Governanza ekonomika: x’se tfisser għal pajjiżna


Gvern jiġi elett biex jara li flus il-poplu jkunu minfuqin sew. Il-mod li jinġabru t-taxxi u ssir l-ispiża pubblika hi xjenza soċjali li, jekk ma titmex­xiex kif imiss, ikollha konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji għal pajjiż. Jiġu affett­wati r-rata li jiġi kkreat jew mitluf ix-xogħol, dik tal-inflazzjoni, kif ukoll r-rata ta’ familji li jaqgħu fil-faqar jew iqumu minnu. Taffettwa wkoll id-distribuzzjoni tal-ġid li jonħoloq fil-pajjiż.

Lil hinn mill-pajjiż ikunu affettwati wkoll il-pajjiżi kollha li magħhom ikun qed jikkummerċja.

Fil-kaz ta’ żona ekonomika jew monetarja bħalma hi l-Ewro, il-mod ta’ kif jitmexxew il-finanzi pubbliċi u l-ekonomija jsiru kritiċi b’im­pli­­kazzjonijiet kbar fuq iż-żona kollha. Hu ghalhekk li s-suġġett ta’ Governanza Ekonomika sar iktar u iktar importanti għaż-Żona Ewro.

Il-kriżi li sabet ruħha fiha l-Greċja kkonfermat, jekk qatt kien hemm bżonn, kemm kienet laxka l-governanza ekonomika fi ħdan iż-Żona Ewro. Għax li ma kienx hekk kienet tkun remota l-possibbiltà li l-Greċja tispiċċa kif spiċċat u l-munita Ewro, biż-Żona Ewro u bl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, jgħaddu mit-turbulanza li għaddew, u għadhom għaddejjin minnha.

Dak li japplika għall-Greċja ċertament japplika għal pajjiżi oħrajn, kemm taż-Żona Ewro kif ukoll le. Kien hemm, u għad hemm, qbil fl-istituzzjonijiet Ewropej li tali governanza għandha tissaħħaħ. Li m’hemmx qbil huwa dwar il-mod kif iseħħ dan it-tisħiħ. Din hija s-sitwazzjoni attwali bejn il-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi u l-Parlament Ewropew.

Fin-nofs hemm erba’ kwist­jonijiet. L-ewwel hemm dik ta’ x’nifhmu sew meta ngħidu pajjiż jitmexxa b’mod stabbli u bla skossi? Kif jista’ jitkejjel dan is-suċċess? Liema huma l-benchmarks ewlenin li wieħed għandu juża biex jitkejjel s-suċċess jew n-nuqqas tiegħu? It-tieni, x’tip ta’ sanzjonijiet għandhom jitħaddmu biex ibeżżgħu lil Gvern biex jibdel triqtu u jerġa’ jiddixxiplina ruħu? Kemm għandhom ikunu ħorox dawn il-pieni miftiehma?

It-tielet kwistjoni tirrigwardja dawk il-problemi strutturali u żbilanċji bejn pajjiż u ieħor. Jekk pajjiż qed jimporta oġġetti u servizzi iktar milli jesporta u għalhekk jagħmel defiċit, filwaqt għal kuntrarjuċ pajjiż sieħbu fil-kummerċ barrani jiġrilu l-kontra u jagħmel surplus kbir. Eżempju għandna iċ-Ċina u l-Ġermanja fost il-pajjiżi li qed jagħmlu surpluses kbar li ­jsarrfu f’defiċits għal pajjiżi l-oħrajn. Min għandu jagħmel il-korrezzjoni biex jirranġa l-iżbilanċ estern? Dak il-pajjiż li jagħmel defiċit jew dak li qed ikompli bil-politika ta’ surplus għas-skapitu tal-pajjiżi l-oħ­rajn? Fuq min għandhom isiru s-sanzjonijiet?

Ir-raba’ kwistjoni hi dwar x’jiġri meta l-pajjiż jaqa’ fi kriżi u jintalab jikkorreġi l-ekonomija tieghu billi jnaqqas id-dejn. Għandhom jintużaw is-sanzjonijiet anke meta nafu li dawn jistgħu jipperikolaw iktar it-tkabbir ekonomiku u jwasslu għat-tnaqqis f’bene­fiċċji soċjali, tant li jiżdied sew il-faqar? Dan pereżempju qed jiġri fil-Greċja u l-Irlanda u mistenni jiġri wkoll fil-Portugall.

Il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ sitt leġiżlazzjonijiet li jaħsbu għal governanza ekonomika aħjar. F’Marzu li għadda l-Ministri tal-Finanzi qablu fuq x’miżuri għandhom jittieħdu. Nhar it-Tlieta, 19 ta’ April li għadda, il-Membri Parlamentari Ewropej li nservu fuq il-Kumitat ghall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) ħadna l-pożizzjoni tagħna. Ix-xogħol fuq dan il-pakkett konna ilna sitt xhur naħdmu fuqu. Jiena kont shadow rapporteur f’isem il-Grupp tal-Alleanza tas-Soċja­listi fuq żewġ rapporti minnhom. Konna tim wieħed billi s-sitt rapporti huma marbutin flimkien.

Irrid ngħid li kontra l-pakkett li konna għaddejna s-sena l-oħra fuq is-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, fuq dan il-pakkett kien hemm u għad hemm nuqqas ta’ qbil fuq diversi punti. Biżżejjed jingħad li kien hemm proposti mijiet ta’ emendi għall-abbozzi tal-leġiżlazzjonijiet. Dom­na nivvotaw fuqhom b’mod elettroniku aktar minn ħames sigħat bla waqfien. Minħabba li l-Konservattivi ġabu sostenn mill-gruppi ż-żgħar fuq ħafna mill-amendi, il-Grupp tas-Soċjalisti fi ħdan l-ECON spiċċajna vvotajna favur tlieta biss mis-sitt rapporti meta wasalna biex nivvotaw fuq ir-Rapport amendat.

Minn issa ’l quddiem tibda t-triq iebsa tan-negozjati. L-Ungerija, li għandha l-Pre­sidenza tal-Kunsill tal-Ministri, qed tittama li tkun waslet għal ftehim bejn il-Ministri tal-Finanzi u l-Parlament Ewropew sa Ġunju li ġej. Mhux xi ħaġa faċli.

Tnejn mir-rapporti diskussi kienu jikkonċernaw l-iżbilanċi finanzjarji li qegħdin naraw f’pajjiżi taż-Żona Ewro. Hemm il-biża’ li ż-Żona tinqasam fi tnejn. Dawk ta’ fuq quddiem, żwiemel, u l-oħrajn li jinsabu jkarkru fuq wara. Qasma bħal din tagħmel ħsara kbira liż-Żona Ewro. Dan huwa kontradittorju għar-raġuni li għaliha għandna munita komuni, l-ewro. L-ewro saret biex ikollna konverġenza, biex kemm jista’ jkun inkunu bħal xulxin u mhux biex inkunu diffe­renti minn xulxin.

Fin-nofs hemm tibdiliet kbar kif se timxi l-Unjoni Ew­ropea. Hemm ukoll indħil kbir u miegħu qed jitlob pajjiżi jimxu fuq prinċipji politiċi li l-gruppi mhumiex lesti biex jintlaħaq kompromess fuqhom. Il-Unjins Ewro­pej minn naħa tagħhom qed jagħmlu l-pressjoni tagħhom li mistennija tiżdied fil-ġim­għat li ġejjin.

B’dak propost mill-ECON il-Kummissjoni Ewropea qed tingħata aktar saħħa fuq fejn jirrigwarda politika fiskali tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan kull pajjiż membru taż-Żona Ewro issa se jkun qed jippreżenta lill-Kummissjoni Ewropea l-baġit nazzjonali tiegħu ta’ kull sena kif ukoll il-pjani ekonomiċi fit-tul qabel ikun ressaqhom fil-Parlament Nazzjonali. Se jkunu qegħdin jiġu eżaminati l-miri ffissati u jekk ikunx hemm konverġenza bejnhom u bejn dak propost li jrid isir biex jintlaħqu. Il-Kummissjoni se jkollha l-poter tibgħat delegazzjonijiet biex ikun investigat dan kollu. Normalment dan il-pass isir mill-Fond Mo­ne­tarju Internazzjonali meta pajjiż ikun f’sitwazzjoni mwegħra u jkun qed jissellef qabda miljuni jew biljuni ta’ dollari. Fiż-Żona Ewro dan se jibda jsir ma’ kull pajjiż membru bħala xi ħaġa normali matul is-sena finanzjarja.

Se jkun hemm miri u se jkun hemm sanzjonijiet. Jekk pajjiż ikkonċernat ikun miexi skont il-miri stabbiliti lilu u jkun qed isir aktar kompetittiv, allura m’hemmx problemi. Imma jekk le, mhux talli hemm problema, talli hemm pieni ħorox, b’massimu ta’ nofs perċentwal tal-Prodott Gross Domestiku (GDP), xi €30 miljun fil-każ ta’ Malta.

Għandu jingħad li l-miri li kien hemm fil-Patt ta’ Stabbi­lità u ta’ Tkabbir se jibqgħu hemm. Id-dettall kollu qie­għed fejn jirrigwarda proċeduri u sanzjonijiet. Aħna, is-Soċjalisti, ma qbilniex mal-kriterju li fuqu se jkun deċiż min se jieħu d-deċiżjoni fuq is-sanzjonijiet. S’issa tali deċiż­joni kienet tittieħed mill-Kunsill kollu, imma qed ikun propost, u dan diġà qabel magħha l-Kunsill, li tali deċiżjoni tittieħed minn dawk il-pajjiżi biss li d-defiċit tagħhom ma jkunx ogħla minn tlieta fil-mija jew li d-dejn tagħhom ma jkunx ogħla minn 60% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP). Dan se jwassal biex ikunu biss pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Olanda u Franza li jiddeċiedu għall-Unjoni Ewropea kollha liema pajjiżi jingħa­taw twissija jew ikunu imposti fuqhom sanzjonijiet iebsa.

La darba dan ġie aċċettat fil-Kunsill u mill-kumitat tagħna, wisq naħseb li jgħaddi wkoll mill-Parlament Ewro­pew. Jekk jiġri hekk ir-riżultat ikun li pajjiż li jaqbeż id-defiċit stabbilit jingħata l-piena mill-ewwel jekk ikun żgħir u dgħajjef ekonomikament. Jekk le jista’ jikkonvinċi li dawn is-sanzjonijiet jiġu posposti. Il-Grupp tiegħi rnex­xielna nwassluhom jaċċettaw li jkun hemm ‘capping’ ta’ mhux aktar minn 1% meta pajjiż jiekol aktar minn piena waħda.

Pajjiż li fil-konfront tiegħu jkun ġie deċiż li ma mexiex mal-linja proposta lilu se jkollu jiddepożita bla imgħax 0.1% GDP tiegħu. Hemm ­pieni simili fuq id-dejn. Pajjiżi li jinqabdu jbagħbsu mal-kotba finanzjarji tagħ­hom, kif ammettiet li għamlet il-Greċja, qed ikun propost li jkunu mmultati 0.5% tal-GDP.

Fil-waqt li għall-ewwel il-Kunsill u l-Kummissjoni xtaqu li d-dħul mit-tali multi jingħataw lil dawk il-pajjiżi li ma jkollhomx defiċits eċċessivi (jiġifieri pajjiżi bħall-Ġermanja), forma ta’ rigal, issa dawn il-multi flimkien mal-interessi fuqhom se jmorru fil-fond li ssejjaħ il-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbilità, mekkaniż­mu li se jidħol fis-seħħ fis-sena 2013. Jekk sa dakinhar ikun hemm multi ta’ din ix-xorta x’jitħallsu, il-flus imorru fil-Bank Ewropew għall-Investiment.

L-iktar politika kontroversjali hi li l-Konservattivi baqgħu ma jridux jagħmlu referenza għal xi investiment jew infiq pubbliku li joħloq ix-xogħol. Quddiem għajnejhom hemm biss qtugħ ta’ spejjeż, li jgħollu l-età tal-penzjoni sakemm ikun hemm bżonn, u t-trażżin tal-pagi, bħala l-unika soluzzjoni. Irridu naraw jekk dan hux se jfisser li l-COLA tintalab li titneħħa minn pajjiżna riżultat ta’ din il-politika Ewropea.

Jiddispjaċini ħafna li waqt li dan kollu ġie miftiehem fil-Kunsill ta’ Brussels, fejn il-Ministru tal-Finanzi ta’ pajjiżna għandu post, b’dan kollu l-Imsieħba Socjali fi ħdan il-Kunsill Malti (MCESD) għadhom ma ġew mgħarrfin b’xejn. Il-Ministru irid jgħidilna ukoll kif il-Gvern qed jipprepara ruħu għal dan it-tibdil fil-mod kif imexxi l-finanzi pubbliċi. Malta hi probabbli l-uniku pajjiż li għadu ma rriformatx il-mod kif tagħti rendikont tal-ispiża tagħha, b’riżultat li bħala taxpayers qatt ma nku­nu nafu eżatt x’inhi l-qagħda vera tas-sitwazzjoni. Nis­peraw li, għal darb’oħra, ma nħallux għall-aħħar siegħa biex naġġornaw ruħna.

www.l-orizzont.com – Tnejn, 9ta’ Mejju 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *