‘Rating agency’ Ewropea… tagħmel sens?


Moody’s kienet dik l-aġenżija li ħmistax ilu sfiduċjat tista’ tgħid għal kollox lill-Portugall. Qabel kienet għamlet l-istess lill-Greċja u lill-Irlanda, u issa bdiet iddur għall-Italja wkoll. Dan minkejja li dawn il-pajjiżi kien qablu li jimpli­men­taw programmi ta’ miżuri ta’ awsterità bil-għan li jikkon­trol­law is-sitwazzjoni finanzjar­ja u ekonomika ferm ħażina li jinsabu fiha, u bil-pajjiżi taż-Żona Ewro għal-lest biex jgħi­nu. Kull titlu li wieħed jista’ jkollu fuq id-dejn ta’ dawn il-paj­jiżi mdejnin, Moody’s niżż­litu fuq status ta’ ‘junk bonds’. L-aġenziji l-oħrajn Fitch IBCA u Standard and Poor’s qegħdin jagħmlu l-istess.

Il-grad ferm baxx li Moody’s taw lill-Portugall kienet t-tibna li kissret dahar il-ġemel, f’dan il-każ l-Unjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni issa waslet f’li­vell fejn il-Kummissarju għas-Suq Intern, Michael Barnier, jappella lill-Ministri tal-Finan­zi tal-Unjoni Ewropea biex jaraw kif se jikkontrollaw il-poteri li għandħom dawn l-aġen­ziji Amerikani. Tant li qegħdin ikun ikkonsidrat li jkun obbligatorju għal dawn l-aġen­ziji li qabel jagħmlu pubblika d-deċiżjoni tagħhom jinformaw minn qabel lill-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat kif ukoll li r-rapport jixxandar fit-tota­li­tà tiegħu.

It-tliet ‘rating agencies’ li sem­mejna hawn fuq huma bħal bord ta’ eżaminaturi li bħalhom fid-dinja għandna tlieta bi statura globali u għalhekk b’daqshekk influwenza. Dawn jeżaminaw banek, kumpaniji u pajjiżi sħaħ u l-istrumenti jew prodotti ta’ self u investiment. Ċerti prodotti huma mmanifatturati b’mod ikkomplikat ħafna, speċi ta’ ‘rocket science’, li hu diffiċli ħafna tivvaluta u tara x’inhu l-veru riskju marbut magħ­hom. Huwa għalhekk li dawn l-aġenziji huma mgħajtin biex jeżaminaw per eżempju l-istru­menti ta’ investiment li tali istituzzjoni tkun qiegħda tbigħ. Dan isir b’mod li jwassal lill-investitur prospettiv biex ikollu ħjiel sewwa tar-risk­­ju li jkun qed jieħu bi flusu.

Waħda mill-problemi fonda­mentali hi li mhux l-investitur, li filfatt għandu interess ikun jaf l-verità, li jħallas lil dawn l-aġenziji iżda hi dik l-istituzzjoni finazjarja jew paj­jiż li jkun qed ibiegħ dawk il-prodotti finanzjarji li jagħmel dan. Kulħadd jaf li l-interess ta’ min qed ibiegħ u fl-istess ħin iħallas lil dawn l-aġenziji hu li jikseb l-aħjar marki għal prodotti li jkun qed ibiegħ.

Sew għal din ir-raġuni u oħ­rajn ir-‘rating agencies’ żelqu żelqa klassika meta ma ndunawx li t-tsunami finanzjarju riesaq u mxew mal-mewġa ta’ nfieħ u ddikjaraw li kollox kien miexi sew fi żmien il-“boom” meta l-bużżieqa kie­net qiegħda tintefaħ. Aqraw x’kienu jgħidu xi ftit xhur qabel il-kollass finanzjarju. Dan meta xogħolhom kien li jżom­mu għassa.

Ir-riskju ta’ ċerti prodotti kienu jarawh baxx u għalhekk is-swieq ivvalutawhom bi prez­zijiet għoljin kif ħasbu dak- inhar. Wara, instab li dawn il-prodotti kienu tossiċi. Qisek għandek pasta bil-krema li wara jgħidulek li kienet magħ­mula minn ħalib bir-radjo-attività. Meta l-banek indunaw, waqfu jisselfu mingħand xul­xin għax ma bdew jafdaw lil ħadd. X’ġara wara hija parti mill-istorja. Żgur però li minn dakinhar ’l hawn dawn l-aġen­ziji li jagħtu r-‘ratings’ tilfu ħaf­na mill-kredibilità tagħ­hom.

B’riżultat ta’ hekk sew fil-Kungress Amerikan u sew fil-Parlament Ewropew tagħna għaddejna leġiżlazzjonijiet għal darba darbtejn biex iku­nu kkontrollati u rregolati aħjar dawn l-aġenżiji. Ma jfissirx li sibna soluzzjonijiet għall-prob­lemi kollha.

Il-problema tal-aġenżiji llum, speċjalment fejn jolqtu l-pajjiżi taż-Żona Ewro, hi li qegħdin imorru għal darb’oħ­ra mal-kurrent. Din id-darba b’‘over reaction’ f’dak li hu pessimiżmu u biża’ aktar milli għandu jkun hemm. Il-każ tal-Italja, pajjiż li minn kemm ilna niftakru kellha dejn kbir però kienet u għadha tkampa, issa waslet taħt il-lenti ta’ dawk li qegħdin jippanikjaw għall-iċken mossa.

Pajjiżi bħal Spanja u l-Italja sa ftit ilu ma kinux jitqiesu li resqin lejn xi kriżi. Imma bil-mod li bih r-‘rating agencies’ qegħdin iħarsu lejn dawn iż-żewġ pajjiżi, qiegħda tikber l-ispekulazzjoni. Bħalma għedna l-Italja minn dejjem kellha dejn ta’ aktar minn 100% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) tagħħa. Imma issa, li hemm l-ispekulazzjoni u bir-rati tal-imgħax telgħin, ir-‘ra-ting agencies’ jibdew inaqqsu l-marki u allura fl-istess ħin ikun qed jiżdied il-piż tad-dejn fuq l-Italja, li ma jfisser xejn għajr li jkunu qegħdin iress­quha lejn preċipizzju, kif ġara fil-każ tal-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall.

F’din l-eventwalità taħraq bejn l-Unjoni Ewropea u r-‘rating agencies’ wieħed jisten­na li jerġgħu jiġu reveduti r-regoli, jiħraxu, u li ssir insis­tenza għal tweġiba għall-mistoqsijiet akkużatorji fil-konfront tar-‘rating agencies’: għandhom jew m’għandhomx konflitt ta’ interess f’dak li qed jigri? Min qed jibbenifika minn din l-ispekulazzjoni? Hemm min qed jagħmel xi gwadann minn spekulazzjoni kontra pajjiżi li kieku ma spekulawx kontrihom forsi aktar għandhom ċans isalvaw, aktar ikollhom ċans joħorgu mill-kriżi li jinsabu fiha?

Kull darba li l-Kunsill tal-Mi­nistri Ewropej jagħmlu pjan li jaħsbu li hu invinċibli fi ftit jiem jiġu l-aġenżiji u jagħmluħ suf. Spiċċajna f’sitwazzjo-ni fejn jidher li l-aġenziji stess qegħdin jikkontribwixxu biex il-kriżi tmur mill-ħażin għall-agħar.

Huwa għalhekk li l-istituzzjo­nijiet tal-Unjoni Ewropea hu­ma mgħaddbin sew għal dawn l-aġenziji Amerikani li l-aġenda tagħhom qiegħda tkun issuspettata. Il-kliem kull darba jaqa’ dwar jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex ikollha, toħloq, ‘credit rating agency’ hi, bħalma wara kollox għand­ha istituzzjonijiet oħrajn bħal­ma huma l-Bank Ċentrali Ew­ropew u l-Bank tal-Investiment Ewropew. Aġenzija indi­pen­denti u ta’ ċerta statura li l-opinjoni tagħha tkun tikkom­peti mal-opinjoni tal-‘credit rating agencies’ l-oħrajn.

M’hemm ebda dubju li dan jista’ jsir. Imma kull darba li tissemma din il-possibbiltà kull darba u tista’ tgħid b’mod immedjat, tqum il-mistoqsija dwar il-kredibilità ta’ tali aġen­żija.

Il-kredibblità f’dan il-każ ma tridx tkun iċċertifikata mill-Ewropa. Il-kredibbiltà tik­sib­­ha minn kif iħarsu lejn l-aġen­zija pajjiżi barra mill-Ew­ropa, mill-mod kif iħarsu lej­ha l-paj­jiżi Asjatiċi, l-Amerika u ċ-Ċina. Mill-mod kif ikunu qegħ­din jiżnu istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li qiegħda tagħti marki lil pajjiżi membri tagħha stess. Tali kredibbiltà tkun ifjen mill-kristall.

Bla dubju dak li għamlu Moody’s u Fitch fil-konfront tal-Portugall u l-Greċja rispettivament kompla ħeġġeġ in-nar. Is-sitwazzjoni kompliet marret għall-agħar, bħal marda li qed tinfirex, b’pajjiż jittieħed wieħed mill-ieħor.

Jingħad x’jingħad fil-konfront tar-‘rating agencies’, la m’hemm xejn aktar fuqiex taqa’ meta tasal biex tinvesti, wieħed irid, u jkollu, jagħti attenzjoni għal dak li jkunu qegħdin jgħidu huma.

Kemm bħala Unjoni Ewropea kif ukoll bħala Żona Ewro nemmen li dak li l-aħjar isir huwa li tingħata ħarsa sewwa fil-mera u naraw politikament x’pakkett ta’ riformi jridu jsiru biex l-investitur ikollu fiduċja ferm aktar fiż-Żona Ewro. L-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ew­ro jridu jaħdmu f’din id-direzz­joni, iridu jsibu r-rimedju addat­tat. Meta noħorgu mil-kriżi, mbagħad ħa nfasslu ‘rating agency Ewropea’.

l-orizzont – It-Tnejn 18.07.2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *