Il-Burokrazija – ma noħlqux problemi fejn ma hemmx


Hawn ħafna li l-burokrazija jassoċċjawha biss max-xogħol tal-Gvern. Il-parti negattiva fl-amministrazzjoni tal-Gvern. Filfatt il-kelma burokrazija ġejja mill-kelma “bureau”, u li tfisser dipartiment. Jista’ jkun dipartiment sew pubbliku kif ukoll f’kumpanija privata.

Iżda l-mod ta’ kif jitkellmu fuq ix-xogħol tal-Gvern mhux l-ewwel darba li nies fin-negozju, nies li jridu jinqdew jgħidulek li hemm is-settur pubbliku ghandu r-“red tape” u l-burokrazija. Kultant jgħidu ukoll li hemm burokrazija żejda.

Il-burokrazija fil-fatt tista’ tkun pożittiva u negattiva. Titratta dwar il-mod ta’ kif isiru l-affarijiet sa meta jasal ir-riżultat u jekk jilħqux ir-riżultat mixtieq.

F’ħafna pajjiżi li għadhom sotto żviluppati l-burokrazija hija kbira. Kulħadd jibża’ jieħu deċiżjoni, jġiba bi kbira u jrid li jieħu l-importanza hu minflok il-klijent. Għal kuntrarju fin-negozju speċjalment f’pajjiżi li jagħtu l-eżempju; bħal Ġappun u bħal l-Amerka jgħidulek li l-klijent dejjem għandu raġun. Fil-prinċipju dawn il-kumpaniji ma joqogħdux iġibu skużi. Jekk xi ħadd qed jilmenta bilfors li għandu xi ħaġa. Ġaladarba bil-flus li qed jonfoq il-klijent qiegħed iżommlok in-negozju ħaj u qed irrendi, għandek tagħti każ ta’ xi jkun qiegħed jgħid.

Il-prinċipju huwa li l-klijent dejjem għandu raġun. Anke jekk ma jkollux raġun, la darba qiegħed jilmenta għandek tiċċekja r-raġuni għaliex u tara x’ tista’ tagħmel biex taqdih u żżommu kuntent. Dan huwa l-prinċipju.

Jekk inti min-naħa l-oħra tagħmel il-pożizzjoni tiegħek importantissima u taf li bid-deċiżjoni tiegħek dak li jkun ma jieħux dak li ħaqqu u trid tagħmel il-ħajja tal-klijent infern, biex ngħidu hekk, hemm vera tkun qed toħloq burokrazija żejda li tagħmel ħsara kbira lid-dipartiment tiegħek u ukoll lill-ekonomija tal-pajjiż.

Il-Burokrazija hemm ħafna modi kif wieħed ikejjilha u jikkompara ma’ pajjiżi oħra. Tista’ tagħmel ċertu mistoqsijiet bħal; Kemm tieħu jiem kumpanija biex tirreġistra? Tista’ tieħu ġimgħa, tista’ tieħu xahar, tista’ tieħu tlett xhur. Kemm tieħu żmien minn meta tapplika sa meta jikkonnektjawlek telephone? Fiż-żmien tal-lum vera li ma tantx hija wisq importanti għaliex bil-mobile phone kemm tixtri s-sim card u tirreġistra ma’ kumpanija privata. Iżda meta inti ssaqsi kemm tieħu żmien biex tagħmel ħaġa jew oħra? Biex jagħmlulek il-meter tal-eletriku fid-dar tiegħek? Biex iddaħħal l-ilma fid-dar tieghek? Kemm tieħu żmien biex iġġib permess għall-ħanut tiegħek? Kemm tieħu żmien biex inti iġġib in- numru tal-VAT ħalli tkun tista’ tibda tbiegħ u allura tgħaddi t-taxxa tal-VAT lil Gvern? Kemm tieħu żmien biex tneħħi in- numru tal-VAT għaliex wara li tkun irtirajt min-negozju tiegħek trid illi ma tibqax irreġistrat u ma jibqgħux jibagħtulek il-formoli? Kemm tieħu żmien biex jirrisponduk għal ittra? Kemm hemm regolamenti li qedin hemmhekk minflok biex jgħinuk qegħdin dejjem jagħtuk gambetta? Ħafna negozjanti iħossuhom hekk meta jiġu biex jitfu l-offerta tagħhom għal dak li jgħidulu public procurement, meta issir ix-xiri mill-Gvern permezz tal-kuntratti.

Hekk per ezempju jkollok kaz fejn jgħidlek li għandek ċans ta’ tletin ġurnata sa ma titfa applikazzjoni għal xi ħaġa. Tikkorrispondi mad-dipartment biex imbagħad sa kemm tirrispondi għal xi ħaġa u jerġa’ jirrispondik u jgħidlek skużani għax it-tletin ġurnata  għaddew u terġa’ tibda mill-bidu net.

Pajjiżi bħal l-Italja huma magħrufin għal burokrazija kbira. Meta aħna nikkomparaw ruħna magħhom naraw li Malta għamlet avvanzi kbar u waqqgħet din il-burokrazija. Nieħdu eżempju, n-numru ta’ ġranet minn mindu joħrog l-ewwel avviż sa meta jingħata l-kuntratt kif qsar u li jgħin lin-negozju biex irrendi u l-ekonomija tmur ’lquddiem.

Dawn huma indikaturi iżda huma l-ħajja tagħna ukoll. Iġifieri meta inti taqla’ fwiedek biex tagħmel xi ħaġa li suppost taf, u s-sens komun jgħidlek, li għandek tagħmila fi żmien raġonevoli, allura hemmhekk tħoss li dak li qed titlob mar fil-bir tas-skieken. Din hija kolla burokrazija. Dan hu l-ghadu ta’ ekonomija li trid kull ma jmur issir iktar effiċjenti

Min-naħa l-oħra n-nies speċjalment dawk li mhux involuti fid-dipartiment jew dik il-kumpanija li jridu servizz mingħandha ma jafux kif jitħaddmu l-affarjiet internament.  Iridu jifhmu li l-mirakli ma jsirux. Kull dipartiment għandu n-nies illi jaħdmu bil-files wieħed wara l-ieħor u li jrid jgħaddihom lil siebħu f’sular ieħor jew f’dipartiment ieħor, jirċievi risposta u allura dan bilfors irrid jieħu iż-żmien tiegħu.

Wieħed irrid isib bilanċ. Ix-xogħol irid isir. Irrid isir bir-reqqa u jrid jara li ma jkunx hemm abbużi. Min-naħa l-oħra wieħed irid jara li dan ma jieħux fit-tul għaliex iż-żejjed huwa kollhu żejjed.

F’pajjiżi moderni u avvanzati bħal ma huma Singapor, l-Amerka, l-Kanada, l-Ingilterra fil-qrati, issir il-preparazzjoni li kawża għandha bżonn u  tibda u tispiċċa fiż-żmien ġimgħa, ġimgħatejn u mhux tieħu snin u snin u snin. Iġifieri hemm sistemi li jridu jittranġaw li ma jiddependux mill-bniedem jew mill-imħallef jew mill-maġistrat imma mis-sistema li nkunu ħloqna aħna u twassal għall-burokrazija.

Għalhekk pajjiżi li jridu jimxu ’lquddiem u jikkompetu jaraw kif dejjem iqaċċtu u jqaċċtu minn din il-burokrazija u jnaqqsuha. Sew biex tinqata kawża, sew biex il-Gvern jirnexxielu jimplimenta kuntratt, biex wieħed jirreġistra jew biex wieħed jiġbor il-VAT. Dan huwa fl-interess tal-Gvern illi jara li dan iż-żmien dejjem jiqsar.

Pajjiżi fejn jużaw il-komputer u digitisation qed tgħin il-proċess isir iktar aċellerat. Hemm hekk wieħed għandu jispera li f’ ħafna pajjiżi fejn inkun hemm ir-rieda għaliex fuq kollox irrid ikun hemm ir-rieda apparti li jkollok l-għodda. Aħna hawnhekk naraw li l-Gvern ta’ pajjiżna għandu r-rieda. Irid ikun hemm ħafna training xi jsir u irid ikun hemm ħafna software li jrid jinkiteb. Iġifieri l-passi ukoll jieħdu iż-żmien anka biex taqta l-burokrazija nnifisa.

Iżda fuq kollox hemm jew għandu jkun hemm ir-rispett lejn il-bniedem. Meta inti tiltaqa’ jew tikkommunika ma’ persuna oħra, irid jkollok f’moħħok l-ewwelnett ir-rieda li inti vera trid taqdiha lil din il-persuna jew le? Jekk inti ma tridx taqdija jista ikollok instrumenti u mezzi kemm trid għaliex m’intiex sa taqdiha. Għalhekk huwa mportanti t-training sew jekk f’ kumpaniji privati u sew fil-Gvern. B’hekk jitgħallmu illi jekk irridu jagħmlu il-ħajja aħjar għaċ-ċittadin għandhom  jaqdu li dik il-persuna.

Nisperaw illi wieħed jitgħallem minn dawn il-pajjiżi avvanzati u jara li l-ħajja jagħmila kemm jista jkun faċli u ma joħloqx problemi fejn ma hemmx.

Orizzont 14 ta’ Dicembru 2018


One response to “Il-Burokrazija – ma noħlqux problemi fejn ma hemmx”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *