“GREXIT”


Kif jaf kulħadd, is-sitwazzjoni fil-Greċja sejra mill-ħażin għall-agħar. Illum il-kelma saret “meta” u mhux “jekk” il-pajjiż joħroġ miż-Żona Ewro. Diġà laqqmuha GREXIT, taqsira ta’ Greek Exit. Kulħadd issa kurjuż biex ikollu ħjiel tal-effetti kemm fuq il-Greċja kif ukoll fuq il-kumplament taż-Żona Ewro, inkluża Malta, meta din l-eventwalità sseħħ.

© The Economist / D.Bacon

Mingħajr Gvern

Il-Greċja, kif nafu, għadhom sal-lum mingħajr gvern u se jerġgħu imorru għall-elezzjonijiet għax ma rnexxilhomx jiffurmaw gvern. Din hija sitwazzjoni instabbli li qed ikollha effett negattiv u tikkawża inċertezza fuq il-bqija tal-Unjoni Ewropea, jekk mhux tad-dinja wkoll.

Fl-aħħar elezzjonijiet, il-poplu Grieg wera sfiduċja kbira fiż-żewġ partiti l-kbar għaliex jassoċjahom mal-problemi ekonomiċi u soċjali kbar li kellhom jiffaċċjaw dan l-aħħar.

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-FMI li, sa issa, sellfu flejjes kbar lil Greċja biex jipproteġuha mis-swieq finanzjarji internazzjonali, qed iħarsu lejn il-pajjiż mill-perspettiva ta’ bankier li moħħu biss biex jibża’ għal flusu. Għalhekk, biex in-negozjati jitkomplew u jgħaddu somom oħra, jridu jkunu jafu ma’ min ser jinnegozjaw, jekk għandux il-mandat li jinnegozja, u hux lest li jżomm kelmtu. F’kelma waħda jridu jaraw gvern stabbli. U dan hu li l-Greċja ma għandiex.

Fil-każ tal-Italja dan seħħ billi twaqqaf gvern ta’ unità taħt il-Prim Ministru Mario Monti. Fil-każ tal-Greċja sar dan ukoll għal żmien qasir permezz tal-gvern proviżorju tal-ex-Deputat President tal-Bank Ċentrali Ewropew il-Professur Lucas Papademos. Iż-żmien li ngħatalu kien ferm iqsar.

Ir-riżultat fil-Greċja ma setax ikun agħar milli kien. Riżultat li mħabba fih ser ikollha ssir elezzjoni oħra fi żmien xahar, u li ħadd ma jaf kif ser tiżvolġi. Ħafna qed iqisu din l-elezzjoni bħala referendum fuq jekk il-Greċja tridx tibqa’ jew toħroġ mill-ewro. Dak li sa ftit ilu konna nqisuh impossibli qed isir realtà.

Il-Bailout

Fil-Greċja hemm partiti politiċi li qed jgħidu li jridu jerġgħu jinnegozjaw il-‘bailout’. Kif nafu dan mhux xi ħaġa li se tkun aċċettabli l-iktar għal Ġermanja, imma wkoll għal kull pajjiż, inkluża Malta, li sellfu l-miljuni ta’ ewro lil dan il-pajjiż.  Saret maħfra ta’ ‘l fuq minn 60 fil-mija tad-dejn li kellhom mal-banek Ewropej u anke ma’ eluf kbar ta’ individwi, inklużi ħafna Maltin li kellhom bonds Griegi. Dan tal-aħħar ġara għaliex il-parlament Grieg għadda liġi retroattiva li, permezz tagħha, deċiżjoni kollettiva tal-maġġoranza li tiġbed flusha b’telf kbir saret torbot ukoll lil minoranza li ma rieditx tiġbed flusha, u ssofri t-telf, għalissa.

Jiena m’għandi l-ebda’ dubju li l-pakkett mhux ser jerġa jiġi miftuħ għad-diskussjoni. Il-pakkett kien l-iktar programm realistiku, mill-perspettiva ta’ bankier, kif jaħseb li hu l-aħjar biex id-djun jonqsu minn 200 għal 120 fil-mija tal-PGD fuq medda ta’ snin stabbilita. Ma ninsewx li dan il-programm ta’ awsterità naqblu jew ma naqblux, kifer kemm hu kifer, hemm jew m’hemmx xi rimedji biex ipattu, il-Greċja trid tgħaddi minnu anke jekk tkun barra l-ewro. Dan għaliex l-ebda pajjiż ma jista’ jibqa’ jagħmel deficits kbar. Anke jekk id-djun ma jitħallsux minhabba falliment.

Falliment iseħħ meta l-pajjiż ma jkollux biex iħallas jew l-imgħax jew il-kapital meta dan jimmatura. Anke meta l-banek jagħtuk nifs permezz tar-ristrutturar, dan ukoll jissejjaħ bhala falliment. Tgħiduli allura dan mhux diġà sar mal-Greċja mill-banek Ġermaniżi u Franċiżi li ħafrulhom iktar minn sittin fil-mija? Teknikament dan huwa falliment. Pero, għax kien volontarju, jew taparsi kien volontarju għax il-Ġermanja mbuttat lil dawn il-banek, allura wieħed jista jgħid li dan ma kienx falliment f’dak il-punt.

Fil-każ ta’ falliment totali, l-affarijiet jinbidlu kompletament. Kull għajnuna mill-Unjoni Ewropea tieqaf ħesrem. Jekk tqatta’ l-karti mad-dinja esterna, mal-bankiera u ma’ kullħadd, ħadd mhu se jsellfek iżjed. Jekk toħroġ b’dan il-mod l-anqas fl-Unjoni ma tista’ tibqa’. U allura tispiċċa titlef il-fondi tar-ristrutturar, tispiċċa titlef kollox.

Issa f’dik is-sitwazzjoni, jekk l-ekonomija tkun għada lanqas laħqet bilanċ primarju fuq id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern, li trid tghamel hu li tkompli bil-programmi ta’ awsterità kif kienu qabel. Fl-istess ħin wieħed jistenna li l-inflazzjoni togħla bl-eluf fil-mija u jkun hemm diżastru kbir, bit-tbatija preżenti tkompli, bi hruġ kbir ta’ eluf kbar ta’ nies barra l-pajjiż u bil-kċejjen fit-toroq iqassmu l-ikel lin-nies. Xenarju mill-iktar ikrah u li ħadd ma jrid jara fl-Ewropa llum.

Hemm tip iehor ta’ falliment fejn inti tirristruttura l-djun. Agħmel sena oħra u ilħaq għal inqas bilanċ primarju u mbagħad agħmel il-Greek Exit. Il-Greek Exit tkun ristrutturata u ppjanata. Xorta inti ma’ tħallasx lura ċertu pagamenti fuq id-djun pero b’arranġament. Xorta se jibqgħu mdejnin il-Griegi iżda triq tan-nofs hemm, hemm il-benefiċċji u anke wkoll l-obbligi.

Jekk imorru għad-drakma, f’erba’ xhur jistgħu jibdew jistampawħa u jekk jiżvalutaw, wieħed qed jikkalkula li jrid isir għall-inqas bi tletin fil-mija. Is-settur tal-esportazzjoni huwa żgħir ħafna biex jirpilja u jkabbar l-ekonomija. Filwaqt li s-settur turistiku, għalkemm jista’ jirpilja teknikament bil-prezz baxx ta’ drakma żvalutata, il-kaos li jkun hemm mhux tajjeb lanqas għal dan is-settur. Jiġifieri m’hemmx xenarju sabiħ u għalhekk kull minn hu fil-gvern u minn hu fil-politika jgħidlek li m’hemmx triq ħlief li jirranġaw biex ikun hemm xi għajnuniet.

Hekk kif għaddej dan kollu fil-Greċja issa hemm president ġdid Franċiż, François Hollande, li qed jipprova jilħaq kompromess bejn il-miżuri ta’ awsterità’ li trid il-Ġermanja u l-programm tiegħu ta’ tkabbir ekonomiku. Ma naħsibx li fiż-żmien mixtieq ser ikun sar xi tibdil biex jirrimedja għall-problemi tal-Greċja.

Il-Greċja jista’ jiġrilha bħal għaddas sfortunat li, għal ftit sekondi, ma ġieħx l-ossiġnu li kellu bżonn u miet. L-ossiġnu politku ta’ Holland jista jiġi imma jista’ jkun tard wisq sakemm dan jgħaddi mill-Parlament u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, biex ma nsemmux it-tibdil fit-Tratt innifsu.

Huwa għalhekk wieħed jistenna li f’Ġunju li ġej il-Griegi iridu jagħtu vot deċiżiv u ċar. B’dan il-vot iridu juru jekk iridux jibqgħu fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ewro jew le. Dan ikun importanti kemm għalihom kif ukoll għalina bħala Stati Membri kemm taż-Żona u kemm tal-Unjoni.

 

 

–  l-orizzont : 28 ta’ Mejju, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *