Il-ġimgħa li għaddiet, l-attenzjoni tad-dinja finanzjarja reġgħet kienet iffokata fuq l-Ewropa minħabba l-kriżi fiż-Żona Ewro. Fl-istess ġimgħa, il-Ministri tal-Finanzi taż-Żona Ewro reġgħu ltaqgħu biex jaraw kif se jilqgħu għal din il-kriżi.
Anke l-Parlament Ewropew iltaqa’ f’Sessjoni Plenarja nhar il-Ħamis li għadda fejn il-futur tal-eurobonds u l-kriżi tad-djun kienet it-tema prinċipali tad-dibattitu li sar fil-Parlament fil-preżenza tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi.
Fl-indirizz tiegħi f’din is-Sessjoni Plenarja spjegajt li r-raġuni li ninsabu f’xifer ta’ katastrofi ekonomiku hu aktar minħabba li sar hekk kawża ta’ strateġija maħsuba minn xi Stati Membri li aktar kmieni din is-sena injoraw soluzzjonijiet bħall-Eurobonds u maħfriet tal-banek fuq id-djun (voluntary haircuts) u ffokaw biss fuq programmi ta’ awsterità u sanzjonijiet.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija Olli Rehn innifsu l-ġimgħa li għaddiet qal li l-Ewropa għandha għaxart ijiem żmien biex tiddeċiedi kif se tilqa’ għal din il-kriżi. Hawn min interpreta din it-twissija bħala tattika biex tbeżża’ filwaqt li oħrajn qalu li din l-istqarrija hi prova ta’ kemm tassew is-sitwazzjoni hi ħażina.
Jiena ngħid li ż-żewġ verżjonijiet jagħmlu sens. Il-verità hi li qiegħda tiżviluppa nixfa ta’ likwidità bankarja, l-istess bħalma ġara wara l-waqgħa ta’ Lehman Brothers f’Settembru tal-2008. Biex l-ekonomija ddur, il-banek u n-negozji jridu l-flus u meta ma jkunx hemm flus kollox jiġġammja. U dan li qed jiġri.
Dan l-aħħar il-Banek Ċentrali l-kbar tad-dinja jiġifieri, il-Kanada, il-Ġappun, l-Ingilterra u anke tal-Unjoni Ewropea ftehmu biex jippompjaw il-flus ħalli jżidu l-likwidità globali. Fiż-Żona Ewro din il-problema qiegħda tiggrava għar-raġuni li l-investituri finanzjarji minn barra ż-Żona Ewro qegħdin jaħarbu miż-żona għax m’hemmx fiduċja li l-mexxejja tal-istati membri se jsibu soluzzjoni fil-ħin.
Il-verità hi li l-mexxejja tal-pajjiżi taż-Żona Ewro jafu x’inhuma s-soluzzjonijiet. Huma mhux qegħdin jaqblu dwar kif u meta jimplimentawhom. Meta jiġri hekk, kumpaniji kbar li normalment jixtru l-bonds tal-gvernijiet fiż-Żona Ewro jew fl-Unjoni Ewropea issa qegħdin jgħidu li jippreferu jew li l-flus iżommuhom bħala ‘cash’ jew inkella jinvestuhom x’imkien ieħor.
Din hi l-prova, sfortunatament, li ż-Żona qiegħda fil-fatt fix-xifer li tikkollassa u tista’ tniżżel l-ekonomija globali magħha. Dan iġib miegħu diżastru ekonomiku li s’issa rnexxielna naħarbu.
Biex iż-Żona toħroġ minn din il-kriżi tad-djun kbar li għandha, hemm bżonn flus kbar. Jissemmew triljun jew iżjed ta’ ewro biex ikomplu jintużaw bħala ‘bail-outs’ fil-każ li l-Italja u forsi anke Spanja jkollhom bżonnhom. Però f’dan il-każ lanqas il-Fond Monetarju Internazzjonali m’għandu triljun xi jsellef liż-Żona Ewro aħseb u ara kemm għandhom il-pajjiżi taż-Żona Ewro bejniethom. Ħu lil Malta bħala eżempju.
Pajjiżna ma jiflaħx jagħmel garanziji iżjed għal dan il-fond temporanju Ewropew ta’ stabilità. L-iżjed meta iktar ma jikber in-numru ta’ pajjiżi li jkollhom bżonnu jonqos in-numru ta’ pajjiżi li jikkontribwixxu. Il-piż għalhekk jogħla d-doppju. U allura wieħed jistaqsi x’inhuma s-soluzzjonijiet?
Waħda minnhom hija li dan il-fond jieħu liċenzja ta’ bank u allura jkun jista’ jsellef iżjed milli jkollu, dak li jgħidulu ‘leaverage’, xi ħaġa li kull bank jagħmilha. Sakemm tkun moderata din tista’ tagħmel il-ġid.
Mod ieħor hu li jkun hemm ftehim biex iż-Żona Ewro toħroġ bonds Ewropej, Eurobonds.
Fil-fatt, jien għadni kemm inħtart bħala l-kelliem tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq il-eurobonds u qed ninnegozja l-pożizzjoni tal-grupp tiegħi mal-gruppi l-oħrajn dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni bit-tema “Għażliet dwar Bonds ta’ Stabilità” li mistennija twassal għal leġiżlazzjoni s-sena d-dieħla. Diġà bdejna naħdmu fuq dan ir-rapport għax il-Kummissjoni trid risposta u trid ukoll li jgħaddi mill-Parlament malajr.
Fil-fatt għal dawn l-aħħar tmien xhur flimkien mal- Ewro-parlamentari Liberali Sylvie Goulard ħdimna kemm flaħna biex tiġi aċċettata din il-proposta dwar il-Eurobonds bħala parti mill-pakkett dwar il-governanza, magħruf bħala ‘six pack’. Iżda sew il-konservattivi u iżjed u iżjed il-Kunsill kienu kontra. Issa ġew fi kliemna u l-Kummissjoni hija favur. Merkel għadha qiegħda ssostni li hi kontra.
Din hi soluzzjoni li tixbaħ il-ġonġol tal-ħrafa tal-qattus u l-ġrieden. Min se jdendlu ma’ għonq il-qattus li llum hi l-Ġermanja. F’kelma oħra wieħed irid jindirizza żewġ kunċetti importanti ħafna biex tissolva l-kriżi. Meta tagħsar kollox issib li l-ewwel nett li hemm bżonn minn naħa waħda li jkun hemm dik li jgħidula ‘joint liability’, jiġifieri solidarjetà li l-istati membri kollha fiż-Żona flimkien jagħmlu tajjeb għal xulxin. Min-naħa l-oħra trid tiġi indirizzata l-kwistjoni li nirreferu għaliha bħala ‘moral hazard’.
Dan ifisser li l-problema li l-Ġermanja mhix lesta li tkun solidali b’mod assolut u lanqas tħalli l-Bank Ċentrali jagħmel dan, għax m’għandhiex garanziji li min se jirċievi dawn il-benefiċċji u garanziji ma jabbużax minn dan. U jkompli fejn ħalla qabel. Ikompli jirkeb fuq il-Ġermanja bħalma għamel minn meta twaqqfet l-Ewro. Hu għalhekk li l-Ġermanja tibża’ minn dan ix-xenarju. B’moħħ kompletament legalistiku l-Ġermaniżi jridu tibdil fit-Trattati biex jiżguraw id-drittijiet tagħhom fuq l-oħrajn jekk ma jżommux kelmthom. Ma tagħtihomx tort. Il-problema hi li d-dinja finanzjarja mhux lesta tistenna għal dan.
Kieku s-soluzzjonijiet jiġu implimentati u l-pajjiżi jimponu dixxiplina stretta fuqhom infushom u fl-istess ħin ikun hemm il-‘joint liability’, jiġifieri li l-pajjiżi kollha jagħmlu tajjeb għal xulxin, allura d-dinja terġa’ tikseb il-fiduċja fiż-Żona Ewro u din il-kriżi tgħaddi bħalma għaddew kriżijiet oħrajn fl-imgħoddi.
Ħafna jistaqsuni li bħala Maltin, meta jisimgħu dan kollu, x’jistgħu jagħmlu bi flushom li għandhom imwarrbin u investiti x’imkien. Mhux faċli li wieħed jagħti parir f’dawn iż-żminijiet mhux normali. Kieku l-parir se nagħtih fi żminijiet normali wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-inflazzjoni jew ir-rata tal-kambju aħjar jew l-andament fuq l-‘istock exchange’. Dawn huma affarijiet normali li wieħed il-flus tiegħu joħroġhom minn naħa u jitfagħhom naħa oħra biex inaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju u fl-istess ħin jieħu kemm jista’ imgħax fuq il-kapital li jkollu. Però fiċ-ċirkostanzi tal-lum l-aħjar parir hu li ma ċċaqlaq xejn għal xejn. Huwa ironiku li wieħed jitkellem b’dan il-mod. Iżda dan bħal meta wieħed isib ruħu fil-maltemp id-dgħajsa li jkun fuqha tibda tagħmel l-ilma. X’għandek tagħmel? Taqbeż il-baħar? F’dawn iċ-ċirkostanzi l-esperti jgħidulek hu li taqbeż il-baħar għandha tkun l-aħħar ħaġa li għandek tagħmel. Dan għar-raġuni li hemm iktar periklu li taqbeż u ma tafx x’se jiġri minnek milli tibqa’ fuq id-dgħajsa sal-aħħar għax l-esperjenza għallmitna li iktar nies salvaw meta baqgħu fuq dgħajsa nofsha fl-ilma u nofsha fil-wiċċ milli meta qabżu l-baħar.
Meta qegħdin nitkellmu kontra r-riskji tant kbar u katastrofiċi li qatt ma ġraw l-aħjar li wieħed irid joqgħod attent li ma jagħmilx xi mossa li tkun iktar ta’ periklu għalih finanzjarjament milli kieku ma jagħmel xejn.
Nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja li kull min bagħatli x-xewqat sbieħ wara li ħabbart li se nikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss bħala kandidat tal-PL.