Ir-rivoluzzjonijiet li seħħew l-ewwel fit-Tuneżija mbagħad fl-Eġittu, wasslu għal dak li ried il-poplu, it-tneħħija tat-tmexxija awtoritarja tal-pajjiż. Kien hemm l-imwiet. Inxtered id-demm. Sadanittant qed iseħħu irvellijiet b’konsegwenzi aktar koroh, b’iktar tixrid ta’ demm u mwiet fil-Libja. Kien hemm protesti f’ħafna pajjiżi oħrajn, għalkemm mhux kollha mdemmin. Il-mistoqsija li tigi f’moħħok mill-ewwel hi: jista’ jkun hemm rivoluzzjoni li taqleb lil gvern mingħajr ma jinxtered id-demm?
L-unika rivoluzzjoni fejn poplu jista’ jaqleb gvern sħiħ u ma jħallihx jaħkmu mingħajr ma jxerred qatra demm hi dik li sseħħ permezz tal-elezzjonijiet ġenerali li jsiru f’pajjiżi demokratiċi kull tant żmien. Hu għal din ir-raġuni li pajjiżi demokratiċi ta’ influwenza bħalma hi l-Unjoni Ewropea, isaħħu ma’ kull pajjiż li jrid li jkollu relazzjonijiet tajbin magħha li jkollu elezzjonijiet veru trasparenti u fiergħa. Dan għax hu l-mod kif iċ-ċittadini jagħżlu minn jiggvernahom mingħajr il-bżonn li twaqqa’ qatra demm.
S’intendi kien hawn fejn kien hemm rivoluzzjonijiet, jew aħjar kolpi ta’ stat, bħalma meta l-armata tagħhom tieħu l-pajjiż f’idejha bla ma titwaqqa’ taqtira demm. Ben Ali u Gaddafi nfushom kienu għamlu hekk. Però din mhix is-soluzzjoni aħħarija. Li tieħu gvern bis-saħħa, trid iżżommu bis-saħħa. L-awtorità trid is-saħħa biex iżżommha, iżda li jkollok is-saħħa ma jfissirx li se jkollok l-awtorità. L-awtorità jagħtihielek il-poplu biss.
Għalhekk ngħidu li gvern demokratiku għandu jkun mill-poplu għall-poplu. Il-prinċipju tal-libertà li tagħżel int x’tagħmel minn ħajtek hu dritt uman. Biex inti taċċetta li tnaqqas din il-libertà billi tagħtiha jew tgħaddiha lil ħaddieħor ħalli jiggvernak, hi xi ħaġa sagrosanta u mhux ta’ min jarmiha u jikkalpestaha, jew jeħodha b’nofs kedda.Biex ma jkunx hemm dik ir-reżistenza lejn gvern li qed jiggvernak, u biex ma tħossx li dan il-gvern qed jiggvernak kontra l-volontà tiegħek iridu jiġu osservati ċerti regoli minn qabel.
Dan hu l-iskop li pajjiż ikollu kostituzzjoni ċara maqbula mill-poplu li sservi ta’ qafas ta’ kif għandu jiġi ggvernat u mmexxi l-pajjiż. Għandhom jiġu stabbiliti u mfissrin l-istituzzjonijiet leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji. Li jkun hemm indpendenza u imparzjalità fit-tmexxija tagħhom.Imma l-aktar important huma r-regoli ta’ kif jitexxew l-elezzjonijiet li permezz tagħhom il-poplu jibdel gvern għal ieħor mingħajr il-bżonn ta’ ġlied imdemmi. Ma jistax ikun hemm elezzjonijiet taparsi, li ħafna gvernijiet xejn demokratiċi jipprovaw li jkollhom. Li jkollok elezzjonijiet fejn jintlew il-kaxxi tal-votazzjoni b’karti foloz u li diġà jkunu ppreparati minn qabel. Li tinfluwenza l-imħuħ permezz ta’ xandir tal-istat monopolizzat minn nies tal-gvern, ma jistax ikun aċċettabbli f’demokrazija. Agħar minn hekk hu li gvern jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter kontra l-volontà tal-poplu billi juża l-armata, billi juża s-servizzi sigrieti biex jispjuna fuq iċ-ċittadini tiegħu għal skopijiet politiċi. Jew li nisimgħu b’persuni li sparixxew jew b’oħrajn li mietu waqt l-interrogazzjoni fil-ħabs.
Minn dawn ix-xorta ta’ pajjiżi sfortunatament għandna ħafna fid-dinja.Huwa għalhekk li l-UE, li twaqqfet fuq perm demokratiku, ma tistax, sa fejn tista’, ma tisħaqx fuqhom biex dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru.
Il-ftehim li jintlaħaq ma’ dawn il-pajjiżi inqas demokratiċi jinvolvi ratifikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u anke reġjonali. Fil-kamp ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti għandna d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani (1948), Dawn ġew supplimentati maż-żmien b’konvenzjonijiet oħrajn biex jitfissru aħjar.
Huwa dmir tagħna li pajjiż li ħalef li jirrispetta dawn id-drittijiet jara li jħarishom. Il-pajjiżi tista’ tiddeskrivihom bħan-nies. Jekk persuna mhix fil-qrib tiegħek jew mhix ħabib jew ħabiba, malajr issib id-difetti kollha fiha u ma tiddejjaq xejn malajr tiddikjarahom fil-beraħ. Isir ukoll ma’ partit li ma tappoġġjax. Malajr tikkritikah bil-miftuħ. Iżda meta jkun hemm partit jew persuna li tkun qrib tiegħek jew ħabiba tiegħek, tipprova tissaportih/a. Ma tikkritikahx fil-miftuħ. Anke jekk din il-persuna tista’ ħafna drabi timbarazzak. Żgur li tipprova ma tiggilidx magħhom u ma toffendihomx u ma tgħidilhomx bihom id-difetti. U hekk jiġri bejn il-pajjiżi. Huwa magħruf sew li l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Istati Uniti u pajjiżi veri demokratiċi, għax veru jemmnu u jgħożżu d-drittijiet umani u d-drittijiet ċivili, fl-elezzjonijiet ħielsa dan jiddikjarawh bil-miftuħ u ssibhom minn ta’ quddiem jikkritikaw pajjiż bħall-Iran, iż-Żimbabwe, il-Korea ta’ Fuq. U dan hu sew li jsir.
Iżda meta niġu għal dawk il-pajjiżi li strateġikament huma ħbieb għax dawn niddependu minnhom għax għandhom iż-żejt jew għax importanti strateġikament, jew għal ħaġa jew għal oħra, l-istampa ma tibqax daqshekk ċara.
Nafu pereżempju li l-Eġittu kellu dan ir-rwol strateġiku għalkemm kulħadd kien jaf li l-Gvern ta’ Mubarak kien awtoritarju. Jew inkella t-Tuneżija li kellha ħbiberija kbira fil-miftuħ mal-pajjiżi Ewropej, ta’ eżempju għar-reġjun, iżda konna nafu li kellha d-difetti f’dawk li huma libertajiet fil-pajjiż. Jew il-Libja, li għalkemm ħadd ma kien xi ħabib veru ta’ Gaddafi, xorta kienu jissaportuh sakemm jibqa’ jagħtihom il-kuntratti kbar u jissupplihom biż-żejt. Meta dawn il-pajjiżi kienu jiġu kkritikati, ma kinux jiġu kkritikati daqshekk fil-miftuħ daqs kemm jiġu kkritikati pajjiżi oħrajn.
U dan li ġara. Kellna dawn id-’double standards’, skont min int, sew bejn naħa waħda tal-UE u tal-Amerika. Permezz tat-tbatija li ġabet ir-riċessjoni internazzjonali l-poplu ma felaħx jissaporti iżjed. Kien qisu bomblu gass lest biex jisplodi. Kulma kien qed jistenna kien sulfarina waħda. Dawn il-pajjiżi issa qegħdin juru fil-miftuħ u b’mod qalbieni li mhumiex kuntenti sew f’din is–sistema awtoritarja li kienet qiegħda tnaqqsilhom il-libertajiet jew inkella ma tagħtihomx il-libertajiet li ahna nistennew li kull ċittadin tad-dinja għandu jkollu.
Bħala Ewropej għandna minn xiex nistħu li qatt ma tkellimna ċar aktar qabel. Issa li dawn l-affarijiet ġraw hu l-mument li dawn l-affarijiet niddiskutuhom iktar fil-miftuħ. Żgur li tawna tagħlima għall-quddiem.
Waqt li qegħdin nitkellmu fuq d-demokrazija, in-nuqqas tagħha, kif ukoll l-abbuż minnha fil-kuntest tal-pajjiżi Għarab ma tistax ma tħarisx lejn pajjiżi oħrajn. L-Afrika per eżempju. Waqt li għaddej dan kollu fl-Afrika ta’ Fuq jien kont l-Uganda, pajjiż fiż-żona sub Sahara, immexxi kontinġent kbir ta’ osservaturi mill-UE biex isegwu l-elezzjonijiet Presidenzjali, u Parlamentari f’dak il-pajjiż. Tisma’ u tara b’għajnejk b’abbużi tal-prinċipji demokratiċi u drittijiet umani fil-mument meta l-poplu qed jingħata ċ-ċans li jagħżel lil min imexxih. Jiddependi minni dwar x’għandu jkun il-ġudizzju tal-UE fuq dawn l-elezzjonijiet.
Fl-istess ħin ma nistax nindaħal fl-affarijiet interni tal-pajjiż. Bħala missjoni Ewropea aħna ġejna mistednin mill-awtoritajiet tal-post biex nagħtu opinjoni. Opinjoni li ssarraf ħafna għall-komunità internazzjonali li trid tkun taf x’inhu jiġri f’dak il-pajjiż f’dan il-mument.
Nista’ ngħid li din kienet l-ikbar biċċa xogħol diffiċli li qatt kelli s’issa. Bħal kull pajjiż ieħor, l-Uganda hija marbuta mat-trattati, konvenzjonijiet u oħrajn illi jkollha l-elezzjonijiet kull ħames snin, li tirrispetta d-drittijiet umani, li l-elezzjonijiet ikunu ġusti, li jkun trasparenti, li ma jkunx hemm tbagħbis fil-kaxxi tal-votazzjoni u affarijiet oħrajn li għal min hu midħla tagħhom huma normali.
L-opinjoni tagħna rridu nagħtuha indipendentement sew mill-UE u sew mil-Parlament Ewropew, anke mill-opinjoni li jkollhom l-ambaxxaturi li jkunu hawn fl-Uganda. Indipendentement mill-fatt li l-Uganda hi ferm importanti għall-Amerika u l-Ewropa għax qiegħda tħarreġ u tibgħat is-suldati tagħha fis-Somalja.
Xogħolna mhux li nagħtu kas dawn l-affarijiet. Biex tkun indipendenti, trid tara u tosserva l-elezzjonijiet u r-rapport tal-missjoni irid ikun ċar u tond. Fejn hu tajjeb ngħid li hu tajjeb, u fejn hu ħażin ngħid li hu ħażin, u fejn hemm irregolaritajiet ngħiduhom ukoll. S’intendi, niġbdu l-konkluzzjonijiet biex l-istampa tingħata sħiħa. Dan huwa kruċjali għax il-pajjiż irid jingħata avviż li fejn hemm affarijiet li mhumiex aċċettabbli irridu ngħidulhom li m’għandhomx isiru aktar.
Hawnhekk kien hawn irregolaritajiet, bħal kaxxi tal-voti li ma kinux issiġillati u nies li ma kinux imħarrġa, votanti ma kinux ċari fejn għandhom jivvotaw u kien hawn ħafna taħwid.
S’intendi aħna għandna nies biżżejjed mal-Uganda kollha. Jien stess dort ftit minnhom b’ajruplan żgħir minn post għal ieħor. L-istampa kienet li kien hemm ħafna mill-24,000 post tal-votazzjoni li kienu regolari u li ma kienx hemm intimidazzjoni daqs xi postijiet oħrajn. Iżda ma stajx ma niddeplorax in-nuqqas ta’ fiduċja fil-Kummissjoni Elettorali, in-nuqqas ta’ Karta tal-Identità jew dokument tal-vot, li ħafna ċittadini bla vot, il-miljuni kbar li nefaq il-gvern qabel l-elezzjoni u x-xiri ta’ voti f’ħafna bnadi.
Kien hemm titjib li ħadna gost bihom f’dik li hi nuqqas ta’ vjolenza u mwiet bħalma kien hemm fil-passat, iżda kien hemm affarijiet li setgħu saru aktar bis-sew u bil-galbu. Żgur li l-Uganda jixirqilha ferm aħjar.