Nhar l-Erbgħa li għadda l-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza kbira rapport li tressaq mill-Kumitat tal-Kostituzzjoni (AFCO) wara li l-Kumitat tagħna (ECON) konna approvajna u għaddejnielu opinjoni li tagħha kont ‘co-rapporteur’. Ir-rapport jittratta dwar tibdil fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea (UE). Tibdil li wara li ġie maqbul mill-Kunsill, l-għada, bih se jkun jista’ jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ stabbiltà permanenti li qed jissejjaħ European Stability Mechanism (ESM). Se jintuża f’każ li xi pajjiż membru taż-Żona Ewro jsib ruħu f’xi kriżi finanzjarja u ekonomika u b’hekk jhedded l-istabilità taż-Żona Ewro. Ivvotaw favur ir-Rapport 494. Kien hemm 100 kontra u disa’ astensjonijiet.
Is-sodisfazzjon kbir tiegħi b’dan il-vot huwa dovut għall-fatt li dan il-mekkaniżmu, aħna fil-Parlament irnexxielna nbiddlulu s-sura tiegħu minn dik li oriġinalment kif propost mill-Kunsill f’Diċembru li għadda. Dakinhar kien wisq xott u inflessibbli. Kien qed jagħti l-impressjoni li kien l-bidu u t-tmiem biex jagħlaq ħalq is-swieq finanzjarji internazzjonali li bdew jheżżu l-pedamenti taż-Żona Ewro. Li kien għal Angela Merkel il-fond temporanju kellu jagħlaq fl-2013 u l-istorja kellha tieqaf hemm. Meta s-swieq urew li dan mhux aċċettabli l-Gvern ta’ Merkel kellu jdawwar ħsiebu u jipproponi li jitwaqqaf mekkaniżmu permanenti.
Kien hemm però intoppi legali u politiċi fil-Ġermanja. Merkel sostniet għalhekk li jinbidel it-Trattat biex isserraħ rasha. Kien għalhekk fuq instigazzjoni tal-Ġermanja li kienet qiegħda tingħata l-impressjoni fil-Kunsill li ma kienx hemm triq oħra ħlief li jinbidel it-Trattat.
If-fatti kienu juru mod ieħor. Esperti legali fil-Parlament kienu tal-fehma li kien hemm toroq oħra u interpretazzjonijiet ta’ partijiet oħra tat-Trattat li setgħu ntużaw biex jitwaqqaf dan il-Fond jew mekkaniżmu mingħajr il-proċess riskjuż li jinbidel it-Trattat. Il-Ġermanja, li hi l-ikbar pajjiż u għalhekk l-ikbar kontributur għal dan il-mekkaniżmu, riedet mod ieħor għax beżgħet li tiġi mfittxija fil-qrati tagħha. Is-16-il pajjiż l-ieħor baxxew rashom u ċedew għal dan il-proċess.
Il-Kunsill iddeċieda wkoll xi ħaġa kontroversjali li tmur kontra l-prinċipju komunitarju li s’issa kulħadd kien jaħseb li fuqu kien se jimxi kull mekkaniżmu. Dan kien li dan il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà jitmexxa biss mill-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea jiġifieri f’idejn il-Kunsill. Il-Parlament se jitħalla barra u l-Kummissjoni tkun speċi ta’ osservatur. Mhux ta’ b’xejn li aħna fil-Parlament kellna ħafna oġġezzjonijiet.
Dwar il-kliem speċifiku li kellu jidħol jien ukoll ħassejt theddida. Biex tbigħ dan il-Fond lill-poplu Ġermaniż Merkel insistiet li l-flus jiġu msellfa BISS jekk l-istabbiltà taż-Żona Ewro sħiħa kellha tiġi mhedda. Fil-fatt dokument li għaddewli baxx baxx mill-Kunsill dwar kif kien biħsiebu jitħaddem dan il-mekkaniżmu kien jgħid li pajjiż fiż-Żona Ewro li jiġi bżonn self minn dan il-fond ried jipprova biċ-ċar li ż-Żona sħiħa kienet qed tiġi mhedda mill-kriżi ta’ pajjiżu. Jekk ma jirnexxilux jagħmel dan jibqa’ b’xejn. Dan għall-Ġermanja kien prinċipju fundamentali li ġie mwiegħed lill-poplu Ġermaniż.
Jien ħassejt li l-Kunsill kien qed jitkellem b’żewġt iħluq. Min-naħa jitkellem fuq solidarjetà għal kull pajjiż tal-ewro, u min-naħa l-oħra l-kliem propost fit-Trattat jgħid mod ieħor. U biex jikkonferma dan, Shauble, il-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż f’laqgħa li jiena u sħabi kellna miegħu, ikkonferma l-istess intenzjoni tal-mekkaniżmu permanenti – li l-Fond qiegħed hemm mhux għax il-membru stat jaqa’ fi kriżi imma għax l-istabbiltà taż-Żona tiġi mhedda.
Kif kien qed jiġi ssuġġerit mhux talli ma kienx jgħin lil pajjiżi żgħar bħal Malta li jistgħu jsibu ruħhom fi kriżi, talli konna se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn nikkontribwixxu bilfors għal dan il-fond u ma kien se jkollna ebda garanzija li nistgħu nibbenefikaw minnu f’każ ta’ bżonn. Dan peress li kbira kemm tkun kbira l-problema għal Malta, diffiċli ferm li din se tiddistabilizza liż-Żona Ewro kollha kemm hi.
L-ESM se jkun forma ta’ assigurazzjoni. Assigurazzjoni li ħadd ma jkun jixtieq jiġi bżonnha. Bħal kull assigurazzjoni oħra, kemm jekk hi fuq karozza, fuq darek, fuq ħajtek. Ħadd ma jkun irid li jiġrilu xi deni biex imbagħad jirrikorri għand il-kumpanija tal-assigurazzjoni! Tkun ġennata.
Is-sodisfazzjon tiegħi joħroġ mill-fatt li issa din l-assigurazzjoni – l-ESM – li għali- ha Malta se tkun qiegħda tikkontribwixxi finanzjarjament, ISSA se tkun qed tiggarantixxi wkoll. Sa FTIT ĠIMGĦAT ilu dan ma kienx il-każ.
Irrid ngħid li kellu jsir ħafna xogħol biex din is-sitwazzjoni ma tibqax kif proposta. Irnexxieli nikkonvinċi lill-gruppi politiċi prinċipali fl-ECON u ġie approvat tibdil li kont qed naħdem għalih jien. Sadattant kellhom isiru negozjati oħra fi ħdan l-AFCO u minn hemm irnexxielna ngħaddu wkoll.
Mal-Kunsill ma kienx daqstant faċli għax għal kull suġġeriment ried ikun hemm il-kunsens ta’ Shauble li kien jintbagħtlu kollox, imma finalment wasalna għal kompromess. Dan il-kompromess fil-fatt ġie approvat il-Ħamis fil-Parlament u l-għada l-Ġimgħa fil-Kunsill. Skont ma qalli l-konsulent tal-President Van Rompuy, Richard Corbett, dan il-kompromess se jkun anness mat-Trattat. Il-paragrafu tiegħi jgħid li kull membru stat taż-Żona Ewro, u li allura l-munita tiegħu hija l-ewro, u li se jkun qed jikkontribwixxi għal dan il-mekkaniżmu (ESM), ikollu aċċess għalih, indipendentement mid-daqs tiegħu.
Bħala kapital bażiku l-ESM se jkollu €80 biljun u €620 biljun f’garanziji. Biex iżomm ir-rating AAA, il-linja ta’ kreditu ma taqbiżx il-€500 biljun. L-ESM jidħol fis-seħħ fis-sena 2013, u se jkunu qegħdin jikkontribwixxu għalih is-17-il pajjiż membru taż-Żona Ewro.
Huwa ovvju li tqum il-mistoqsija: kemm se jikkontribwixxi kull pajjiż membru taż-Żona Ewro għal dan il-mekkaniżmu? Kull pajjiż se jikkontribwixxi parti waħda skont il-Prodott Gross Domestiku (PGD) u parti oħra skont il-popolazzjoni tiegħu. Il-pajjiżi żgħar l-inqas żviluppati jippreferu għax jaqblilhom li kieku jikkontribwixxu skont il-PGD biss. Fil-fatt Malta, Ċipru, l-Estonia u s-Slovakkja talbu li l-formula fil-każ tagħhom tiġi kemm xejn immodifikata biex ma jiġux ippenalizzati. Dan fil-fatt ġie aċċettat. Malta se tħallas is-somma ta’ €56 miljun.
Fuq dawn il-flus ikun qed jittieħed l-imgħax, iżda l-punt huwa li qed tieħu sogru. Jekk, kif ħafna qed ibassru, il-Greċja u l-Irlanda jkollhom jirristrutturaw id-dejn tagħhom, dan ifisser li min isellef ikollu jsofri xi perċentwal ta’ telf fuq is-self li jkun għamel lil dawn il-pajjiżi.
Għandu jingħad bl-aktar mod ċar li l-ESM se jkun qiegħed hemm biex jgħin u biex isellef il-flus lil dak il-pajjiż li ħadd ma jrid li jsellfilhom, u mhux se jkun qed isolvi l-problemi ekonomiċi tal-pajjiż. L-ekonomija biex tqum fuq saqajha trid aktar min hekk. Kif fissirt id-darba l-oħra hu maħsub li dawk li jkunu waqgħu fi kriżi se jkun hemm lest għalihom sanzjonijiet kbar. Żid magħhom li dan is-self mill-ESM se jsir fuq “kundizzjonalitajiet stretti”. Dan il-kliem li l-Ġermanja insistiet li jitpoġġew fit-Trattat ifissru li meta jingħata s-self il-pajjiż jintrabat li josserva programm ta’ awsterità li bħalu ntrabtu l-Greċja u l-Irlanda, reġim ta’ tbatija li ma jiggarantixxix qawmien ekonomiku ta’ malajr. Mhux ta’ b’xejn li ħadd ma jrid juża dan il-Fond ta’ stabbilità.
Għalhekk fid-dibattitu fil-kumitat tiegħi kont għedt li ma jagħmilx sens li l-Ġermanja qed tagħmilha diffiċli li pajjiż jibda juża dan il-mekkanizmu ta’ stabbiltà bil-kliem “activated, if indispensable” meta llum nafu li ħadd ma jrid jużah minħabba r-riperkussjonijiet negattivi tiegħu.
Sadanittant l-ESM issa jonqsu jikseb l-approvazzjoni ta’ kull Parlament Nazzjonali tal-pajjiżi membri tal-UE.
Ftit tal-ġimgħat ilu kont ġejt ikkritikat fil-Parlament Malti talli kont qed nistin- ka biex pajjiżna mhux biss jikkontribwixxi għall-ESM, ikun x’ikun l-ammont, imma jkun assigurat li f’każ ta’ bżonn din l-għajnuna jfittixha u jsibha. Kont ikkritikat għax skont il-Prim Ministru kont qed nagħti l-impressjoni li Malta setgħet qiegħda f’xi periklu! Bħalma jgħidu l-Ingliżi “The less said the better”. Pajjiżna ħa dak li kien jixraqlu. Nisperaw li t-tagħlima li nitkellmu meta jkollna raġun, żgħar kemm aħna żgħar, neħduha darba għal dejjem.