Ma nafx kinitx koinċidenza jew le li nkun appuntat rapporteur fuq ir-Rapport ta’ Opinjoni dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew għal tibdil fit-Trattat Ewropew biex ikun jista’ jitwaqqaf Mekkaniżmu għal Stabbiltà Permanenti għaż-Żona Ewro. Kienet x’kienet, ħassejtni xxokkjat x’ħin rajt x’kien qed jiġi propost għax mill-ewwel irrealizzajt li dak propost jista’ jfisser li Malta għalkemm tikkontribwixxi għalih finanzjarjament, tista’ ma tibbenefikax minnu jekk tiġi bżonnu.
Fhimt mill-ewwel ukoll li kien ifisser li biex inċaqilqu lill-Kunsill Ewropew minn dak li kienu qegħdin jipproponu, u li miegħu ironikament qablu l-Gvernijiet tas-27 pajjiż membru, inkluż il-Gvern Malti, kienet inħolqot sitwazzjoni fejn nemusa trid tikkumbatti ljunfant. Għax daqshekk hi d-differenza bejn Malta u l-Ġermanja u hu fatt magħruf li dak propost hu dak li trid il-Ġermanja.
Ir-Rapport ta’ Opinjoni inkwistjoni hu differenti minn rapporti oħrajn kemm fin-natura tiegħu kif ukoll fit-tul ta’ żmien tal-proċess tiegħu. Differenzi li qegħdin jagħmlu pressjoni kbira fuq kulħadd.
Irrid infakkar x’inhu l-qofol ta’ dan kollu, il-qofol tal-proposta tal-Kunsill Ewropew. Fir-rigward ta’ dan, il-paragrafu krucjali jgħid li “the Member States whose currency is the euro may establish a stability mechanism to be activated if indispensable to safeguard the stability of the euro area as a whole. The granting of any required financial assistance under the mechanism will be made subject to strict conditionality.”
Il-proposta tal-Kunsill Ewropew għal tibdil fit-Trattat ġiet malajr. Ġiet mill-Gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, bil-mutur warajha hija l-Ġermanja, li trid li r-Rapport ta’ Opinjoni jgħaddi mill-Parlament Ewropew f’terminu ta’ ftit ġimgħat.
Il-Ġermanja trid tibdil fit-Trattat għar-raġuni biex ma tkunx vulnerabbli fil-Qrati Ġermaniżi. Trid l-affarijiet sew anke jekk hemm min jgħid li din it-triq hija ta’ riskju bla bżonn. Għalkemm it-tibdil jissejjaħ sempliċi, xorta jinħtieġlu r-ratifika ta’ 27 pajjiż. Dan jafu kulħadd. Il-Ġermanja se toħroġ kważi kwart ta’ dan il-fond għax hi kbira u hi b’saħħitha. Trid turi l-votanti u ‘taxpayers’ Ġermaniżi li dawn il-flus mhux se jiġu użati frivolożament, kif ġieb u laħaq. U allura trid li dan il-mekkaniżmu permanenti jkun attivat biss f’każ li jkun jidher indispensabbli li l-istabbiltà taż-Żona Ewro sħiħa tkun mhedda.
Il-punt li qed ninsisti fuqu jien hu li l-mekkaniżmu inkwistjoni m’għandux jiġi kkumplikat legalment u għandu jkun użat fil-konfront ta’ kull pajjiż membru taż-Żona Ewro.
Qed insostni dan għax wara kollox Malta diġà kkontribwiet €27 miljun fil-każ tal-Greċja u għamlet garanzija għal daqstant ieħor fil-każ tal-Irlanda. La qegħdin nikkontribwixxu għandu b’xi mod ikun garantit li nkunu nistgħu nibbenefikaw.
Biex nagħti ħjiel tad-differenza fir-rigward taż-żmien “allokat” għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport biżżejjed ngħid li normalment kull rapport jieħu medda ta’ żmien li tvarja minn sitt xhur sa sena minn mindu jingħażel lil liema grupp Parlamentari jingħata biex iħejjieh sakemm jittieħed vot finali fuqu.
Il-grupp magħżul jassenja l-inkarigu lil Membru Parlamentari Ewropew partikolari. Fl-ewwel laqgħa fi ħdan il-kumitat tiegħu, fil-każ tiegħi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON), ir-rapporteur jagħti l-ħsieb ewlieni tiegħu. Wara jħejji abbozz ta’ rapport li jressqu għad-diskussjoni fil-kumitat biex fit-tielet laqgħa jressaq ir-rapport finali. Issir traduzzjoni tiegħu fil-lingwi kollha tal-pajjiżi rappreżentati fil-Parlament Ewropew u jkun iffissat terminu ta’ żmien biex isiru emendi għal dak propost.
Issir diskussjoni fuq l-emendi u jittieħed vot dwaru fil-kumitat ikkonċernat biex finalment dak maqbul jintbagħat quddiem is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fejn jittieħed vot fuqu.
Fil-każ tar-rapport inkwistjoni jien u l-co-rapporteur l-ieħor kellna żmien tlett ijiem biss biex inħejjuh. Tul il-ġimgħa li għaddiet ridna nressqu r-rapport u niddiskutuh fil-gruppi politiċi rispettivi, l-S&D fir-rigward tiegħi u l-EPP fir-rigward tal-co-rapporteur l-ieħor, Jean-Paul Gauzes, kordinatur tal-EPP.
Spjegajt għaliex qed nipproponi tibdil dwar fejn ma naqbilx mal-Kunsill Ewropew dwar il-kliem li għandu jinkiteb meta jitbiddel it-Trattat, xi ħaġa li hija delikatissima.
Hemm min jaħseb li dan it-tibdil ma kellux isir. Hemm min ma jimpurtahx il-fatt li ż-żgħir, bħal Malta, jista’ jbati xi konsegwenzi u hemm min moħħu f’affarijiet oħrajn ta’ proċeduri. Hemm min jgħid li m’hemmx bżonn li jitbiddel it-trattat għax hemm ipprovdut biżżejjed biex dan il-mekkaniżmu jitwaqqaf mingħajr il-ħtieġa ta’ tibdil fit-trattat. Hemm min qed jibża’ li pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, bħall-Ingilterra jew ir-Repubblika Ċeka, ma jaqblux u jżommu lil kulħadd jistenna, xi ħaġa li diġà grat fl-imgħoddi.
Dan biex nuri kemm huma kbar r-riskji li hemm u hu għalhekk li d-diskussjoni ssir fuq livelli varji. Jien tkellimt mil-lat ekonomiku għax nemmen li kif inhu propost it-tibdil jista’ jkun ta’ dannu għal pajjiżna.
Sadanittant, irridu nibqgħu nżommu quddiem għajnejna li mal-Parlament Ewropew il-Kunsill qiegħed jikkonsulta u mhux marbut li jagħmel tiegħu dak li jgħid il-Parlament Ewropew.
F’nofs il-ġimgħa l-oħra tkellimt ukoll fil-Grupp Soċjalista tal-Parlament Ewropew, l-S&D fil-preżenza tal-Kap tal-Grupp, Martin Schultz. Hu ta’ sodisfazzjon li għandi l-appoġġ tal-Grupp Soċjalista. Saru konsultazzjonijiet ma’ Gvernijiet Soċjalisti ta’ pajjiżi membri stati tal-Unjoni Ewropea. Qegħdin nifirxu ’l barra mill-Parlament biex inkunu konsistenti mal-mod kif l-S&D fil-Parlament Ewropew u anke fl-Ewropa jħares lejn dan is-suġġett.
Iktar importanti kelli laqgħat mal-Gruppi Politiċi l-oħrajn fil-Parlament Ewropew, fosthom il-grupp tal-EPP u anke l-Liberali biex magħhom nipprovaw naslu f’kompromess. Ma kinitx faċli. Ipprovajna ħafna verżjonijiet qabel ma lħaqna kompromess fuq dan il-paragrafu kruċjali u anke fuq il-post addattat fejn għandu jidher fit-trattat. Iffirmajna dan il-kompromess.
Nhar il-Ħamis li ġej ikollna l-aħħar diskussjoni fuqu fil-Kumitat ECON u t-Tnejn ta’ wara jittieħed il-vot. Inżommkom aġġornati.
www.orrizont.com – 7 ta’ Frar, 2011