Aktar kmieni din il-ġimgħa kont għal laqgħat fi Brussell. Fost dawn il-laqgħat kellna dik tal-EUROGROUP li tiġbor il-Ministri għall-Finanzi tal-membri stati fiż-żona ewro, u kif ukoll tal-ECOFIN li tiġbor il-ministri tal-membri stati kollha.
Dawn iż-żewġ laqgħat ġibdu l-interess tal-midja nternazzjonali. Filfatt ġejt intervistat minn Bloomberg, stazzjon televiżiv ferm importanti. Jista’ jkun li dawn il-laqgħat ġibdu nteress kbir minħabba s-suġġetti jaħarqu li ġew diskussi fihom. Għalhekk il-midja trid tkun taf kif aħna bħala Ministri għall-Finanzi nħarsu lejn dawn il-kwistjonijiet, ewlenin fosthom il-Brexit.
Hawn min jgħid li ġbajna nisimgħu fuq dan is-suġġett, iżda r-riperkussjonijiet huma ferm kbar biex jiġu njorati. Ġaladarba tasal id-data li fiha l-Ingilterra toħroġ b’mod uffiċjali mill-Unjoni Ewropea u jkun għandu ma ntlaħaqx ftehim, din ser tkun traġika mmens. Dan għaliex f’daqqa waħda pajjiż li ilu membru sħiħ għal snin twal isir pajjiż terz b’kull ftehim Ewropej jaqa’. Per eżempju s-sajjieda għadhom ma jafux x’se jagħmlu jekk jistgħux jistadu jew le f’ċertu żoni li llum huma komuni. L-esportazzjoni mhux se tkun daqshekk faċli lanqas. Ilum l-esportazzjoni lejn u mir-Renju Unit qisha bħal dik bejn Malta għal Għawdex. Bla ftehim ser tkun iżjed ikkumplikata u tixxiebaħ mal-esportazzjoni lejn il-Messiku. Fl-intervista tiegħi ddiskrivejt dan kollhu bħala bomba atomika, għax is-sitwazzjoni hi waħda veru katastrofika. Dan għaliex jista’ jkun hemm ħafna negozji kbar u żgħar li jagħlqu u nies jispiċċaw mingħajr impjieg.
Din is-sitwazzjoni mhux biss se tolqot lill-Ingilterra biss, iżda anke pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropeja. Minn naħa l-oħra pajjiżna bħal l-Irlanda huwa l-eqreb pajjiż lejn l-Ingilterra fil-lingwa, l-edukazzjoni, sistema ġudizzjarja eċċ. Għalhekk nifmhu iżjed lil xulxin. Frott ta’ din ir-relazzjoni tajba bejn Malta u l-Ingilterra, diversi negozji fl-Ingilterra li jixtiequ jibqgħu fl-Unjoni Ewropeja juru x-xewqa li qed jirrilokaw l-uffiċini tagħhom lejn pajjiżna. Allura tista tgħid li f’sitwazzjoni f’daqshekk ħażina hemm xi ħaġa tajba.
Suġġett ieħor li jinkwieta lill-Ewropej hu l-Italja. Ilkoll nafu li bħalissa l-Italja għadejja minn instabilita’ kbira u li dan kollhu qed jolqot b’mod dirett lilna speċjalment dwar l-imigrazzjoni. Nafu l-problemi huma wkoll relatati mal-baġit tagħhom, u l-fatt li issa sar tbassir mill-Unjoni Ewropea, fejn it-tkabbir ekonomiku fl-Italja huwa inqas minn dak li bassar il-Gvern Taljan innifsu. Il-piż tad-dejn u l-piż tad-defiċit jikbru kull darba li int ma għandekx tkabbir sodisfaċenti tal-prodott domestiku gross.
Il-midja kienet skjetta ssaqsini fuq l-Italja. Ir-risposta tiegħi ma kinitx negattiva daqs kemm kienu qed jistennew. Għidtilom li l-Gvern Taljan ġdid u qed jitgħallem, u filfatt ġurnata wara ġurnata l-affarijiet qegħdin jimmoderaw xi ftit.
Suġġett ieħor importanti f’dawn il-laqgħat li kellna fi Brussel, spikkat l-imbuttattura ta’ Franza, li trid toħloq baġit apposta għaż-żona ewro. Dan trid tagħmlu għal meta jinqala’ l-inkwiet jew inkella l-ekonomiji tal-pajjiżi ma jkunux sejrin daqshekk tajjeb. Iżda wieħed jistaqsi minn fejn se jiġu l-flus sabiex jinħoloq dan il-baġit ġdid, se jiġu ntrodotti taxxa ġodda?
Malta u wisq anqas pajjiżi oħra ma jixtiequx li jiġu vvintatti xi taxxi ġodda. Bħala pajjiżi lura f’Diċembru ftehmna li jekk ikun hemm il-bżonn jittieħdu xi ftit tal-fondi mill-baġit eżistenti. Iżda ċċarajna l-fatt li aħna kontra li jiġi kreat baġit ġdid. Ma’ Malta għal dan il-għan ingħaqdet l-Olanda, l-Lussemburgu, l-Irlanda u ħafna pajjiżi oħra. Qbilna li ma għandux ikun hemm baġit ieħor imma fond li qed hemm għal meta tagħmel ix-xita ekonomika, ‘A Rainy Day Fund’.
Dan ikun hemm biex jgħin ċertu pajjiżi li jiltaqgħu ma xi saram ekonomiku. Dan jista’ jsir mingħajr introduzzjoni ta’ taxxi ġodda. Ġaladarba niġu għal qbil, awtomatikament niġu għal proposta oħra li ġiet imressqa mill-Kummissjoni Ewropea. Din hi dwar il-mod kif jintlaħaq qbil fuq it-taxxi.
It-trattati tal-Unjoni Ewropeja huma ċari u tondi; jrid ikun hemm unanimita’ meta jsir il-qbil. Dan ma jfissirx li qatt mhu ser ikun hemm qbil, kif fil-fatt ġara. Jiġifieri din l-imbutattura ta’ Franza biex inneħħu l-unanimita’ u jdaħħlu l-maġġoranza kwalifikata’, tfisser li l-pajjiżi l-kbar ikunu jistgħu jagħmlu li jridu kontra r-rieda taż-żgħar.
Il-pajjiżi żgħar u mezzana kienu kollha kontra li tispiċċa l-unanimita’ fil-votazzjoni dwar taxxi. L-unika pajjiżi favur kienu l-ħames pajjiżi l-kbar fl-Unjoni Ewropea. Għamiltha ċara ħafna li s-sistema eżistenti ma telfitx li jintlaħaq qbil fis-snin passati. Dan għax fost oħrajn kien hemm ħafna drabi li lħaqna qbil bħal dak fuq id-direttivi li jitrattaw it-taxxa bħal dak li niskambjaw l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fit-28 pajjiż membru tal-Unjoni. Daħħalna miżuri biex ma jkunx hemm evażjoni ta’ taxxa eċċ eċċ. Jiġifieri l-iskuża li aħna ma aħniex naslu għax ma għandniex unamilita’ mhix veru. Din hi biss muntatura ta’ pajjiżi kbar biex jippruvaw iżidu s-saħħa tagħhom fil-kunsill u jindaħlu kif jitmexxew il-pajjiżi żgħar. Mhux ta’ b’xejn din il-proposta ntlaqtet minn reżistenza qawwija.
Bħal ma qegħdin taraw is-suġetti mitkellma fil-Kunsill tal-Ministri huma interessanti għax jafettwaw lil ħajjitna. Huwa fl-interess tagħna l-Maltin u Għawdxin li nsegwu dak li jkun qiegħed jiġri fi Brussell.
Il-Ġimgħa 15 ta’ Frar 2019
3 responses to “Brexit bla Ftehim ikun Katastrofiku”
Your article helped me a lot, is there any more related content? Thanks!
Can you be more specific about the content of your article? After reading it, I still have some doubts. Hope you can help me.
Thank you for your sharing. I am worried that I lack creative ideas. It is your article that makes me full of hope. Thank you. But, I have a question, can you help me?