgħa ma wiċċna sibna li ħafna mill-proposti dwar l-Unjoni Bankarja u rimedji oħra għal kriżi għadhom nejja. Għad hemm ħafna iktar mistoqsijiet milli risposti. Veru li rridu nħaffu għax din fi żmien ġimgħatejn trid titħabbar fill-Kunsill. U anke għax il-parlament ser jiġi mitlub għall-opinjoni tiegħu fuq il-proposta. Għandek ukoll kriżi kerha li ma’ tistenna lill-ħadd u allura qegħdin ngħaġġlu kemm jista jkun ħalli s-swieq finanzjarji intuhom risposta. Wieħed irid iżomm f’moħħu li dan huwa xogħol ikkomplikat u li jitlob il-pajjiżi sew membri taż-żona bħal pajjiżna, u dawk li ma humiex, jieħdu deċiżjonijiet li jolqtu s-sovranita’ ta’ pajjiżhom.
Bħal ma għidt ma tantx kien hemm risposti ċari la mill-president tal-Bank Ċentrali, la minn Barnier u lanqas minn Olli Rehn. Dan għar-raġuni li s-soluzzjoni dwar il-Unjoni Bankarja għadha qed tinħema.
L-ewwel nett għandhekk il-Ġermanja li diġa’ qegħda topponi illi l-banek iż-żgħar tagħha jaqgħu taħt is-superviżjoni bankarja ċentrali ewropea, allavolja din ser tmur f’pajjiżhom. Jippreferu li l-banek zgħar tagħhom jibqgħu taħt is-superviżjoni ta’ pajjiżhom. Biex nispjega aħjar is-superviżjoni bankarja f’pajjiżna, per eżempju, ssir mill-MFSA. Issa din qed jintalab li bħal ma ġara fil-każ tal-politika monetarja din ntuwha lill-Frankfurt, jiġifieri tiġi taħt il-Bank Ċentrali Ewropew.
Din id-darba ħadd ma hu jaqbel mal-verżjoni Germaniża li qed jipproponi Schauble. Kulhadd jemmen li kull bank hu vulnerabbli u għandu riskji sistemiċi. Għandna 6000 bank fl-Unjoni Ewropea. L-ikbar kumplikazzjoni hi li numru mdaqqas minn dawn il-banek huma barra ż-żona tal-ewro bi proporzjon kbir f’Londra. Kif tista bank li għandu l-friegħi tiegħu sew ġewwa u sew barra ż-żona taqsmu bejn żewġ ċentri ta’ supervizzjoni.
Tlett Kwistjonijiet Diffiċli
Hemm ukoll tlett issues diffiċli oħra. Min ser jiddeċiedi jekk bank jitħallix jfalli jew jiġi mgħejjun? Jekk id-deċiżjoni tkun waħda ċentrali l-pajjiżi membri kif ser ikunu rappreżentati? Malta u l-Ġermanja ser jibqgħu bl-istess vot, wieħed, jew skont ma qed nisimgħu dan jista’ jinbidel? Min se jiddeċiedi? Qabel kienu l-gvernijiet jew il-parlamenti tal-pajjiż li flimkien mar-regulatur jieħdu din id-deċiżjoni iebsa. Issa min ser joħodha din id-deċiżżjoni?
Dwar il-fond ta’ garanzija għad-depożitanti, dan ser jibqa’ nazzjonali jew wieħed kbir għall-Unjoni Ewropea kollha? Min se jħallas, u l-banek x’proporzjon iridu jagħtu għal dan il-fond? Xhur sħah ta’ diskussjoni fuq direttiva li fl-aħħar giet miftehma u approvata mill-Parlament ftit ilu ser nerġgħu narmuha?
U fl-aħħar hemm l-issue l-iktar sensittiva u taħraq għal Parlament Ewropew, il-kwistjoni tal-leġitimita’ demokratika. Dan kollu ser jibqa jsir mill-Kunsill tal-Ministri mingħajr ma jinvolvi lill-Parlament Ewropew għall-iskrutinju tiegħu. Jekk ser nibdew din it-triq il-prinċipju ta’ ko-deċizzjoni li fuqu hi mwaqqfa s-sistema tal-Unjoni Ewropea ser jitmermer u jitlef kull leġitimata’ demokratika.
Dawn huma l-ħafna mistoqsijiet li għad ma hemmx risposta għalihom.
Meta ndirizzajt lil grupp politiku tiegħi l-S&D għidt ċar li Malta qed tagħti flus lil fondi ta’ stabbilita’ xejn inqas minn kemm qed tagħti l-Ġermanja meta dan jittieħed bħala proporzjon tal-Prodott Gross Domestiku. Għalhekk naħseb li naqblu magħhom li ma tistgħax inti issellef bank mitt biljun ewro u imbagħad tħalli l-kontroll assolut f’idejn r-regolaturi ta’ pajjiżu. Ċertu kundizzjonijiet irridu nagħmlu. Dan hu l-argument wara l-proposta li jitwaqqaf superviżur wieħed għall-Unjoni Ewropea kollha. Taqbel kemm taqbel mal-prinċipju trid tara dan kif ser jintlaħaq fil-prattika. L-ingliżi jħobbu jgħidu li “the devil is in the details”. Għax it-tejorija mod u l-prattika mod ieħor.
Ħafna jħobbu jsaqsu jekk jien inħossnix ottimista jew pessimista dwar is-sejba ta’ soluzzjoni għall-kriżi tal-ewro. Meta inti tkun qiegħed fuq dgħajsa f’nofs ta’ baħar u jkun hemm kurrenti u rwiefen qawwijin ma tantx jgħin li tiddeċiedi li tagħmilha ta’ ottimista jew pessimista. Trid tkun realista. Hemm x’hemm inti trid tasal u trid tasal bil-fors għaliex hemm ħajtek fin-nofs. U hekk hi is-sitwazzjoni tagħna bħalissa. Jekk trid tkun pessimist hemm ħafna raġunijiet għaliex għandek tkun. Jekk inti temmen illi għandna naslu għandek ħafna soluzzjoni minn fejn tagħżel. Jiena persważ li l-ebda pajjiż il-Ġermanja, Franza, l-Italja u oħrajn ma jrid li l-ewro tfalli u ħadd ma għandu dik l-intenzjoni.
– l-orizzont : It-Tnejn, 10 ta’ Settembru, 2012